Ħames Minuti ma' Rodney Vassallo

Rodney Vassallo – ġurnalist u preżentatur ta’ programmi sportivi

Frederick Attard / 13 t'April 2014 15:47
Rodney Vassallo
Kelma waħda li tispjega ħajtek?

 

Spettakolari.

X’inhi l-attitudni tiegħek lejn il-ħajja?
Ħu ġurnata b’ġurnata, żomm saqajk mal-art, dejjem kun preparat għas-sabiħ u l-ikrah li toffri l-ħajja, ħobb lil min iħobbok, tagħtix każ x’jaħsbu jew x’jgħidu fuqek in-nies, u pprova dejjem kun pożittiv.
Dan l-aħħar punt importanti għax in-negattività li tara f’ċerti nies hija inkredibbli.
Wieħed irid jidħol fih innifsu u jgħid kemm jien fortunat u jirringrazzja lil Alla kull ħin u kull mument. Bit-tlugħ u l-inżul li kulħadd ikollu, meta tagħsar kollox, il-ħajja hija sabiħa.

Kemm hi importanti għalik il-politika?
Onestament m’għadhiex daqs kemm kienet sa ftit tax-xhur ilu, speċjalment issa li m’għadnix naħdem f’kamra tal-aħbarijiet.
Ngħid għalija, minn dejjem bqajt konsistenti fit-twemmin tiegħi, imma dejjem urejt rispett lejn l-avversarji politiċi tiegħi. Nemmen li fl-ebda ħin il-politika m’għandha toħloq firda.
Importanti li waqt li tħaddan l-ideali tiegħek, tirrispetta l-opinjoni ta’ min ma jaqbilx miegħek.

Skontok, xi tfisser qabża ta’ kwalità fil-ħajja?
Qed ngħixu f’ħajja u soċjetà fejn il-flus jikkontrollaw, u allura jekk b’xi mod jew ieħor ittejjeb il-qagħda finanzjarja tiegħek, tkun qiegħed awtomatikament ittejjeb il-kwalità tal-ħajja li fiha tkun qed tgħix.

X’valur għandhom il-flus għal ħajtek?
Il-flus huma importanti, imma żgur mhux l-iktar ħaġa importanti.
L-imħabba u r-rispett reċiproku lejn dawk ta’ madwari hija ferm iktar għażiża u importanti mill-valur tal-flus.

Definizzjoni ta’ kuntentizza għalik?
Li tqum kull filgħodu u tħoss paċi miegħek innifsek.
Żgur mhux se jkunu l-affarijiet materjali li jagħmluni kuntent iktar milli jien.

X’taħseb dwar il-kampanja Maltija?
Il-ftit kampanja li għandna trid tiġi mħarsa. Qed ngħixu f’pajjiż żgħir b’ħafna limitazzjonijiet. Mhux aċċetabbli li l-iżviluppaturi li għandhom interess biss li jħaxxnu bwiethom, ikomplu jeqirdu l-ftit kampanja li għandha f’dan il-pajjiż.

Tippreferi s-sajf jew ix-xitwa?
Is-sajf sabiħ, madankollu jkolli nagħżel, nippreferi x-xitwa.
Ħafna sħana li joffri s-sajf Malti tirritani ftit.

X’taf issajjar bħala platt Malti?
Il-kapaċitajiet ta’ tisjir tiegħi huma ftit limitati, madankollu jekk il-mistoqsija nista’ ndawwarha xi nħobb niekol, ngħidlek li bi platt għaġin kuljum inkun kuntent.

Kemm tħobb il-pajjiżek?
Pajjiżna għandu ħafna x’joffri, imma kultant naħseb li nkabbruha żżejjed meta ngħidu li għandna l-isbaħ temp u l-isbaħ baħar fl-Ewropa.
Fortunat li dort ħafna postijiet fl-Italja, u ngħid għalija hemm ħafna postijiet isbaħ minn Malta.
Vera li f’pajjiżna għandha karaterristiċi uniċi, madankollu l-fatt li pajjiżna ġeografikament huwa maqtugħ mill-kumplament tal-Ewropa, ngħid għalija huwa żvantaġġ aktar milli vantaġġ.

X’ibikkik jew idejqek fil-ħajja?
Frankament ftit li xejn hemm affarijiet li jbikkuni. Min-naħa l-oħra hemm affarijiet u/jew nies li jdejquni, li sfortunatament ikollok tgħix bihom xorta waħda. M’hemmx x’tagħmel tieħu paċenzja!!!

X’jiffrustrak l-iżjed?
L-injoranza u l-egoiżmu fost il-poplu.
Pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea għal dawn l-aħħar 10 snin, madankollu minkejja l-progress li għamilna bħala pajjiż, l-mentalità tal-poplu Malti baqgħet xi ftit lura.
Tiffrustrani wkoll il-problema kbira tat-traffiku li għandna f’Malta.

X’ibeżżgħek?
Jien nista’ mmut għada, ma tagħmilli l-ebda differenza, għax f’ħajti għamilt prattikament kollox, u m’għandi l-ebda dispjaċir, madankollu l-ħsieb tal-mewt ta’ xi ħadd qrib tiegħi ibeżżagħni ħafna.

Kemm hi importanti li ssegwi l-isports għalik?
L-isports huwa parti minn ħajti. Illum il-ġurnata sar xogħli u allura bilfors ikolli nsegwih b’ċertu interess.
Wieħed ma jistax jitraskura l-fatt li bl-online betting, ħafna mill-ġenwinità tal-isport naqset, mhux biss f’Malta iżda kullimkien.
Madankollu wieħed ma jistax ikun biss negattiv u bla dubju s-suċċess li kisbu dan l-aħħar barra l-pajjiz, it-Tim Nazzjonali Malti tas-Snooker, u t-Tim Nazzjonali Malti tal-Waterpolo, jikkonfermaw kemm f’pajjiżna hawn sportivi ta’ talent u kemm għad hawn min għadu jieħu l-isport bis-serjetà, entużjażmu u professjonalità kbira.

Il-mużika favorita tiegħek?
Illum il-ġurnata l-mużika hija limitata biss għal dak il-ftit ħin li nkun fil-karozza. Allura l-mużika favorita tiegħi - dak li jkun qed idoqq l-istazzjon tar-radju favorit tiegħi waqt li nkun qed insuq.

X’inhu suċċess fil-ħajja għalik?
Diffiċli tikkwantifika din il-kelma, madankollu nemmen li sa issa fil-karriera ta’ ġurnalist il-fatt li wasalt fejn wasalt sa issa kien suċċess. Inħossni kburi ħafna li sa Marzu 2013 kont parti minn tim f’One News. Nemmen ukoll li fl-erba’ xhur li ili naħdem fit-Taqsima Sport tal-PBS ħallejt ċertu impatt, u determinat li nkompli naħdem biex flimkien ma’ sħabi nibqgħu nkunu ta’ servizz u nżommu t-Taqsima Sport tal-PBS in-numru wieħed f’pajjiżna.

L-iktar darba li stħajt?
Ma nistħix! Ħaħa

L-isbaħ esperjenza f’ħajtek?
Bla dubju t-twelid ta’ ibni seba’ snin ilu. Illum l-iktar ħaġa li tagħtini sodisfazzjon f’ħajti hu l-ħin li nqatta’ mat-tifel tiegħi Brooklyn.
Fuq xogħol kelli ħafna esperjenzi pożittivi, bla dubju l-ħafna esperjenzi ta’ xogħol li kelli barra l-pajjiż jispikkaw fuq oħrajn.
Mal-PBS qed inħares ’il quddiem għal iktar esperjenzi tal-ġenn hekk kif deħlin għal żmien impenjattiv bit-Tazza tad-Dinja u avvenimenti sportivi oħrajn li se nkunu qed noffru lit-telespettaturi tagħna fuq TVM u TVM2.

Temmen fid-destin?
M’għandix ċans naħseb fuq ċuċati.

Ħolma li għadek ma wettaqtx f’ħajtek?
Tgħid mhux ħa ngħidlek li niżżewweġ!!! Madankollu, bħal kulħadd minn dejjem kelli ħolma li jkolli l-post tiegħi. Wara ħafna xogħol, diffikultajiet u sagrifiċċji fl-aħħar xhur, bi pjaċir u sodisfazzjon enormi fl-aħħar wasalt, u għal nofs is-sajf li ġej suppost għandi nidħol fl-appartament il-ġdid tiegħi.
Wara li nidħol fil-post inkun verament għamilt dak kollu li tista’ tagħmel f’din il-ħajja. Li jiġi wara huwa kollu bonus!

Frederick Attard kien l-editur tal-gazzetta ILLUM bejn Marzu tal-2014 u Ġunju tal-2015. Kien ukoll il-producer ta' programmi televiżivi ta' Mediatoday.