Dedikazzjoni, ħila u aġilità fl-atletika

Mark Herrera – wieħed mill-atleti ewlenin f’pajjiżna li beda l-karriera tiegħu fil-waterpolo iżda mbagħad għażel l-atletika fejn illum jispeċjalizza fid-dixxiplina tal-isteeplechase

Cristian Muscat / 30 ta' Settembru 2014 14:16
Mark Herrera
Kif beda l-interess tiegħek fl-atletika?

Kont għadni fit-tieni sena tal-primarja meta ġejt imħajjar nibda nieħu sehem fl-atletika. Niftakar li l-ewwel tellieqa li ħadt sehem fiha kienet l-Olympic Day Run li kienet issir fejn illum hemm il-McDonalds tal-Qawra. F’din l-ewwel tellieqa kont mort tajjeb ħafna għall-età li kelli u Victor Camilleri, il-President tal-Klabb, kien kellimni biex nidħol mal-klabb Athleta Pembroke u nibda nitħarreġ regolarment. Minn dakinhar ’l hawn nista’ ngħid li ma waqaft qatt.

"“L-istaġun 2011-2012 kellu jibda fuq nota vera kerha fejn fil-ġurnata li kelli mmur għat-taħriġ, qomt għall-aħbar li kien miet il-kowċ John Walsh”"
Niftakar li l-ewwel staġun tiegħi fit-trakka kont qed niġi fit-tieni post fil-1,200m u fis-600m iżda qatt ma kont inkun kuntent u lejn l-aħħar tal-istaġun, eżattament fin-National Championships dħalt ras imb ras u bil-photo finish ġejt fl-ewwel post. Prattikament minn hawn ’il quddiem bqajt niddomina f’dawn id-distanzi middle-long distance tal-kategorija tiegħi u anki ta’ kategoriji ikbar minni. Fil-fatt fl-istaġun 1995/96 bdejt nikser dawn ir-rekords tas-600, 1,200m u anki tar-Road Running League.

"“Irbaħt b’ħin tajjeb f’tellieqa li ma kinitx parti mill-pjanijiet tiegħi għal dan l-istaġun”"
Kif komplejt tevolvi fl-atletika?

Meta qbiżt il-kategorija għall-youth, kont bdejn nittħarreġ ma’ John Walsh fejn kien irrikkomanda li niffoka iktar fuq l-1,500m u t-3,000m minħabba li f’dak iż-żmien il-FISEC Games kienu importanti, fejn kont ukoll ħadt il-midalja tal-fidda fit-3,000m f’ħin ta’ 9 minuti u 20 sekonda. Madankollu kien darba biss li ħadt sehem f’dawn il-logħob minħabba impenji oħra li kien ikolli fis-sajf, fosthom il-waterpolo. Għamilt xi 4 snin nilgħab il-waterpolo - 3 ma’ San Ġiljan fl-U-15, fejn konna ġejna darbtejn fit-tieni post u fl-U-17 u U-19 man-Neptunes fejn konna ħadna l-kampjonat taż-żewġ kategoriji, iżda dejjem ippreferejt l-atletika u għalhekk ta’ 16-il sena ddeċidejt li niffoka fuq hekk biss.

Meta mxejt lejn il-kategorija tal-intermediates, bdejt nara nikkwalifikax għal ċerti kompetizzjonijiet ta’ kalibru, fejn mort fil-World Youth Championships, European Junior Championship, European U-23 championships u fl-2001 ħadt sehem għall-ewwel darba fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li kienu saru ġewwa San Marino, fejn hawn kont wasalt sal-finali tal-400m.

Kien wara l-2002 fejn iddeċidejt li nibda nieħu sehem ukoll f’distanzi itwal bħall-Imdina - Spinola u n-nofs maratona. Għal dan il-għan naqsam l-istaġun tiegħi bejn long distance running u middle distance (track) running.

X’ġara lura fl-2003?

Fl-2003 waqt il-finali tal-1,500m tal-logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar kont ksirt ir-rekord tal-1,500m juniors, fejn ġrejt ħin ta’ 4 minuti, iżda l-qabża ġiet ġimagħtejn wara fejn fin-National Championships irbaħt il-kategorija tas-Seniors ukoll u erġajt ksirt ir-rekord għall-ħin taħt l-4 minuti, li huwa benchmark għal ħafna nies.

Prattikament, mill-2003 sal-lum bqajt dejjem niġri ħinijiet ta’ livell u nirbaħ tlielaq bejn it-800m sat-3,000m fit-trakka, fejn kważi rbaħt it-titli nazzjonali tat-800m u l-1,500m kull sena, apparti xi waħda ’l hawn u ’l hemm li nkun qbiżt minħabba xi injury.

Kien lura fl-2005 fejn irreġistrajt bosta mill-aqwa ħinijiet li għandi fl-atletika fosthom fit-800m u l-1,500m u l-5,000m.

Iddeskrivi l-istaġun tiegħek fl-atletika lura fl-istaġun 2011-2012.

L-istaġun 2011-2012 kellu jibqa’ fuq nota vera kerha fejn fil-ġurnata li kelli mmur għat-taħriġ, qomt għall-aħbar li kien miet il-kowċ John Walsh. Dan kien mument vera ikrah kemm għalija u anki għall-atleti l-oħra li kienu parti minn dan it-tim, iżda wara li tkellimna ftit iddeċidejna li nibda nieħu ħsieb il-kowċing jien u nibqgħu magħqudin bħala tim wieħed, fejn sal-lum bosta minn dawn l-atleti għadhom parti minn dan it-tim, b’xi wħud ukoll jikkompetu mat-tim nazzjonali bħal Lisa Bezzina.

Kien f’dan l-istaġun li ddeċidejt li nibda nieħu sehem fit-3,000m steeplechase, fejn minn dakinhar sal-lum ksirt ir-rekord nazzjonali erba’ darbiet u naqqast il-ħin bi kważi minuta mill-ħin preċedenti.

U x’għadda mingħalik fl-istaġun li għadda?

L-istaġun li għadu kemm spiċċa kien wieħed interessanti ħafna għalija. Fl-aħħar tas-sena 2013 irbaħt it-tellieqa Mdina-Spinola, tellieqa li kont ili nimmira għaliha għal ħafna snin, fejn ġrejt taħt is-siegħa għas-sitt darba sa issa. Wara dan komplejt billi ġejt fit-tielet post fin-nofs maratona u rreġistrajt ħin tajjeb. Komplejt l-istaġun billi ksirt ir-rekord tat-3,000m steeplechase u l-ikbar sorpriża kienet ir-rebħ tat-800m fin-National Championships fejn għall-ewwel darba kien hemm sitt atleti li kisru ż-żewġ minuti, fejn jien irbaħt b’ħin tajjeb ta’ minuta u 56 sekonda, f’tellieqa li ma kinitx parti mill-pjanijiet tiegħi għal dan l-istaġun.

Kif qed tħares ’il quddiem għall-karriera tiegħek fl-atletika? 

Issa li bdejna staġun ieħor qed inħares ’il quddiem u naħdem kuljum biex inkompli fejn ħallejt u nipprova nagħmel il-ħin ta’ kwalifikazzjoni għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru fl-Islanda fl-2015 tal-1,500m u t-3,000m steeplechase. Apparti mill-impenji personali, irrid insemmi lill-atleti li qed nikkowċja. Huwa ta’ unur kbir li tara nies li kienu jaraw ġirja ta’ kwarta twila u issa qegħdin jitħarrġu kuljum u jtejbu l-ħinijiet tagħhom fid-distanzi li jixtiequ.

"“Kien lura fl-2005 fejn irreġistrajt bosta mill-aqwa ħinijiet li għandi fl-atletika fosthom fit-800m, l-1,500m u l-5,000m”"
Tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti partikolari wara dan is-suċċess kollu li ksibt fl-atletika matul is-snin?

Iva, fil-fatt, fl-aħħar u mhux l-inqas irrid insemmi l-appoġġ kontinwu tal-mara, tat-tifel u tal-familja kollha tiegħi li dejjem kienu warajja kemm fil-ferħ u iktar importanti fil-problemi u t-tbatija li ġġib magħha l-ħajja, speċjalment meta jkollok xi injury.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.