Ittri tal-Ħadd 12 t'Ottubru

L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew email [email protected]

13 t'Ottubru 2014 17:33
Miżien b’keffa waħda?

Minn Dun Nikol Aquilina

Siġġiewi

Ma nafx għaliex Edward Torpiano m’għoġbux iweġibni wkoll fil-Leħen is-Sewwa fejn kont weġibtu għal xi kummenti li kien għadda fil-konfront tal-kitbiet tal-Avukat Jos. Micallef Stafrace: Mill-Ħażna tat-Tifkiriet.

Torpiano reġa’ għamel l-istess żball li jħares lejn l-istorja minn naħa waħda. L-istorja ta’ pajjiż, ta’ persuna, tal-Knisja għandha ħafna aspetti. Ikun żball jekk tiżen naħa waħda u tagħlaq għajnejk għal aspetti oħra. Dan ma jridx jagħmlu s-Sur Torpiano u jibqa’ jwaddab kollox f’keffa waħda. Preċiżament għalhekk jiena u ħafna oħrajn, napprezzaw il-kitbiet ta’ Dr. Micallef Stafrace għax hu bbilanċjat, prudenti, u brillanti biex iżewwaq il-ġrajjiet li għadda minnhom fl-ispettru wiesgħa ta’ ħajtu, esperjenzi sbieħ u koroh. Mhux hekk għandu jkun?

Le, ma niddejjaqx meta nisma’ min ifakkar, kif għoġbok issejħilhom Sur Torpiano, “ħniżrijiet li wettaq Mintoff fil-konfront tal-Knisja.” Imma niddejjaq b’ min jiffissa jħares lejn naħa waħda u jaħbi l-wiċċ l-ieħor tal-midalja. Aliena vitia in oculis habemus, a tergo nostra sunt: inżommu quddiemna l-vizzji ta’ ħaddieħor filwaqt li tagħna nitfgħuhom wara spallejna.” Ħaġa li ġustament ammettiet l-istess Knisja. 

Togħġobni bil-wisq id-dehra tal-Knisja llum, post-konċiljari u ispirata mill-eżempju tal-Papa Franġisku; Knisja li tifhem sewwa s-sehem tagħha fl-Evanġelizzazzjoni u fil-ħidma pastorali mingħajr ma tistenna privileġġi fil-qadi ta’ dmirijietha; Knisja li hi aġġornata għaż-żminijiet tal-lum u mhux Knisja retrograda. “Huwa dmir tal-Knisja li l-ħin kollu teżamina s-sinjali taż-żminijiet u tinterpretahom fid-dawl tal-Evanġelju, u hekk b’manjiera adatta għal kull ġenerazzjoni”(Il-Knisja fid-Dinja tal-lum par. 1324). Hekk qed jagħmel il-Papa Franġisku f’dawn il-jiem fis-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-familja. 

Għalhekk ejja nħarsu ’l quddiem u nħabbru l-ferħ tal-Vanġelu skont ix-xewqa ta’ Franġisku fl-Evangelii Gaudium.