"Idaħħkuni nies li jilbsu ikrah"

Claire Ciantar - mudella ta’ 18-il sena li rebħet l-unur tal-mudella tas-sena 2014 f’Mejju. Claire apparti li mudella, tkanta, tilgħab il-basketball u studenta fl-Università ta’ Malta

Jean Pierre Cassar / 24 t'Ottubru 2014 10:30
Claire Ciantar
Claire Ciantar
Claire Ciantar
Claire Ciantar
Claire Ciantar
Claire Ciantar
Min ħajrek jew min fejn nibtet ix-xewqa li tidħol fid-dinja tal-moda?

Kienet Marisa Grima, mill-Aġenzija tal-Immudellar Supernova li ħajritni nibda nimmudella bis-serjetà wara li sabitni fuq Facebook.

Kemm ilek issa fix-xena tal-moda?

Sentejn.

X’inhuma l-unuri li ksibt?

L-ewwel kien meta rbaħt il-kompetizzjoni ta’ Supernova u tlajt nimmudella f’Birmingham. Wara sena sħiħa ta’ spettakli u photoshoots ġejt innominata mill-Malta Fashion Awards għall-unur ta’ Best Female Model of the Year 2014 u rbaħtu. Imma x-xogħol ma waqafx hawn, anzi, kont għamilt audition hawn Malta, irbaħtha u tlajt nikkompeti fil-kompetizzjoni New Model Today f’Riccione fl-Italja. Hemmhekk irnexxieli nikkwalifika fit-tielet post minn 36 finalista internazzjonali. 

Kemm għandna opportunitajiet fix-xena tal-moda f’Malta?

Għalkemm Malta żgħira, hawn bosta opportunitajiet fil-qasam tal-moda, iżda wieħed għandu joqgħod attent u jkun ċert ma’ min qed jaħdem. Li xi ħadd ikollu aġenzija tajba huwa l-ewwel pedament biex tidħol fix-xena tal-moda. 

Titħajjar issegwi karriera fil-moda barra minn pajjiżna? 

Iva! Naħseb li hija x-xewqa ta’ kull mudell jew mudella li taħdem internazzjonalment bħal pereżempju f’Pariġi jew f’Milan. 

Xi tfisser għalik il-moda? Fejn jidħlu l-ħwejjeġ, ix-xagħar, iż-żraben eċċ? Liem jiġi l-ewwel għalik minn dawn it-tlieta?

Il-moda hija importanti ħafna għalija u hija xi ħaġa li nemmen li kulħadd għandu jsegwiha. Għalkemm jien inħobb ħafna ż-żraben, naħseb li xorta waħda l-ħwejjeġ huma l-aktar ħaġa importanti. Qatt ma jista’ jkollok biżżejjed ħwejjeġ! Nixtieq nenfasizza l-fatt li għalkemm għandna nsegwu x’inhu fil-moda, wieħed għandu jara wkoll dak li jkun adattat għall-personalità u l-figura tiegħu. 

Kellek xi esperjenza tal-mistħija waqt li kont qed timmudella?

Ma tantx, għax qabel noħroġ fuq il-catwalk inkun ċerta li jkolli kollox f’postu. Iżda darba niftakar kelli libsa twila u ftit ikkumplikata, weħlitli t-takkuna magħha u kelli nitbaxxa u nirranġaha u kif tbaxxejt tħarbatli xagħri kollu… kelli nimxi l-kumplament tal-catwalk b’xagħri mħabbel qisu ma ġara xejn. 

X’inhi l-iktar ħaġa li togħġbok fid-dinja tal-moda?

L-ammont ta’ nies li tiltaqa’ magħhom. Kull spettaklu jew photoshoot li jkollok dejjem tiltaqa’ ma’ nies ġodda li jinteressaw ruħhom fil-moda u dejjem tibqa’ titgħallem affarijiet ġodda.

X’inhi l-iktar ħaġa li ddejqek fid-dinja tal-moda?

Il-fatt li l-mudelli huma mistennija jkunu rqaq ħafna, mentri fil-verità n-nies li se jilbsu dawn l-istess ħwejjeġ ma jkunux daqshekk irqaq. 

X’ibikkik?

Il-mewt.

X’jiffrustrak?

Nies li jmeru u ma jkollhomx raġun.

X’idaħħkek?

Nies li jilbsu ikrah. 

Jekk ikollok tagħżel kulur li jiddeskrevik, x’tagħżel? U għaliex?

Il-maroon, apparti li huwa wieħed mill-aktar kuluri li jogħġbuni, huwa taħlita ta’ iswed u aħmar. L-iswed juri li jiena persuna serja u l-aħmar juri li lesta li nieħu riskji fil-ħajja.

X’tip ta’ mużika tħobb u min huma l-artisti favoriti tiegħek?

Jiena l-mużika nħobbha ħafna, fil-fatt inkanta wkoll. Ma naħsibx li għandi tip ta’ mużika li ngħid favorita tiegħi għax invarja ħafna fil-mużika li nħobb nisma’. Naħseb il-kantanti favoriti tiegħi huma Jessie J u Christina Aguilera għax dejjem jimpressjonawni meta jkantaw live

Għandek xi fobja?

Nibża’ ħafna mill-brimb! Ma nafx għaliex!

Jean Pierre Cassar gradwa mill-Università ta' Malta b'Baċellerat fil-Malti. Kompla l-istudju tiegħu fl-interpretar fejn kiseb iċ-ċertifikat biex ikun jista' jaħdem bħala interpretu fl-istituzzjonijiet Ewropej. Preżentament jokkupa l-kariga ta' Aġent Editur mal-ġurnal Illum.