Ittri tal-Ħadd 28 ta' Settembru

L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew email [email protected]

30 ta' Settembru 2014 13:53
Tliet persuni f’Alla wieħed

Minn Edgar Bonnici Cachia

Birkirkara

Dan l-aħħar fuq programm reliġjuż fuq it-televiżjoni, min huwa responsabbli qal li Alla l-Missier ma bagħatx lil Ibnu għal passjoni.

Min qal hekk qal ereżija? Għax Alla huwa wieħed fi tliet persuni u dan huwa l-misteru. Tliet persuni f’Alla wieħed. Ġesù Kristu huwa Alla, imma ġie fid-dinja bħala bniedem biex jifdina u jsalvana. Kristu bħala bniedem qal lill-Appostli, “Bħalma l-Missier bagħat lili hekk jiena nibgħat lilkom” u meta kien fl-ort tal-Ġetsemani qal “Missier jekk jista’ jkun biegħed minni dan il-kalci, imma mhux kif irrid jien iżda kif trid int.”

Mela Alla l-Missier u Alla l-Iben kif ukoll Alla l-Ispirtu s-Santu, bħala tliet persuni f’Alla wieħed kienu kuntenti li Ġesu Kristu bħala bniedem jiġi fid-dinja biex jifdina u jsalvana.

Alla tant ħabb lil bniedem li tana lil Ibnu biex isalvana. Imma lil Ibnu bħala bniedem li verament bata għalina, għax bħala Alla la seta’ jbati u lanqas imut. Huwa miet bħala bniedem, imma qam mill-mewt bħala alla.

Min jgħid li l-Missier ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja, ikun qiegħed jiddubita fil-misteru tat-Trinità u ma jistħoqqlux ikun membru tal-Knisja tagħna.

Iva, Alla l-Missier, Alla l-Iben u Alla l-Ispirtu s-Santu kienu kuntenti bħala Alla wieħed li Ġesù Kristu ġie fid-dinja biex jifdina u jsalvana.

Nixtieq inkun aktar fit-tul, imma dan huwa suġġett tqil ħafna, imma hemm bżonn li l-membri tal-Knisja mill-ikbar sal-iżgħar jemmnu tassew f’Alla u fil-Misteru tat-Trinità.

Kif tista’ titwemmen?

Minn Edward Torpiano

Floriana

Nagħmel riferenza għall-intervista li ġġib l-isem, ‘F’sentejn sparixxew 4 miljun ewro’, (illum, 21 ta’ Settembru 2014), intervista magħmula minn John Busuttil lil Luciano Busuttil, fejn, f’din l-intervista, Luciano Busuttil jgħid: “Tgħallimt li fil-politika, l-akbar għadu tiegħek mhux il-kandidat tal-oppożizzjoni iżda tal-partit tiegħek u fuq l-ewwel distrett ħarġu 15-il kandidat tal-Partit Laburista. Tgħallimt ukoll li marru tajjeb dawk li kienu magħżulin biex imorru fuq il-programmi televiżivi...”, billi nistaqsi lil Luciano Busuttil jekk hux jimplika li saret diskriminazzjoni kontra tiegħu minn min imexxi One Television.

Jekk membru parlamentari Laburista jsostni fil-miftuħ li kien vittma ta’ diskriminazzjoni sfaċċata mingħand sħabu, kemm iżjed u iżjed mhux se titwemmen l-għajta ‘Malta Tagħna Lkoll’.