Ħames Minuti ma' Angela Coleiro

Angela Coleiro - personalità u preżentattriċi tar-radju. B’karriera ta’ ‘l fuq minn 28 sena, illum Angela hi meqjusa bħala l-ħabiba tar-radju ta’ ħafna mis-semmiegħa tagħha

Frederick Attard / 18 ta' Mejju 2014 17:26
Angela Coleiro
F’liema lokalità twelidt u fejn tgħix illum il-ġurnata?
Twelidt tas-Sliema u llum ngħix il-Birgu. Ili noqgħod il-Birgu għal dawn l-aħħar 14 il-sena issa u veru qiegħda għal qalbi. Hija Belt mitlufa fl-istorja, b’karattru uniku, ħafna toroq iserrpu, b’djar mill-isbaħ u ħafna pjanti kullimkien... u ovvjament għandi veduta imprezzabli tal-Port il-Kbir tant maestuż tagħna... eh... u bilħaqq in-nies Gerbin m’hawnx bħalhom.

X’tip ta’ logħob tiftakar minn żmien tfulitek?
Żibeġ, lastku, boċċi, passju: Meta kont tfal jiena, konna nilagħbu għal ħafna ħin barra... fil-widien, għelieqi u anki fit-triq, u għalhekk konna nagħmlu l-eżerċizzju wkoll, it-tfal tal-lum narahom wisq iqattgħu ħin ġewwa quddiem l-iskrin tal-kompjuter, tablet, jew jilagħbu logħob fuq il-playstation.

Kif tiddeskrivi t-tfal tal-lum?
Fortunati... imma nħoss li qed jikbru wisq malajr.

Kemm hu importanti li t-tfal ikollhom bilanċ bejn skola u logħob?
Jiena m’għandix tfal... Imma fl-opinjoni tiegħi għandu jkun hemm ħin għal kollox għat tfal... il-logħob importanti ħafna.

Temmen li s-sistema edukattiva f’pajjiżna qed tkun ta’ suċċess?
Kif diġà għidt m’għandix tfal, allura m’iniex aġġornata dwar dan is-suġġett... iżda naħseb li għandna bżonn aktar edukazzjoni fejn jidħlu r-rispett inġenerali u l-manjieri... u forsi ftit lezzjonijiet biex bħala poplu nitgħallmu nitbissmu aktar... u nieħdu l-ħajja kif tiġi.

Il-kulur favorit tiegħek u għaliex?
Inħobb ħafna kuluri differenti... m’għandix wieħed partikolari... inħobb il-ħajja, in-nies, u d-diversità... għalhekk inħobb ħafna kuluri.

Tħobb issajjar u liema hu l-platt popolari fil-kċina tiegħek?
Inħobb insajjar ħafna... huwa mezz ta’ rilassament għalija... Platt favorit huwa l-frott tal-baħar... gambli, maskli eċċ, l-hena tiegħi nistieden ftit ħbieb tal-qalb biex jiġu d-dar tiegħi, u nsajrilhom xi ikla tajba... inżejjen il-mejda bix-xemgħat u l-fjuri eċċ... naqra inbid... u ma jistax jonqos il-ħelu... il-ħelu nħobbu ħafna... wisq xi kultant!

Kemm ilek li bdejt il-karriera fuq ir-radju?
Bdejt il-karriera tiegħi fuq ir-radju lura fl-1985... fejn kont nippreżenta rokna żgħira waqt programm ma’ James Catania u Albert Spiteri fuq Radju Malta minn dakinhar sal-lum qatt ma ħarist lura, u fil-karriera tiegħi fix-xandir tista’ tgħid li għamilt ftit minn kollox... Xandart fuq Radju Malta, Eden FM, Radju Karmelitani (Żurrieq), One Radio għal 18 il-sena, u issa qiegħda għal qalbi ħafna mat-tim ta’ Solid Malta 100.2 FM, fejn nippreżenta programm kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd. Għamilt ukoll ftit TV, kont waħda mill-atturi, u kittieba tas-sensiela popolari satirika tas-snin 80 “Aħna aħna jew m’aħniex”. Ippreżentajt programmi kummerċjali tat-telebejgħ, attriċi f’“Qegħdin Sew”. Ix-xandir u l-ispettaklu huma parti importanti minn ħajti... Ma ngħixx mingħajrhom.

X’inhu dak li jagħmel ir-radju daqshekk popolari mas-semmiegħa?
Jiena nħobbu ħafna r-radju... inħoss li l-kuntatt mal-udjenza huwa aktar personali u intimu mit-televiżjoni... U r-radju tista’ tieħdu miegħek kulimkien. Ovvjament nirċievi bosta telefonati, messaġġi u messaġġi fuq Facebook waqt il-programmi, li napprezza ħafna... inħoss li jiena persuna ta’ nies... u mhux fuq xi pedestall... fil-fatt l-istil tiegħi huwa familjari ħafna.

Kif tipprepara ruħek qabel tibda programm tar-radju?
Kontra dak li forsi jaħsbu xi uħud... Trid tipprepara kuljum għal programm fuq ir-radju... trid tkun aġġornata dwar dak li qed jigri fid-dinja tal muzika u l-ispettaklu..kif ukoll fl-aħbarijiet lokali, u globali... trid tasal xi siegħa jew tliet kwarti qabel ma jibda l-programm... u trid tieħu ħsieb il-vuċi.

Bħala preżentattriċi fuq il-palk, liema kien l-aktar avveniment għal qalbek?
Kien hemm diversi waqtiet sbieħ matul is-snin... imma forsi l-aktar wieħed li nibqa’ niftakar, kien fis sena 2000 meta flimkien ma’ Alfred Zammit ipreżentajt kunċert tal-millenju fis-sala ta’ Republikka, f’Dar il-Mediterran.

U bħala preżentattriċi fuq it-televiżjoni?
Ma tantx għamilt TV... aktar radju... nippreferih.

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-ħafna attivitajiet li qed jittellgħu mill-Kunsilli Lokali?
Jiena naħseb li dawn l-attivitajiet huwa sbieħ u pożittivi... iżda fl-istess ħin naħseb li hemm bżonn ta’ ftit ideat oriġinali... għax inħoss li xi kultant mort waħda... morthom kollha.

X’inhuma l-elementi importanti waqt lejla Maltija?
Il-kultura, l-folklor, u bla dubju l-ikel tipiku Malti. Ma rridx inweġġa’ s-sentimenti ta’ ħadd... imma nħoss li xi kultant bħala poplu għandna vizzju nagħmlu bħan-ngħaġ ta’ Bendu... Spiċċajna b’ħafna iljieli Maltin... f’kull lokalità u kważi kollha l-istess... allura, ħa nkun onesta... tlift l-interess fihom.

Kif tiddeskrivi lil pajjiżek ma’ nies barranin?
Gżira żgħira mitlufa fl-Istorja... iżda moderna fl-istess ħin: jiena nsiefer ħafna... għax huwa wieħed mill-passatempi tiegħi... u dejjem nistagħġeb kemm ikunu interressati l-barranin biex ikunu jafu aktar dwar pajjiżna, hekk kif ngħidilhom li jiena minn Malta... Ħasra li wħud minn dawn il-barranin ikunu jafu aktar dwar l-Istorja u l-kultura ta’ pajjiżna... minn uħud minnha... Imma bit-tajjeb (u għandna ħafna tajjeb) u l-ħażin kollu tagħna jiena kburija li jiena Maltija, u għalkemm insiefer ħafna... kif minn fuq l-ajruplan nilmaħ fuq ix-xefaq il-blata tagħna...ġo qalbi ngħid... ejja wasalt lura!

Frederick Attard kien l-editur tal-gazzetta ILLUM bejn Marzu tal-2014 u Ġunju tal-2015. Kien ukoll il-producer ta' programmi televiżivi ta' Mediatoday.