L-atleta bir-rekord nazzjonali tal-400 metru

Daniel Saliba – atleta ewlieni f’Malta li għandu r-rekord nazzjonali tal-400 metru u li huwa ta’ ispirazzjoni kbira għall-atleti żgħażagħ

Cristian Muscat / 15 t'Ottubru 2014 20:05
Daniel Saliba
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Il-ġiri ilu fija sa minn meta kont żgħir. Meta kont żgħir ħafna, ta’ madwar ħames snin, l-għalliema tiegħi tal-Edukazzjoni Fiżika kienu jirrimarkaw fuq il-fatt ta’ kemm kont neċċella fil-ġiri. Fil-fatt darba minnhom waħda mill-għalliema tiegħi matul Sports Day li kienet saret fil-Marsa Sports Ground tkellmu mal-ġenituri tiegħi u qaluli li kelli nibda nieħu bis-serjetà l-atletika. Il-ġenituri tiegħi bdew jeħduni għal dawn is-sessjonijiet tal-atletika u kont veru nieħu gost! Wara xi snin waqaft minħabba li l-ħbieb kollha li kienu viċin tiegħi kienu qed jitħarrġu l-futbol u għalhekk ingħaqadt magħhom. Din tiġri lil ħafna atleti li jkollhom talent li iżda jkunu jipprattikaw sports mhux daqstant popolari f’Malta. Jien kont tajjeb fil-futbol u fil-fatt ġejt magħżul għall-prova mat-tim nazzjonali iżda kollox intemm hemm. Waqaft nilgħab futbol meta kelli 14-il sena. Wara l-futbol ma ridt inħares lejn l-ebda sport ieħor! Kont nieħu gost nilgħab logħob fuq il-kompjuter sa minn meta kont niġi lura mill-iskola sa tard bil-lejl. Kont ġejt ossessjonat tal-kompjuter. Dan iż-żmien f’ħajti dam madwar sitt xhur, u kien f’dak iż-żmien li rrealizzajt li kelli nerġa’ nibda t-taħriġ. Tkellimt ma’ wieħed mill-għalliema tiegħi tal-Edukazzjoni Fiżika fl-iskola u staqsejtu biex jirreferini għall-kowċ tal-atletika. Huwa staqsieni mistoqsijiet fuq x’ridt nagħmel u tani għażla biex nagħżel lil Andrè Mangion – li għadu ħabib tiegħi sal-lum il-ġurnata. Bdejt nitħarreġ, liema żmien ma kienx żmien daqshekk sabiħ għall-ewwel, minħabba uġigħ fil-muskoli, bugħawwiġ u dak kollu li wieħed jistenna minn persuna li jagħmel sigħat twal quddiem il-kompjuter! Iżda l-atletika kienet fija u ridt li nibqa’ nħares ’il quddiem b’fiduċja massima u nagħmel l-aħjar li nista’.

"“L-atletika tifforma parti integrali mill-ħajja tiegħi u biex ngħidlek il-verità nobgħodha”"
Kif komplejt tevolvi fl-atletika?

Fit-tielet sena tiegħi ta’ taħriġ (2012) fl-atletika ntgħażilt biex nirrapreżenta lil Malta fil-World Island Games (CoJI) li kienu saru f’Cagliari, l-Italja biex niġri fl-400mH. Kont eċitat ħafna u ferm kuntent meta sirt naf b’din l-aħbar. F’dik l-istess sena rbaħt l-ewwel midalja tiegħi f’kompetizzjoni internazzjonali tal-logħob tal-FISEC li saru f’Malta fejn temmejna fit-tielet post fil-400 x 4 relay. Kont sirt ukoll iċ-champion nazzjonali tal-400mH kemm tal-Juniors kif ukoll tal-kbar.

F’nofs l-2013 bdilt il-kowċ u bdejt nitħarreġ ma’ Jivko Jetcheva. Dan tani qawwa mentali kbira għall-fatt li stajt nitħarreġ ma’ wħud mill-aqwa atleti f’Malta. Din kienet l-ewwel darba li ġejt magħżul mat-tim nazzjonali u din id-darba kellna nikkompetu fil-Kampjonati għal Timijiet Ewropej. Kont eċitat ħafna u mort tajjeb ħafna, fejn ksirt kemm ir-rekord tal-400mH tal-kbar kif ukoll tal-juniors li kien ilu hemm għal diversi snin fil-Kampjonat tat-Timijiet Ewropej. Minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja kemm lil Jivko Jetcheva kif ukoll lil David Cardona talli għenuni niżviluppa t-teknika tiegħi tal-hurdling.

Kif tiddeskrivi s-sena 2014?

Din is-sena kienet sena mimlija tlugħ u nżul. Kont weġġajt dahri serjament li żammitni barra mit-taħriġ għal diversi ġranet iżda rnexxieli nadatta ruħi għat-taħriġ bl-għajnuna tal-fiżjoterapisti tal-isptar St James. Hawnhekk nixtieq nirringrazzja lill-Kumitat Olimpiku Malti (MOC) talli pprovdielna l-benefiċċju ta’ saħħa. Jiena flimkien ma’ erba’ atleti oħra morna r-Renju Unit eżattament f’Sheffield fejn ikkompetejna f’kampjonati ġewwa. Ħadt sehem ukoll fil-Kampjonati għal Timijiet Ewropej ġewwa Tbilisi f’Georgia, li kienet esperjenza kemxejn diffiċli għalija minħabba li ħabtet eżattament bejn l-eżamijiet tiegħi u kien ferm difficli għalija li nistudja u u xorta nġib riżultati tajbin fl-Università. Madankollu xorta rnexxieli nikseb ħin viċin l-aħjar personali tiegħi fl-400 mH, waqt li ksibt l-aħjar personali kemm fil-100m kif ukoll fil-200m. 

X’kien l-iktar li sibt diffiċli matul din is-sena?

Waħda mill-iktar affarijiet diffiċli li ppreżentatli din is-sena kienet dik li nsib bilanċ bejn l-istudju u t-taħriġ. Kienet l-ewwel sena tiegħi fl-Università fejn qed nistudja Bsc Hons fil-Business u l-I.T. Mhix xi ħaġa faċli iżda jekk tqassam il-ħin tajjeb jirnexxilek issib il-bilanċ tajjeb bejn it-tnejn. Anki meta kont nitħarreġ darbtejn kuljum filgħodu u filgħaxija, dejjem irnexxieli nlaħħaq mat-taħriġ, imbagħad nibqa’ sejjer l-Università u mbagħad nerġa’ lura għat-taħriġ filgħaxija. Nerġa’ ngħid li mhix xi ħaġa faċli iżda jekk jien irnexxieli nagħmilha, oħrajn jistgħu jagħmluha wkoll. 

Bħala atleta professjoanli, issegwi xi dieta partikolari?

Bħala parti mit-taħriġ tiegħi, irrid ukoll insegwi dieta tajba u sana, li xi drabi ma tkunx xi ħaġa faċli fl-istil ta’ ħajja mgħaġġla li ngħix jien. Irrid nipprepara ikliet għal meta nitlaq mid-dar kmieni filgħodu u nirritorna tard bil-lejl għall-ġurnata kollha. Il-ġenituri tiegħi jgħinuni ħafna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dieta. Insegwi dieta li tinkludi ħafna proteini u ftit karboidrati u naddatta skont dak li jkun jirrikjedi t-taħriġ matul il-pre-season. Niekol iktar karboidrati u nnaqqashom matul il-kors tal-istaġun u l-ġirjiet twal jibdew jonqsu.

"“Ngħixu għall-kompetizzjoni, għall-ħbieb, għas-sessjoniijiet ta’ taħriġ, għall-memorji, għall-uġigħ. L-atletika hija dak li aħna”"
X’sinifikat għandha l-atletika f’ħajtek?

L-atletika tifforma parti integrali mill-ħajja tiegħi u biex ngħidlek il-verità nobgħodha. Staqsi lil ħafna mill-atleti – ħafna minnhom jobgħoduha, iżda ma jistgħux jimmaġinaw lil ħajjithom mingħajrha! Hija parti minnhom, ir-relazzjoni ta’ mħabba u mibgħeda. Hija dak li jgħixu għaliha. Jgħixu għal dik l-emozzjoni li atleta jħoss meta jirbaħ tellieqa jew jikseb l-aħjar ħin personali, u li jsiru konxji tal-fatt li dawk iż-żewġ sprinters extra li jkunu ġrew waqt it-taħriġ ikunu tabilħaqq swewhom. Jgħixu għall-mod ta’ kif l-atleti jsiru familja waħda ma’ dawk li jitħarrġu magħhom. Jgħixu għall-kompetizzjoni, għall-ħbieb, għas-sessjoniijiet ta’ taħriġ, għall-memorji, għall-uġigħ. L-atletika hija dak li aħna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Bħalissa ninsab qed inħares ’il quddiem għall-istaġun li jmiss fejn qed nittama li nikseb it-tragwardi u l-għanijiet tiegħi. Għandi ħafna kompetizzjonijiet li fihom irrid nieħu sehem fosthom il-Kampjonati tat-Timijiiet Ewropej, il-Logħob tal-Universitajiet, il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u iktar!

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.