Agatha Barbara f’linja tal-moda

Recured, linja tal-moda Maltija li tispira ruħha mis-simboli Maltin u minn dak kollu li hawn madwarna

Jean Pierre Cassar / 7 t'Awwissu 2014 15:09
Iggy Fenech liebes wieħed mill-flokkijiet ta’ Recured b’wiċċ Agatha Barbara
Il-mudella Gaby Curmi liebsa croptop b’disinn astratt tat-torri ta’ Portomaso
Recured hija linja tal-moda li ħarġet l-ewwel ħwejjeġ tagħha ftit tal-ġimgħat ilu. Din il-linja ġibdet l-attenzjoni fuq il-mezzi soċjali minħabba d-disinn oriġinali u forsi kontroversjali tagħha. Fost il-flokkijiet b’simboli Maltin, fil-linja tagħhom għandhom flokk b’wiċċ Agatha Barbara. 

Din il-linja kienet l-idea ta’ erba’ studenti żgħażagħ, Robert Ebejer student ta’ MCAST tal-Arti u d-Disinn, Jeremy Zerafa, Charles Mercieca u Jacob Portelli, studenti universitarji. Mercieca għandu 20 sena filwaqt li t-tieta l-oħra għandhom 19.

ILLUM iddeċidiet li tintervista t-tim ta’ Recured u tara x’kienet l-idea li wasslet għal din il-linja tal-moda. “L-idea oriġinat xi sentejn ilu minn Robert Ebejer, konna grupp ta’ ħbieb u minn dejjem kienet tinterrasana l-industrija tal-ħwejjeġ u n-negozju.” 

L-ispirazzjoni ta’ dan it-tim ġiet mill-affarijiet “normali” ta’ madwarna li ma tantx jingħataw importanza jew ħsieb. “Dan hu dak li jipprova jagħmel it-tim ta’ Recured. Joħloq interess fl-affarijiet li naraw ta’ kuljum iżda ma nagħtuhomx l-importanza mistħoqqha.”

Fl-istess ħin, Recured żammew f’moħħhom l-istil li hu moda bħalissa kemm f’pajjiżna u anke fid-dinja tal-moda internazzjonali. 

Dan kollu beda bħala passatemp li llum il-ġurnata spiċċa f’xogħol bħal kwalunkwe xogħol ieħor, kull min hu involut f’Recured jaħdem kuljum. 

U għala l-isem Recured? “Recured bħala kelma oriġinat mill-internet. Bdejna bil-kelma ‘Irrecured’ però ridna xi ħaġa iktar pożittiva, u qed nużaw is-slogan ‘Be the Cure’ jiġifieri ‘Kun il-fejqan’.

Iżda r-reazzjonijiet tqanqlu wara li fil-mezzi soċjali bdew jidhru ritratti ta’ nies lebsin flokk b’wiċċ Agatha Barbara fuqu. 

B’hekk staqsejna lil Recured għala użaw lil Agatha Barbara u x’kienu r-reazzjonijiet li rċivew. “Ridna nqajmu ftit kontroversja f’dan id-disinn. L-idea ntlaqtet b’mod pożittiv ħafna. Irnexxielna ndaħħlu figura fl-istorja Maltija f’dawl differenti. Wieħed irid iżomm f’moħħu li Agatha Barbara hija l-ewwel President mara tar-Repubblika ta’ Malta u issa se tkun ukoll l-ewwel mara ta’ Recured.” Mistoqsija jekk hux se jibqgħu jużaw lil Agatha Barbara fuq il-flokkijiet tagħhom dawn qalu “Jista’ jkun li iva, però kollox pass pass, hemm iktar nies fl-istorja ta’ Malta li jistgħu jkunu kkunsidrati għad-disinn tal-ħwejjeġ ta’ Recured.”

"“Hemm iktar nies fl-istorja li jaf jispiċċaw fid-disinni tagħna”"
Minbarra Barbara, fuq il-flokkijiet li ħarġu s’issa Recured hemm ukoll il-kelb tal-fenek u t-torri ta’ Portomaso. 

“Il-kelb tal-fenek ridna ndaħħluh għas-sempliċi raġuni li huwa simbolu ta’ Malta u b’hekk ridna ninkorporawh mat-tema. Portomaso, għalkemm m’għandu xejn x’jaqsam mal-moda, ridna nużawh bl-istess mod li inkorporajna lil Agatha Barbara.” 

Jidher li din il-linja żagħżugħa beħsiebha tibqa’ tuża iktar simboli Maltin fil-ħwejjeġ tagħha u mill-intervista ħareġ li jaf anke jdaħħlu lil La Vallette. 

Rigward għajnuna finanzjarja dawn l-erba’ żgħażagħ sabu għajnuna minn investituri iżda ma fittxewx għajnuna min-naħa tal-Gvern. 

Għalissa Recured għandha biss flokkijiet, tanktops u croptops. Iżda minn kliemhom jidher fiċ-ċar li l-linja mhux se tieqaf hawn. “Qed naħdmu fuq ħwejjeġ oħra. Ħwejjeġ għas-sajf u anke għax-xitwa. Fil-lista għall-kollezzjonijiet futuri hemm bikinis, sweatshirts, hoodies u qliezet. Recured mhux xi ħaġa ta’ perjodu wieħed, hija linja tal-ħwejjeġ li se tkompli matul is-sena kollha b’ideat u ħwejjeġ differenti.”

L-erba’ studenti jinsabu ferm entużjasti u pożittivi dwar il-futur ta’ din il-linja tal-ħwejjeġ. “Biex inkunu onesti ħadd minna ma konna qed nistennew din ir-reazzjoni daqstant pożittiva. Issa qed niffukaw ukoll fuq il-kritika biex dejjem intejbu u nipperfezzjoni l-prodott tagħna, biex dejjem il-konsumatur ikun kuntent u sodisfatt.”

Recured jiddeskrivu l-ħwejjeġ tagħhom bħala ‘streetwear’, ‘urban, hipster culture’. Jimmiraw li l-ħwejjeġ tagħhom jintlibsu min-nies t’età bejn il-15 u l-24 sena. “Però fl-aħħar mill-aħħar dawn il-ħwejjeġ jista’ jilbishom kulħadd, kemm għal kuljum u anke biex toħroġ bihom.”

Recured issa fetħu s-sit uffiċjali tagħhom minn fejn wieħed jista’ jara u jixtri l-ewwel prodotti tal-kollezzjoni debuttanti tagħhom. Is-sit hu www.recuredclothing.com

Jean Pierre Cassar gradwa mill-Università ta' Malta b'Baċellerat fil-Malti. Kompla l-istudju tiegħu fl-interpretar fejn kiseb iċ-ċertifikat biex ikun jista' jaħdem bħala interpretu fl-istituzzjonijiet Ewropej. Preżentament jokkupa l-kariga ta' Aġent Editur mal-ġurnal Illum.