Ħames Minuti ma' Jean Pierre Cassar

Jean Pierre Cassar għandu 21 sena. Ħafna jafuh bħala Brandon fuq is-serje televiżiva D.R.E.A.M.S. li għamlet suċċess kbir bejn Ottubru 2011 u Ġunju 2013. Issa Jean Pierre hu attur fi Ħbieb u Għedewwa fuq TVM apparti li jibqa’ attiv bħalma kien qabel fit-teatru u ż-żfin.

Staff Reporter / 14 t'Awwissu 2014 10:52
Se jiggradwa f’Diċembru li ġej fil-Baċċellerat fil-Malti bl-Unuri u bħalissa qed jagħmel Masters fl-Interpretar fi triqtu biex iwettaq il-ħolma tiegħu li jsir interpretu fi Brussell. Iħobb ħafna l-mużika, l-arti, it-teatru u l-letteratura. Għandu għatx għas-safar u li jżur pajjiżi li mhux kulħadd iżur. Iħobb il-ħajja u jħobb jgħix, mhux jeżisti! 

Kelma waħda li tispjega ħajtek?

Spontanjetà

X’inhi l-attitudni tiegħek lejn il-ħajja?

Nipprova ma naqta’ qalbi minn xejn. Naħdem u nagħmel ħilti kollha sabiex dak li veru rrid niksbu. Ma rridx ikolli dispjaċiri f’ħajti u b’hekk nagħmel minn kollox biex nilħaq il-ħolm tiegħi. Inkun dejjem pożittiv u nemmen li la darba taħdem u tagħmel is-sagrifiċċji jirnexxielek tikseb dak li dejjem xtaqt. Kif jgħidu bl-Ingliż ‘no pain, no gain’.   

Kemm hi importanti għalik l-imħabba?

Skont x’tifhem b’imħabba. Hemm diversi tipi ta’ mħabba, dik ta’ bejn il-ħbieb, dik familjari u dik f’relazzjoni bejn koppja. Nemmen li kull tip ta’ mħabba ttik ferħ u kuntentizza kbira. Toffri sodisfazzjon u bniedem iħossu apprezzat. L-imħabba turik li hemm xi ħadd interessat f’dak li qed tagħmel, li hemm xi ħadd li jrid jirrakkontalek ħajtu u li hemm xi ħadd li jrid jisma’ il-ġrajjiet tiegħek. Nemmen li l-imħabba hija l-milja ta’ persuna. Mingħajr imħabba lejn ħaddieħor, bniedem ma jistax iħobb lilu nnifsu, u viċi-versa. 

X’valur għandhom il-flus għal ħajtek?

Jien għadni student fl-Università, jiġifieri d-dħul finanzjarju tiegħi mhux xi wieħed kbir. B’hekk ma tantx nista’, lanqas kieku rrid, intihom xi prijorità. Nammetti iżda li nħobb ngħix komdu bl-affarijiet li rrid u bl-affarijiet li jgħoġbuni. Mill-bqija ma rridx rikezzi u lussu żejjed, għax dawk ma jagħmlukx kuntent. 

Definizzjoni ta’ kuntentizza għalik?

Għalija li nkun kuntent hija li nkun imdawwar bin-nies għal qalbi u bi ħbieb sinċiera u naf li fejn qiegħed magħhom. Il-kuntentizza tiegħi tiġi affetwata mill-kisba ta’ dak li nkun ħdimt għalih u dak li nkun qed nakkwista wara li nkun ħdimt għalih. 

X’taħseb dwar il-kaċċa f’Malta?

Għandi qraba li huma dilettanti tal-kaċċa u nifhem li dan huwa namra li jħobbu u li hi miżrugħa fihom. Bħalma jien inħobb it-teatru ħaddieħor iħobb il-kaċċa, però madankollu xorta nemmen li mhuwiex delizzju sabiħ. Mhux se niġġudika iżda għadni ma nistax nifhem kif il-qtil ta’ kreaturi innoċenti jtik ċertu sodisfazzjon! 

X’tippreferi: is-sajf jew ix-xitwa?

Iebsa din! It-temp xitwi nħobbu! Dak it-temp griż u xita u ħwejjeġ tas-suf u xalel – l-hena tiegħi. Iżda mbagħad mill-banda l-oħra s-sajf sabiħ għax iktar żmien ta’ xalar u divertiment. Perjodu fejn tiltaqa’ iktar man-nies u forsi jallokak iktar mix-xitwa biex issiefer, u jien is-safar inħobbu ħafna. 

Wara l-introduzzjoni ta’ gay marriage f’diversi pajjiżi li qed tiżdied iktar ma jgħaddi ż-żmien, taħseb li wasal iż-żmien li pajjiżna jagħmel l-istess ħaġa?

Pajjiżna kif rajna f’dan l-aħħar jiem diġà miexi ’l quddiem fejn jidħlu d-drittijiet tal-omosesswali. Nemmen li iva din issa m’għadhiex kwistjoni daqskemm kienet qabel. Malta miexja ’l quddiem u iva naqbel li ma nistgħux nibqgħu bil-mentalità ta’ żmien il-Konti Ruġġieru. Wara kollox dawk li huma eterosesswali mhux se tgħamillhom differenza, b’hekk m’għandhomx għalfejn iħossuhom skomdi. Lin-nies ngħallmuhom u nedukawhom irridu mhux nikkuntentawhom u nżommuhom f’bozza. 

Taqbel mal-adozzjoni għall-koppji tal-istess sess u għalfejn?

Biex inwieġbek din sew kont nistaqsik għal żewġ paġni sħaħ. Però li nista’ ngħid huwa li l-omosesswalità hija ġenetika, u wieħed ma jsirx omosesswali għax il-ġenituri tiegħu huma hekk. Jiġifieri dan ir-raġunament bażwi li wieħed jisma’ mingħand ċertu nies hemm bżonn jinqata’. Rigward bullying ta’ tfal nemmen li għandna nrawmu lill-uliedna f’aċċettazzjoni u forsi flok niffukaw fuq ta’ liem ġens huma l-ġenituri tat-tali, aħjar nibgħatu lill-uliedna jehdew fl-eżerċizzju biex iħossuhom aħjar fuqhom infushom.

Nikkonkludi billi ngħid li nippreferi li t-tfal ikollhom ġenituri li jieħdu ħsiebhom u li jtuhom l-imħabba ta’ koppja milli jiġu mqiegħda f’istituti fejn iħossuhom li huma wieħed/waħda mill-ħafna. 

X’inhi d-differenza skontok bejn nies li l-lingwa li jitkellmu biha ta’ kuljum hi l-Malti u oħrajn bl-Ingliż?

Meta kont żgħir kont niġġudika lil dawk li jitkellmu bl-Ingliż. Illum gradwat fil-Malti u lsien pajjiżi nħobbu ħafna, iżda nista’ ngħid li ftaħt moħħi u naċċetta kulħadd kif inhu. Wieħed jitkellem bl-Ingliż għax ikollu r-raġunijiet tiegħu, l-isfond u l-passat. Ma ninħlewx fuq affarijiet bħal dawn, ejja niffukaw fuq affarijiet li jgħaqqduna flok jifirduna. Illum jien għandi ħbieb li jitkellmu Malti biss u oħrajn li jitkellmu Ingliż biss, għandi ħafna ħbieb oħra li kapaċi jitkellmu t-tnejn li huma b’kapaċità kbira u ma nilmaħ l-ebda differenza fihom, f’ħadd minnhom. Kulħadd bniedem. 

X’ibikkik?

Il-moħqrija fuq l-annimali u fuq dawk il-bnedmin li m’għandhomx saħħa li jsemmgħu leħinhom. Kif ukoll l-inġustizzji fil-ħajja li m’għandniex kontroll fuqhom. Ma nistax ma nsemmix xi mużika jew film tajjeb li jġibuli wiċċi għasra bid-dmugħ. 

X’jiffrustrak?

Jiffrustrani l-fatt li għad hawn min jehda b’ħajjet ħaddieħor. Għad hawn min irid jilħaq salib ħaddieħor u flok jgħix ħajtu u jħares lejn it-travu f’għajnejh iħares lejn it-tibna f’għajn ħaddieħor. 

X’ibeżżgħek?

Il-mard u l-firda!

Temmen f’Alla? Għaliex?

Iva nemmen ħafna f’Alla. Nemmen li l-bniedem għandu bżonn xi ħaġa ’l fuq minnu li jaf li qiegħda hemm. Mhux se ngħid li jien reliġjuż, iżda nemmen li Alla qiegħed hemm u qed isegwi kulma ngħaddu minnu. 

Kemm hi moħħha miftuħ Malta fejn tidħol moda?

Tajba din! Għandna żewġ estremitajiet. Min avvanzat b’rata mgħaġġla, li għalija huwa tajjeb, u min għadu jaħseb li dak li raha ħames snin ilu għadu moda llum. Iżda minn daqshekk ninsab kuntent bil-pass mgħaġġel li bih miexja Malta fil-qasam tal-moda. Jalla nibqgħu sejrin hekk u nimxu ’l quddiem bħal pajjiżi oħra Ewropej. 

Kemm tħobb lil pajjiżek?

Ħafna! Kburi ħafna bih! Kburi b’dak li għandna, bl-istorja, bil-lingwa, bil-pajsaġġ, bil-klima... iżda xorta ma niċħadx li għandi leblieba kbira li ndur kemm nista’ pajjiżi madwar id-dinja u nesperjenza s-seħer għal pajjiżi differenti għax ċert li kull pajjiż għandu s-sabiħ tiegħu. 

L-isbaħ esperjenza ta’ ħajtek?

B’wiċċi minn quddiem ngħid li kelli ħafna. Iżda waħda li żgur ma ninsa qatt hija l-esperjenza ta’ xahar fil-Filippini fis-sajf tal-2012. Jien u erba’ minn sħabi tlajna xahar ngħinu f’dan il-pajjiż Ażjatiku u rajna x’inhi r-realtà ta’ miljuni inqas ixxurtjati minnha. Din l-esperjenza bidlitni, għallmitni naprezza dak li għandi u bdejt nara l-ħajja minn lenti ħafna iktar pożittiva minn qatt qabel. 

Proġett li tixtieq tagħmel fil-futur?

Li jkolli l-programm tiegħi fejn fih nippreżenta fuq l-istazzjoni ewlieni Malti. Xorta mhuwiex xi proġett li jikolni minn ġewwa bil-ħsibijiet però meta nara li għandi x-xoqqa f’moxtha li nidħollu, nieħdu żgur.  

Kieku jkollok tagħżel pajjiż li jirrapreżentak liem pajjiż tagħżel?

Diffiċli din! Iżda wara ħafna ħsieb naħseb nasal nagħżel l-Indja. L-Indja mżewqa b’kollox. Kultura, arti, divertiment, kuluri, xenarji, faqar, rikezzi, storja u seħer inkredibbli. B’hekk inqabbilha ma’ ħajti li għandha ftit minn kollox u li wkoll fadal x’jiġi skopert. 

X’inhu suċċess fil-ħajja għalik?

Is-suċċess huwa l-frott tal-ħidma u s-sagrifiċċji li tkun għamilt sabiex wasalt għal ħolma li dejjem xtaqt. Suċċess huwa meta dak li dejjem ħlomt li twettaq tibda tarah jieħu forma quddiem għajnejk bis-saħħa tiegħek innifsek. 

L-iktar darba li stħajt?

Qabel nagħmel xi ħaġa noqgħod attent ħalli kemm jista’ jkun ma naqax għaċ-ċajt għax għandi vizzju nagħmel xi paprata. Però li qed niftakar bħalissa seħħet xi xahrejn ilu, ġejt offrut photoshoot u ħassart il-pjanijiet kollha li kelli sabiex inkun nista’ mmur. Xi ftit jiem qabel, il-fotografu bgħatli messaġġ fuq Facebook li l-photoshoot se jkollna nippostponuha. Peress li kont qrajt il-messaġġ minn fuq il-mobile ma tajtx kas tar-ritratt u l-isem u, peress li kellhom l-istess kunjom, ħsibt li bgħatitli l-mudella li kienet se tkun miegħi fil-photoshoot. Bażikament weġibt lura u esprimejt id-dieqa, in-niket, is-sogħba, ir-rabja u l-mibgħeda li ħassejt minħabba li ġiet imħassra l-photoshoot. Wara ftit indunajt li dak li għidt dwar il-fotografu, qrah hu stess! Però, fortunatament, il-fotografu inzerta minn tagħna ħafna u ma kien hemm l-ebda riperkussjonijiet.