Missier, plejer u captain tar-rebbieħa

Ryan Fenech  – isem li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fix-xena tal-futbol lokali hekk kif rebaħ bosta unuri, bl-aħħar wieħed ikun it-tieni kampjonat li rebaħ ma’ Valletta u l-ewwel wieħed bil-faxxa ta’ captain. Issiġġilla sena mill-aqwa wara li ftit tal-ġimgħat ilu sar missier għall-ewwel darba

Cristian Muscat / 27 t'April 2014 16:54
Ryan Fenech twieled fl-20 ta’ April 1986 f’Tal-Pietà
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol u l-familja tiegħek kif għenitek biex tipprattika dan l-isport li tant tħobb?

Il-futbol naħseb li kien minn dejjem fija. Naħseb li l-passjoni titwieled biha. Niftakar li l-familjari tiegħi kienu dejjem jiġru u jwassluni skont il-bżonnijiet ta’ dawk iż-żminijiet peress li meta tkun żgħir ma tkunx issuq inti. 

Bdejt il-karriera tiegħek ma’ Ħamrun Spartans. Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek hemmhekk.

Kont ingħaqadt ma’ Ħamrun Spartans ta’ 8 snin fejn kien hemm kowċ jismu Charlie li xtaqni mmur hemm u minn hemm bdiet l-avventura tiegħi ma’ Ħamrun. Kienet esperjenza kbira fejn kont u kelli l-unur li niltaqa’ ma’ plejers li kitbu l-istorja tal-klabb, fosthom Michael Degiorgio u Stefan Sultana. Iddebuttajt ta’ 16-il sena peress li f’dak iż-żmien Ħamrun kienu qed jagħtu lilna ż-żgħażagħ ċans akbar minħabba problemi finanzjarji. Kienet esperjenza li ntemmet kemxejn qarsa però grat li tawni ċ-ċans, bla dubju.

Imbagħad ingħaqadt ma’ Sliema Wanderers fejn hemmhekk ikolli ngħid li ftit li xejn impressjonajt. Il-kummenti tiegħek.

Ma naqbilx eżatt miegħek. Naħseb ma’ Sliema fl-ewwel sena kellna tim kompetittiv u b’saħħtu flimkien mal-kowċ Stephen Azzopardi u naħseb li għamilt pass ’il quddiem bħala futboler. Bil-għajnuna ta’ Sliema kelli nipprova lili nnifsi li nista’ nimxi ma’ klabb akbar wara Ħamrun Spartans.

Iżda wara ngħaqadt ma’ Valletta grazzi għall-President Victor Sciriha.

"“Il-passjoni lejn il-futbol titwieled biha”"
Cristian Muscat
X’kienet l-esperjenza tiegħek hemmhekk sa issa speċjalment issa wara dan ir-rebħ tat-22 kampjonat fl-istorja glorjuża ta’ dan il-klabb?

Hija esperjenza bla dubju kbira ma’ Valletta għaliex huwa dak il-klabb li miegħu rbaħt żewġ kampjonati u bla dubju tal-aħħar se jibqa’ wieħed memorabbli fil-ħajja tiegħi u tal-Beltin kollha. 

X’ifisser għalik Victor Sciriha?

Kif jgħidu bħal missierek ma ssib qatt, però fix-xena tal-futbol is-Sur Victor Sciriha huwa nista’ ngħid, missier - kemm hu kif ukoll il-mara tiegħu, Gillian. 

U dan il-kampjonat li għadkom kemm irbaħtu x’fisser għalik? X’sentimenti għandu fil-karriera tiegħek ta’ futboler?

Dan il-kampjonat ifisser ħafna għalija. Dan għaliex kienet l-ewwel darba li kelli x-xorti nerfa’ l-ikbar unur fil-futbol Malti. Kien sentiment akbar għaliex ftit wara li kelli t-tifla dan kien l-unur li kif jgħidu kien iċ-ċirasa fuq il-kejk.

X’inhu l-futur ta’ Ryan Fenech ma’ Valletta?

Fadalli sena oħra kuntratt. Bla dubju fadal ħin biex niddiskutu kuntratt ieħor u żgur li l-futur tiegħi sakemm il-klabb ikollu bżonn is-servizzi tiegħi, nibqa’ ma’ Valletta.

Plejer tal-kalibru tiegħek ġieli kkunsidra li jmur jilgħab barra minn Malta?

Iva ġieli. Kelli offerti però ma naħsibx li kienu konkreti biżżejjed.

Il-futbol Malti marid?

Jista’ jkun li l-futbol Malti huwa marid għal ħafna però għalija mhuwiex għaliex jien naħseb biss biex ma mmardux jien!

X’taħseb li kien is-sigriet ta’ dan is-suċċess ta’ Valletta speċjalment meta tqis li matul dan l-istaġun kontu dejjem fit-tieni post issegwu lil Birkirkara?

Bla dubju li s-sigriet għal dan is-suċċess kien l-għaqda u r-rieda kbira ta’ tim li ried jirbaħ, anki jekk qatt ma konna kkunsidrati favoriti kemm mill-mezzi tax-xandir, ġurnalisti u mezzi soċjali.

X’relazzjoni għandek mal-kowċis Andre Paus, Mark Miller u Gilbert Agius?

Ma’ Mark Miller għandi relazzjoni kbira għaliex kien figura importanti biex minn mindu kelli 14-il sena tellagħni fejn qiegħed illum. Ma’ Andre Paus għandi relazzjoni kbira u b’komunikazzjoni kuljum fuq kif se nkunu dejjem aħjar. Bla dubju huwa kowċ ta’ esperjenza kbira.

Rigward Gilbert Agius apparti li huwa kowċ, huwa ħabib - plejer li jagħtini ħafna pariri siewja. Huwa ta’ eżempju għalija.

"“Kien kampjonat memorabbli fil-ħajja tiegħi u tal-Beltin kollha” "
Cristian Muscat
U dik mal-kumitat ta’ Valletta mmexxi minn Victor Sciriha?

Hija relazzjoni tajba speċjalment ma’ dawk l-aktar viċin.

U mal-plejers sħabek?

Għandi relazzjoni kbira għaliex tqatta’ ħafna ħin magħhom u bla dubju bilfors li jrid ikollok rapport tajjeb ma’ kulħadd. Għandna grupp ta’ plejers b’esperjenza u kwalità kbira.

Ilek timmilita fit-tim nazzjonali għal diversi snin fejn int wieħed mill-plejers ewlenin. Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fit-tim nazzjonali sa issa u kif qed tħares lejn il-futur?

Kull esperjenza mat-tim nazzjonali Malti hija u nħossha bħala waħda kbira. Li tilgħab għal Malta hija waħda mill-isbaħ esperjenzi li kull plejer joħlom. Il-futur tiegħi fit-tim nazzjonali jiddependi dejjem mill-prestazzjonijiet tiegħi ma’ Valletta. Huwa imporatnti ħafna li tilgħab tajjeb mal-klabb biex tibqa’ żżomm postok fit-tim nazzjonali.

X’inhi r-relazzjoni tiegħek mal-kowċ tat-tim nazzjonali Pietro Ghedin?

Illum ir-relazzjoni tiegħi ma’ Pietro Ghedin hija ħafna aħjar mill-bidu li kien ġie. Kellu viżjoni differenti fuqi però llum għandi ħsieb ieħor u għandna rapport miftuħ u onest lejn xulxin.

X’tikkummenta fuq l-amministrazzjoni tal-MFA mmexxija mid-duo ħabrieki Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo?

Huma żewġ persuni li qed jippruvaw dejjem imexxu l-futbol Malti ’l quddiem. 

Fil-bidu tal-istaġun qatt kont temmen li stajtu tirbħu dan il-kampjonat? Iktar ma beda jgħaddi ż-żmien bosta segwaċi tal-futbol Malti bdew iqisu lil timijiet oħra fosthom Birkirkara li kienu iktar favoriti minnkom li jirbħu l-kampjonat. Il-kummenti tiegħek.

Mill-bidu tal-istaġun kont dejjem nemmen li stajna nagħtu sfida denja lil Birkirkara li huma bla dubju skwadra b’saħħitha ħafna però bis-saħħa tagħna għelibna l-ostakli u llum ninsabu champions.

X’responsabbiltà tħoss għall-fatt li ġġorr il-faxxa ta’ captain ta’ klabb bi storja glorjuża bħal ma huwa Valletta?

Hija responsabbiltà kbira li ġġorr il-faxxa ta’ captain ta’ Valletta però bl-għajnuna ta’ kulħadd timxi ’l quddiem. Hija faxxa li tirrappreżenta l-fatt li tipprova tmexxi lit-tim ’il quddiem. 

Tqis ruħek bħala kontendent ewlieni li tirbaħ l-unur prestiġjuż tal-MFA Plejer tas-Sena f’Ġunju li ġej?

Onestament inħalli lil ħaddiehor jiġġudikani. Jien ninsab nilgħab fi sport fejn huma l-unuri li nirbħu bħala tim l-aktar importanti, però bla dubju tkun xi ħaġa sabiħa li tirbaħ l-MFA Plejer tas-Sena. 

Persważ li tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti għal dan is-suċċess. Inħalli f’idejk.

Nixtieq nirringrazzja lill-mara u lill-familja tiegħi kollha u niddedika dan l-unur lit-tifla tiegħi.

Bħala plejer ta’ suċċess kbir fil-futbol Malti għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.

Bla dubju t-tfal u ż-żgħażagħ għandhom isibu ħin għal kollox kemm skola u kemm sport u naħseb li biex tikseb u timxi ’l quddiem l-aktar ħaġa importanti hija dejjem is-serjetà fit-taħriġ u r-rieda li dejjem tipprova tkun aħjar kuljum. Fil-futbol dejjem hemm x’titgħallem, għandek kemm għandek età!

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.