Pamela ma tirritornax fil-Eurovision

Din is-sena Pamela mhux waħda mill-finalisti tal-Eurovision, għaliex? X'inhi l-opinjoni tal-kantanta Għawdxija dwar jekk għandux ikun hemm pont jew mina bejn Malta u Għawdex? ILLUM qatta' ħames minuti ma' Pamela u araw x'qalet.

Jean Pierre Cassar / 13 t'Ottubru 2014 10:32
Pamela Bezzina
Pamela Bezzina m’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni ma’ dawk li jsegwu x-xena tal-kant f’pajjiżna. Hija Għawdxija, mir-Rabat iżda issa qed toqgħod Birkirkara. Għandha 32 sena u gradwata bħala Speech and Language Pathologist iżda llum taħdem bħala kantanta u għalliema tal-kant ġol-istudjos tagħha stess VocalBooth Studios.

Kemm ilek li dħalt fid-dinja tal-kant?

Bdejt mill-kor tal-knisja fejn kont noqgħod meta kont żgħira, però kantajt l-ewwel darba bħala solista fuq palk meta kelli 12-il sena.

Minn fejn bdiet il-ħajra li tibda tkanta?

Minn dejjem kont inħobb il-mużika, u bdejt nitgħallem il-mużika ta’ 5 snin. Ommi kienet tkanta ħafna wkoll u dejjem esponietni għall-mużika.

Qatt ikkunsidrajt xi dixxiplina teatrali oħra minbarra l-kant? Bħar-reċtar jew iż-żfin?

Qabel bdejt inkanta jien kont immur nitgħallem iż-żfin u kien għal qalbi ħafna. Wara ċertu żmien l-għalliema taż-żfin kellha ssiefer għal kollox u kelli nieqaf u kien propju f’dan iż-żmien li bdejt inkanta. Però ż-żfin jogħġobni ħafna u d-drama taffaxxinani ħafna. Nixtieq għandi iktar ċans li nkun nista’ mmur nerġa’ nitgħallem għaliex jibqgħu dejjem għal qalbi.

X’inhi l-quċċata li kantant Malti jista’ jilħaq f’pajjiżna?

Naħseb kull kantant jagħmel il-quċċata tiegħu hu. Dak li huwa l-quċċata għalija ma jfissirx li jkun il-quċċata ta’ kantanti oħra jew tan-nies inġenerali. Għalija l-quċċata tilħaqha meta permezz tal-kant tkun sodisfatta mil-lati kollha mużikali. Għalija li nirbaħ xi kompetizzjoni mhux il-quċċata imma li nagħmel mużika tiegħi, naqsamha ma’ kantanti oħrajn u li nħoss emozzjoni kbira kull darba li nkanta.

Pamela u l-Eurovision? Mhux se narawk dis-sena…

Il-Eurovision huwa esperjenza sabiħa immens u vetrina kbira għal kantant. Però xorta mhix l-unika ħaġa li tista’ tagħmel fil-karriera. Hija esperjenza unika però waħda… hemm ħafna iktar affarijiet x’wieħed jista’ jagħmel bil-mużika. Jien ma nixtieqx li nidħol kull sena sabiex niffoka fuq affarijiet oħra tal-karriera tiegħi… però fil-futur min jaf?

Tul is-snin kellek diski mill-isbaħ li għaddewlek għall-finali, però jekk mhux sejjer żball qatt ma rajnik tikklassifika fl-ewwel tliet postijiet, x’taħseb li kienet ir-raġuni?

Għandek żball! Ikklassifikajt fit-tielet post mal-Grupp Q fl-2009. Il-bqija ma nistax ngħidlek jien x’kienet ir-raġuni! Dejjem emmint fil-kanzunetti li kelli u dejjem tajt l-aħjar li stajt. Kif jarawha n-nies jew il-ġurija mbagħad hija storja oħra. Għalija xorta kollha kienu esperjenzi sbieħ li tgħallimt ħafna minnhom.

Liem kienet id-diska favorita li qatt kellek tul dawn is-snin?

Kollha kienu għal qalbi però żewġ favoriti huma Whisper fl-2008 u Take Me fl-2014.

Pamela u Animae?

Pamela l-omm u Animae t-tarbija! Animae huwa parti kbira minn ħajti u minn ħini… il-membri huma kollha qishom ħuti, naqblu ħafna flimkien u naħseb li nagħmlu xogħol tajjeb ħafna flimkien. F’Animae nħoss li qed naqdi l-missjoni tiegħi u għalhekk is-sodisfazzjon li jagħtini mhuwiex komparabbli ma’ mużika oħra li nagħmel.

X’limitu joffri Għawdex għal kantanti u għal dawk fix-xena tal-ispettaklu?

Sfortunatament minħabba raġunijiet ta’ loġistika hemm ftit limitazzjonijiet, però naf fiċ-ċert li ħafna Għawdxin ma jaqtgħux qalbhom daqshekk malajr u jirnexxu xorta! Ħafna mill-Għawdxin iridu jiġu Malta biex ikomplu jistudjaw anke l-mużika. Jien għandi ħafna studenti Għawdxin li jiġu jitgħallmu l-kant u jitilqu minn ħafna qabel biex jaslu għal-lezzjoni u jaslu ħafna aktar tard mill-Maltin, xita u xemx. Però meta hemm ambizzjoni, l-ebda ostaklu ma jtellef. Jien naf x’jiġifieri għax għaddejt minnha, però l-mużika ma tħallikx bi kwietek u tagħtik is-saħħa li tkompli mingħajr xkiel.

X’ifisser għalik Għawdex?

Għawdex huwa pajjiżi; huwa l-post li fih trabbejt; huwa l-familja tiegħi, sħabi u demmi. Huwa l-post ideali ħafna għal meta nkun irrid naqta’ mir-rutina tax-xogħol u djamant fil-vera sens tal-kelma!

X’inhi din l-ossessjoni li għandek bil-minions?

Ma nafx għalfejn però l-ewwel darba li rajt il-film animat Despicable Me tant iggustajthom lil dawn il-kreaturi li ffissajt fuqhom. U bdejt kollezzjoni tagħhom u ħafna nies jixtruli affarijiet li għandhom x’jaqsmu magħhom! Jerġgħu jeħduni fi lura fi tfuliti! Wisq ħelwin!

Kif tħares lejn il-ħajja?

Il-ħajja hija rigal kbir u tiddependi totalment minn kif nagħmluha aħna. Jien persuna li nimxi ġurnata b’ġurnata u ma tantx inħobb nippjana għal futur. Nipprova nagħmel li nista’ biex ingawdi n-nies ta’ madwari u ngħix ħajja sempliċi ħafna kemm jista’ jkun!

Pamela u l-imħabba?

L-imħabba hija l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja tal-bniedem għax mingħajrha ma jkollokx saħħa tiġġieled biex tibqa’ tgħix. Jien kont iffortunata ħafna li għandi familja li tagħtini mħabba infinita u mingħajr ebda kundizzjoni u jien nista’ nagħti l-istess ħaġa lin-nies ta’ madwari. Qiegħda f’relazzjoni sabiħa ħafna mal-partner tiegħi Alex u nħoss li fih sibt is-soulmate tiegħi, appoġġ enormi u l-paċenzja li jieħu bija hija inkredibbli! Bis-saħħa tiegħu u tal-familja tiegħi sirt naf xi tfisser meta vera tkun tħobb lil xi ħadd.

Pamela u l-familja?

Ommi, missieri, oħti tmien snin ikbar minni, ir-raġel tagħha u ż-żewġt itfal tagħha, li huma l-anġli tiegħi! Ifissru kollox għalija hu huma l-pedament u r-raġuni ta’ dak li jien illum.

Xi tfisser għalik li tkun kuntenta?

Li nkun kuntenta jfisser li ngħix ħajja sempliċi bl-isbaħ affarijiet li toffri l-ħajja – imħabba, rispett, valuri, familja, mużika tajba, ħbieb, xogħol u ħin għalija nnifsi. Il-flus ma tantx jagħmlu bija u m’iniex materjalista! Inħobb inkun f’kumpanija ta’ nies sinċieri u veri u ’l bogħod mis-superfiċjalità!

X’ifisser suċċess għalik?

Suċċess huwa meta jirnexxielek tagħmel dak li dejjem ħlomt li tagħmel! Mhux bilfors li ssir popolari u li n-nies jagħrfuk jew li tagħmel karriera kbira. Imma li dak li tagħmel ikun tassew dak li dejjem xtaqt tagħmel!

Diska favorita? Kantanta favorita?

Diska favorita tibqa’ dejjem ‘I dreamed a dream’ mill-musical Les Miserables. Kantanti favoriti għandi ħafna ma nistax nagħżel wieħed jew waħda biss. Fost l-oħrajn hemm Bobby McFerrin, Beyoncè, Sam Smith, Ella Fitzgerald, Brian McKnight u ħafna u ħafna oħrajn!

X’inhi l-cover version li l-iktar tħobb tagħmel?

Read All About It ta’ Emile Sande.

Meta ma tkunx qed tkanta tkun qed…

Ngħallem il-kant, nikteb il-mużika jew rieqda!

Bħala Għawdxija x’taħseb li hi l-aħjar soluzzjoni għal Għawdex? Pont jew mina?

Pont.

X’taħseb fuq l-idea li jinbena ajruport f’Għawdex?

Kieku jkun komdu ħafna għall-Għawdxin però naħseb jikkawża ftit tal-kaos. Naħseb li jkun hemm università bil-korsijiet kollha bħal Malta tagħmel ħafna iktar sens u inqas skariġġ għall-istudenti Għawdxin li jitilqu l-familja tagħhom ta’ 18 il-sena!

 

 

 

Jean Pierre Cassar gradwa mill-Università ta' Malta b'Baċellerat fil-Malti. Kompla l-istudju tiegħu fl-interpretar fejn kiseb iċ-ċertifikat biex ikun jista' jaħdem bħala interpretu fl-istituzzjonijiet Ewropej. Preżentament jokkupa l-kariga ta' Aġent Editur mal-ġurnal Illum.