Ħames Minuti ma’ Moira Delia

Moira Delia - tiddeskrivi lilha nnifisha bħala bniedma ċajtiera u pożittiva. Temmen li daħqa tajba hija l-mediċina għal kull ġurnata, hi x’inhi, kemm jekk hi ġurnata kerha u anke jekk sabiħa. Hi persuna li tħobb tgħix daqslikieku se tmut l-għada. Iżżomm l-argumenti u l-gwaj ’il bogħod kemm tista’ u l-imħabba u l-kuntentizza viċin.

Frederick Attard / 18 t'Awwissu 2014 16:38
Moira Delia
Meta twelidt?

7/10/71 – in-numru 7, il-lucky number tiegħi, kien minn dejjem u jibqa’!

Taħt liema stilla twelidt u temmen fl-istilel?

Libra, l-istilla tal-miżien u niżen kollox ta!

Kif tiddeskrivi tfulitek?

Tfulija mill-isbaħ imdawra b’kull tip ta’ annimal li konna nsalvaw mit-toroq. Id-dar kienet u għadha post speċjali ħafna għalina. Film u xi storja ta’ Wenzu u Rożi li kienet taqralna ommi fix-xitwa xħin inkunu fis-sodda. Fis-sajf konna mmorru l-villeġġatura li kellna San Pawl il-Baħar, konna ngawdu l-baħar u d-dgħajsa l-ħin kollu. Żmien ħelu ħafna li għadna sal-lum nitkellmu fuqu meta niltaqgħu għall-ikel, jiġifieri kważi kuljum għand il-ġenituri.

Tippreferi s-sajf jew ix-xitwa?

Żgur li x-xitwa! Aħna familja li malli tkun dieħla x-xitwa nibdew inlestu daqslikieku ġejja xi festa kbira. Eċitament kbir biex noħorġu l-kutri, twapet u affarijiet oħra li għandhom x’jaqsmu max-xitwa. Aktar ma tkun griża s-sema aktar nieħdu gost u trid tismagħna fuq it-telefon... nifirħu għax ġejja x-xita, is-sajjetti u l-kesħa. L-ikel ma jonqosx u nibdew bil-minestri, il-kusksu, il-ftajjar u gost u pjaċir kbir bil-kuntrarju ta’ tliet kwarti tal-Maltin. Iċ-ċajta tagħna hi li aħna bi żball twelidna Malta... aħna l-Irlanda kellna nitwieldu!

Il-karriera tiegħek fix-xandir issa ilha mhux ħażin, x’inhu s-sigriet tiegħek quddiem il-kamera?

Li nkun dak li jien fil-verità. Bid-difetti kollha li għandi. Sigriet ieħor huwa propju li ma narax lili nnifsi fuq it-televixin, għas-sempliċi raġuni li jekk ma nogħġobx lili nnifsi fuq is-sett, dik hi jien fil-verità u m’hemmx x’nirranġa għax inkella ma nkunx naturali! Il-fatt li l-pubbliku aċċettani kif jien u s’issa kompla jsegwini kien ta’ kuraġġ kbir li komplejt.

Kif tipprepara ruħek għal programm live?

Li nkun ippreparata u naf eżatt x’se jiġri huwa importanti ħafna għalija. Ma nippreżentax programm live meta ma nkunx ippreparata. Inkun irrid inħossni kunfidenti dwar xiex se nitkellem. Ikolli r-running order tal-programm f’idi minħabba l-ħin u kontinwazzjoni tal-programm. Wara programm live jew irrekordjat inħoss mill-ewwel jekk ħariġx programm tajjeb jew le u nkun l-ewwel kritika tiegħi nnifsi.

Rajniek tippreżenta l-Eurovision ta’ Malta, kont eċitata?

Għal Eurovision kont ippreparata ħafna. Meta terfa’ ċertu responsabbiltà tħossok li trid taħdem iktar biex tkun ippreparata sew u hekk għamilt. Kellna ħafna provi allura għal darba l-eċitament ma kienx wieħed mill-problemi li kelli avolja dejjem tibqa’ xi naqra eċitata. Meta jippreparawk hekk, diffiċli jirbħek l-eċitament. Li ġara kien li peress li jien nikkritika ħafna lili nnifsi, inkun irrid kollox joħroġ perfett u dak diffiċli. Xejn ma jista’ jkun perfett. Li kelli żgur apparti dan il-fatt kien, biża’ li naqa’ minħabba l-mixja twila minn backstage għal palk ta’ ħdejn in-nies. Din il-mixja kienet ikkalkulata wkoll bil-ħin apparti l-ilbiesi twal u t-takkuna!

X’qed tippjana għall-iskeda li jmiss?

Din is-sena se nkun qed nippreżenta u nipproduċi l-programm Animal Diaries li ilni nagħmel għal dawn l-aħħar seba’ snin. Dan se jibqa’ jixxandar live kull nhar ta’ Sibt fis-6.45pm. Għandi wkoll programm ġdid li qatt ma kont noħlom li nippreżenta u li għalih għandi eċitament kbir. Se tkun avventura ġdida. Dan kollu se jiġri fuq TVM.

Int bniedma sportiva, għadek tipprattika l-fencing?

Il-fencing kien u jibqa’ l-aktar sport għal qalbi però m’għadnix nipprattikah. Jibqa’ l-fatt li l-isport għalija hu xi ħaġa li rrid nagħmel almenu tliet darbiet sa erba’ fil-ġimgħa nkella jkolli n-nervi. Ġirja tajba tgħini nneħħi l-istress u xi affarijiet li jkunu qegħdin jinkwetawni allura jservini ta’ żvog.

Ir-relazzjoni bejn Moira u t-tifel Gianni…

Illum Gianni għandu 17-il sena u qiegħed fil-post-sekondarja jistudja għall-A Levels. Mhuwiex żmien faċli għall-ebda omm però nitkellmu ħafna u nħobbu nirrakkuntaw il-ġranet tagħna u b’hekk inżommu relazzjoni tajba kemm jista’ jkun. Ovvjament għandna d-differenzi tagħna però ma tantx nista’ ngerger, għalkemm xi daqqiet qisu avukat. Gianni matur għall-età li għandu!

Int minn dejjem kont l-avukat u l-leħen tal-annimali…

Iva, minn dejjem u nibqa’. Dawk huma familja għalija u ħaqqhom l-aqwa kura, imħabba u rispett. Minnhom għandna ħafna x’nitgħallmu u meta nitkellem għalihom inħoss kuntentizza li ma nistax niddeskrivi. Li nkun viċin l-annimali għalija hija l-isbaħ ħaġa fil-ħajja.

Taħseb li llum sirna aktar konxji dwar kif għandna nieħdu ħsiebhom?

Il-kuxjenza żdiedet ferm u naħseb tgħallimna ħafna dwar kif għandna nieħdu ħsiebhom però għadna naqra lura fuq il-fatt li qed naċċettaw dawn l-ispeċi ta’ zoos żgħar f’Malta fejn l-annimali slavaġ bħal puma, xadini eċċ jgħixu fil-gaġeġ. Dawk mhux posthom hemm! Ħalluhom fl-ambjent naturali tagħhom, mela f’gaġġa!

Xi tfisser għalik li tkun kuntenta fil-ħajja?

Li ngħix kuntenta b’dak li għandi anke jekk huwa ftit. Jekk huwa ħafna jalla ngħaraf dan ħalli naqsam ma’ min m’għandux. Fl-aħħar nett, is-saħħa tgħamilni kuntenta, il-fatt li nqum u ngħid għixt għal ġurnata oħra.

Il-ħolma li għadek ma wettaqtx?

Li mmur safari l-Afrika biex nara l-annimali slavaġ fl-ambjent naturali tagħhom.

Frederick Attard kien l-editur tal-gazzetta ILLUM bejn Marzu tal-2014 u Ġunju tal-2015. Kien ukoll il-producer ta' programmi televiżivi ta' Mediatoday.