Il-qawwa fit-table tennis f’pajjiżna

Edward Baldacchino – Fl-età ta’ 41 sena huwa wieħed mill-aħjar plejers li pajjiżna qatt ra fit-table tennis. Baldacchino ma naqasx milli jimpressjona, u għaldaqstant jiddomina. Barra li huwa n-numru wieħed f’pajjiżna, huwa tmien darbiet champion ta’ Malta.

Cristian Muscat / 29 ta' Ġunju 2014 13:24
Lagħab f’aktar minn tnax-il World Championships u sitt European Championships għal pajjiżna, kemm bħala tim, kif ukoll f’logħob individwali
Meta beda l-veru interess tiegħek fil-logħba tat-table-tennis?
Fl-età żgħira ta’ 9 snin. Ma kontx waħdi għax beda ħija Vine jilgħab miegħi. Ħija Edward jirrakkonta li għalkemm jien kont għadni żgħir u kulħadd kien jiggustani għax ftit kont inlaħħaq mal-mejda tat-table tennis, it-talent fija kien jidher mill-bidu nett. Barra l-appoġġ ta’ ħija Vince, insemmi l-appoġġ li dejjem rċieva mingħand il-ġenituri tiegħu. Għadni niftakarhom jiġu jarawni kull logħba u jtuni appoġġ bla waqfien, kemm fit-tajjeb wara xi rebħa tajba, u wisq iktar meta sofrejt xi telfa diżappuntanti. Fil-fatt l-ewwel suċċess ta’ Baldacchino fuq livell nazzjonali kien biss tliet snin wara li beda, meta fl-1984 irbaħt għall-ewwel darba iċ-Championships Nazzjonali ta’ taħt l-erbatax-il sena.

Kif komplejt tevolvi fit-table tennis?
Bħalma jiġri dejjem, iż-żmien beda jtir, iżda aktar ma bdejt nikber, aktar komplejt nikseb l-esperjenza fil-logħba tat-table tennis. Sal-lum il-ġurnata lgħabt f’aktar minn tnax-il World Championships u sitt European Championships għal pajjiżna, kemm bħala tim, kif ukoll f’logħob individwali. Barra minn hekk, jiena wkoll ir-rebbieħ tal-Midalja tal-Bronż fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li kienu saru fl-Islanda fl-1997.

Xi tħoss meta tilgħab għal pajjiżek?
Li tirrappreżenta lill-bandiera ta’ pajjiżek hija diġà minnha nnifisha xi ħaġa sinifikanti, iżda li tirrappreżentah fl-isport li tant tkun tħobb hija xi ħaġa bil-wisq ikbar. Dan kollu kien possibbli, grazzi għat-taħriġ u għall-għajnuna li dejjem sibt, speċjalment meta kont għadni żgħir. Kont preżenti għal diversi kampijiet ta’ taħriġ, xejn inqas minn għaxra ġewwa l-Italja u l-Ingilterra.
L-iktar esperjenza riċenti tiegħi kienet f’Mejju li għadda, fejn għal darb’oħra erġajt ġejt magħżul biex nirrappreżenta lil Malta bħala plejer/kowċ fil-World Championships li saru ġewwa Tokjo, fil-Ġappun. Ta’ min wieħed isemmi li f’dawn il-logħob, Malta kellha riżultati mill-aktar pożittivi, fejn saħansitra waslu sal-kwarti-finali fid-diviżjoni tagħhom. Żgur li ġurnata li mhu se ninsa qatt, għalkemm għadda ż-żmien, hija propju għaxar snin ilu. Għadni niftakar kollox ċar daqs il-kristall, fil-World Championships ġewwa Doha, fil-Belt Kapitali tal-Qatar. Dik is-sena, kont ġejt magħżul biex nirrapreżenta lil pajjiżi u f’waħda mil-logħbiet tagħna kontra Ċipru, irbaħt il-logħba tiegħi tliet settijiet għal tnejn u tajt rebħa mistħoqqa lil Malta - rebħa li żgur fissret bil-bosta fil-karriera tiegħi.

Induru għax-xena lokali tat-table-tennis. Tina iktar dettalji tal-involviment tiegħek fit-table tennis ġewwa pajjiżna u tas-suċċessi li ksibt lokalment.
Kien propju fl-istaġun 2005/2006 fejn kont waqqaft rekord nazzjonali. F’dik is-sena, rbaħt kull unur li jiġi organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tat-table tennis, liema rekord għadu mhux mimsus sal-ġurnata tal-lum.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kampjonati nazzjonali li rbaħt, għalija, kull kampjonat nazzjonali li rnexxieli nirbaħ huwa dejjem storja differenti. Il-parteċipazzjoni tal-individwu fl-isport hija importanti, però personalment nemmen li huwa l-għatx li jkollok minn ġewwa għar-rebħ fl-isport li jtik il-motivazzjoni biex tiġi sena wara l-oħra u tagħti l-massimu tiegħek.

Illum il-ġurnata, int il-Head Kowċ ta’ waħda mill-ikbar skejjel tat-table tennis f’pajjiżna, TopSpin Table Tennis Academy. Tina iktar dettalji.
Hekk hu. Barra mill-esperjenza vasta li għandi bħala plejer f’kompetizzjonijiet diversi, jien għandi xejn inqas minn 13-il sena esperjenza bħala kowċ. Inservi wkoll bħala kowċ nazzjonali tat-tim taż-żgħażagħ u propju hija din il-pożizzjoni li titfagħni f’vantaġġ ma’ kowċis lokali oħra, liema pożizzjoni tgħinni verament nifhem l-affarijiet it-tajbin u l-ħżiena li jgħaddi minnhom kull atleta Malti meta jilgħab għal pajjiżu. Fis-sajf li għadda, mort f’Setubal, il-Portugall biex inkompli nitħarreġ fuq dan l-isport. Waqt dan it-taħriġ, iffukajt fuq it-tagħlim li jista’ jgħin anki atleti b’diżabilità fiżika li jkunu interessati li jibdew dan l-isport b’mod professjonali.

Jekk ikollok tiddeskrivi din l-akkademja fi ftit kliem kif tiddeskriviha u xi proġetti għandek għall-futur ta’ din l-akkademja li qiegħda tagħmel ġid kbir lit-table-tennis f’pajjiżna?
Niddesskrivi l-Akkademja fejn fiha ngħallem bħala l-‘mimmi t’għajnejja’. Għalija l-ikbar sodisfazzjon bħala kowċ huwa meta l-istudenti tiegħi jidħlu mingħajr ebda idea fuq l-isport u wara snin ta’ determinazzjoni u dedikazzjoni, joħorġu plejers b’saħħithom fejn jistgħu jilagħbu f’livell internazzjonali.
F’dan il-proġett, jien ma dħaltx għalih waħdu, iżda huwa kontinwament mgħejjun minn 4 kowċis oħra, kollha parti mit-tim nazzjonali u kollha kienu studenti tiegħi. Dawn jinkludu lil Daniel Bajada, tliet darbiet champion ta’ Malta, Dorianne Magri, Alex Soler u Matthew Micallef. Il-formula ta’ suċċess ta’ dawn il-kowċis uriet il-frott fl-ewwel sena tagħha. Fis-sena 2014, huma ngħaqdu wkoll bħala tim wieħed u kkompetew fl-ewwel diviżjoni tal-kampjonat Malti, li hija l-ogħla diviżjoni f’pajjiżna. Minbarra li kompletament iddominaw huma waslu għar-rebħ tat-titlu erba’ logħbiet qabel spiċċa l-istaġun kalendarju.

U l-pjanijiet u l-ambizzjonijiet personali tiegħek għall-futur?
Għalkemm irbaħt kull unur li wieħed jista’ jirbaħ fix-xena lokali u għad għandi l-istess ħeġġa li kelli 20 sena ilu, huwa fatt, li plejers iżgħar fl-età jkunu għatxana għall-unuri. Barra minn hekk, sforz l-imħabba u l-ħeġġa li għandi għal dan l-isport, qiegħed nagħmel dak kollu li hu possibbli biex ngħaddihom lill-ġenerazzjoni żagħżugħa li tiela’, wara kollox dawn huma l-futur ta’ pajjiżna, dawn huma l-plejers li fi ftit snin oħra jkunu qed jirrappreżentaw dik il-bandiera bajda u ħamra. Fil-fatt, jien qiegħed ngħin lill-istudenti tal-Akkademja b’kull mod possibbli, billi anki nġib kowċis professjonali barranin. Bħalissa ninsabu għaddejjin bl-aħħar preparamenti għall-iSkolaSajf li tibda f’Lulju, fejn saħansitra hemm ippjanat li nistieden psikologa biex tkun tista’ tgħallem l-istudenti tiegħi kif jipprepreparaw ruħhom tajjeb mil-lat mentali.

 

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.