Il-mara li tiddomina x-xena tal-badminton f’Malta

Fiorella-Marie Sadowski  – bla dubju l-aqwa plejer femminili li pproduċa l-badminton lokali f’dawn l-aħħar snin fejn tista’ tgħid li rebħet dak kollu li għandu x’joffri l-badminton lokali waqt li kisbet ukoll diversi suċċessi fix-xena internazzjonali tal-istess sport li kulma jmur qed jikber fil-popolarità f’pajjiżna

Cristian Muscat / 1 ta' Ġunju 2014 13:36
Fiorella-Marie Sadowski
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-badminton?
Ta’ 4 snin kont immur ma’ missieri Martin Farrugia li kien il-kowċ nazzjonali tal-badminton, waqt it-taħriġ tiegħu. Il-plejers ta’ dak iż-żmien kienu joqogħdu jilagħbu jew jitkellmu miegħi u malajr bdejt neħodha drawwa mmur frekwenti ma’ missieri. Ħaġa ġġib lil oħra u ta’ 6 snin ħadni għall-ewwel taħriġ uffiċjali tiegħi mal-Iskola Sport. Kull nhar ta’ Sibt kont inkun dejjem bi ħġari sabiex nipprepara għal-lezzjoni tal-badminton.

Li jkollok tiddeskrivi l-badminton kif tiddeskrivih?
Il-badminton ma nbiddlu mal-ebda sport ieħor. Huwa sport li jgħaqqad ħafna aspetti fiżiċi, tekniċi u tattiċi. Hemm bżonn ta’ reazzjoni veloċi ħafna u saħħa fis-saqajn. Għalkemm tista’ tgħid li qisu l-isport għażel lili u mhux jien l-isport, jekk immur lura fiż-żmien u li kieku m’għandix missieri kowċ tal-badminton, xorta nispiċċa nagħżel li nipprattika dan l-isport. Hemm bżonn ta’ ħafna sagrifiċċji, dedikazzjoni, paċenzja, kuraġġ, perseveranza u determinazzjoni meta tiġi biex tieħu deċiżjoni li tieħu sport bis-serjetà.

Kif komplejt tevolvi b’dan l-isport?
Sena wara sena, b’paċenzja dejjem kont nitgħallem xi ħaġa żgħira, però dejjem bil-mod il-mod. Ta’ 13-il sena rbaħt l-ewwel trofew ta’ ħajti u nista’ ngħid kien il-mument li tani iktar determinazzjoni u motivazzjoni f’ħajti biex inkompli nippersisti f’dan l-isport. Fil-fatt sa meta kelli 13-il sena kelli naqra piż żejjed li ma tantx għeni fil-badminton. Wara ftit taż-żmien indunajt li biex intejjeb il-livelli tiegħi kelli bżonn ta’ tibdil f’ħajti u ddeċidejt li noqgħod attenta iktar għall-ikel li kont qiegħda niekol u fi x’ħin qiegħda nieklu.
Minn meta kelli 14 kont magħżula man-nazzjonal taż-żgħar u kien ikollna bosta tournaments ma’ timijiet barranin hawn Malta fosthom timijiet mill-iSkozja, l-Irlanda, Wales u l-Ingilterra. Darba minnhom irnexxieli wkoll nitla’ fil-finali ma’ plejer Skoċċiża promettenti ħafna. Wara ftit taż-żmien konna wkoll ninżlu nittrenjaw mat-tim nazzjonali tal-kbar u hemmhekk sibt ukoll lil missieri.  Nistqarr miegħek li mhix faċli li tkun ikkowċjat minn misserek, lanqas xejn. Dejjem ikun qiegħed jistenna iktar mingħandek u xi kultant kont naħseb li l-ħażin tiegħi biss kien jara! Ta’ 16 –il sena wasal l-ewwel tournament barra minn Malta, fl-Irlanda ta’ Fuq. Kien tournament li fih irbaħt il-mixed individuals flimkien ma’ Stefan Salomone. It-taħriġ tan-nazzjonal sfortunatament kien waqaf għall-perjodu twil mhux ħażin u l-badminton f’Malta ma tantx kien għaddej minn vena tajba ħafna. Iżda fl-aħħar, meta s-sitwazzjoni bdiet taqleb għall-aħjar erġajt bdejt nittrenja b’mod regolari darbtejn fil-ġimgħa mal-klabb tiegħi; Birkirkara Badminton Club taħt il-gwida ta’ missieri. Ta’ 19-il sena, fl-2008 irbaħt l-ewwel titlu nazzjonali tal-badminton fil-kategorija tal-mixed flimkien ma’ Stefan Salomone.

"“Kien mument fejn ħassejtni kuntenta ħafna bil-karriera tiegħi f’dan l-isport però żgur mhuwiex id-destinazzjoni finali” "
Fl-2009 irbaħt it-titlu tal-Ladies Doubles flimkien ma’ Maria Borg. Tina iktar dettalji.
Irbaħna dan it-titlu għal sentejn in fila. It-titlu tas-singles kien l-uniku avveniment li qatt ma kont irbaħt fil-Kampjonati Nazzjonali. Niftakar kont tlajt fil-finali tas-Singles 3 snin fuq xulxin u fl-ebda sena ma kien irnexxieli nerbaħha.

Waslet is-sena 2010 u t-tim tiegħek; Birkirkara Badminton Club kien rebaħ it-titlu tas-sena u f’Novembru l-Kumitat Olimpiku Malti flimkien mal-CONI ta’ Sqallija kienu jorganizzaw il-logħob ta’ ħbiberija. X’tiftakar minn dak iż-żmien?
It-tim tagħna li kien iffurmat minn Stefan Salomone, Robert Salomone, Maria Borg u jien, flimkien ma’ missieri konna rbaħna lit-tim ta’ Sqallija u b’hekk ġibna l-punt għall-Malta fil-Badminton. Is-sena ta’ wara kellna nitilgħu Sqallija sabiex il-logħob jintlagħbu f’darhom did-darba. Niftakar li l-ewwel logħba tal-Ladies Doubles konna tlifnieha kontra t-tim ta’ Sqallija biex imbagħad irbaħna l-Ladies Singles u l-Men’s Doubles. Stefan Salomone kien rebaħ faċilment l-ewwel sett kontra l-plejer ta’ Sqallija iżda spiċċa biex tilef it-tieni u t-tielet sett. Din is-sitwazzjoni kienet antipatika ħafna għalija u għall-partner tiegħi tal-mixed Samuel Cali li jinzerta wkoll il-kuġin tiegħi. Kulħadd kien qiegħed jispera li nirbħu dan il-konfront tagħna sabiex inġibu l-punt għal Malta u fil-fatt wara logħba kumbattuta għall-aħħar spiċċajna rbaħna. B’hekk il-badminton taw il-punt lil Malta. Ta’ min ngħid ukoll li l-badminton kien wieħed mill-ftit sports li ntrebħu mill-Maltin f’dik l-edizzjoni tal-Logħob ta’ Ħbiberija. Wara dak it-tournament u dak is-suċċess kien jeħtieġ iktar taħriġ u eżattament fil-Kampjonati Nazzjonali tal-2012 irnexxieli nirbaħ għall-ewwel darba t-titlu tal-Ladies Singles.

Wara dan is-suċċess personali li ksbit fl-2012 xi progress komplejt tagħmel fil-badminton?
Fis-sajf ta’ dik l-istess sena nirċievi imejl li fiha s-segretarju tal-assoċjazzjoni tal-badminton qalilna li kien se jkun hemm aħbarijiet tajbin għall-badminton. Konna infurmati li fl-2013 kienu se jsiru l-Logħob tal-Mediterran f’Mersin it-Turkija u għall-ewwel darba kien se jkun hemm ukoll il-badminton. Il-KOM tana l-għajnuna sabiex nitħarrġu b’mod iktar professjonali u fl-istess ħin nipparteċipaw għal ranking tournaments internazzjonali. It-taħriġ minn darbtejn fil-ġimgħa sar erba’ darbiet fil-ġimgħa u barra minn hekk kelli nżid ma’ dak it-taħrig personali tiegħi f’dak li għandu x’jaqsam mal-physical u anke weight training. Dan l-inċentiv tani motivazzjoni ikbar u kelli wkoll inwaqqaf ċerti mpenji oħra tiegħi personali sabiex nikkonċentra kompletament fuq dan il-proġett. Il-proġett kellu jwassal lili u lil Stefan Salomone għal-Logħob tal-Mediterran. Bdejna bl-Irish Future Series f’Ottubru fejn kif mistenni ltqajna ma’ plejers ta’ livell ogħla minn tagħna. Fil-mixed iltqajna mal-koppja li spiċċat sabiex rebħet it-tournament, filwaqt li fis-singles ġejt kontra Bulgara ħafna iktar esperjenzata minni fil-qasam internazzjonali. Ta’ min nispeċifika li dawn ir-ranking tournaments li konna bdejna mmorru għalihom jagħtu punti lil kull plejer li jipparteċipa sabiex jogħla fil-klassifika mondjali tal-plejers tal-badminton. Dawn il-punti mbagħad jiswew sabiex jagħtu l-kwalifikazzjoni lill-plejers għall-kompetizzjonijiet ferm iktar prestiġjużi bħall-Olimpjadi, il-World Championships u l-European Championships fost oħrajn. Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-plejers huma full time badminton plejers u għalhekk jikkonċentraw biss fuq it-taħriġ tagħhom f’dan l-isport. Wara l-Irlanda ta’ Fuq kien imiss li nerġgħu mmorru hemm għall-Irish Open fejn kellna polza iebsa ferm. Fil-mixed inzertajna ġejna ma’ koppja Olandiża li hija rrankjata fl-34 post fid-dinja. F’Jannar kellna mmorru Ċipru fejn kelli nikkompeti fis-Cyprus International. Konna fil-kwarti tal-finali u kellna nilagħbu kontra koppja Ċiprijotta. L-ewwel sett tlifnieh bl-iskor ta’ 21-18. Kien sett ibbilanċjat u li kieku ma kienx għal ċerti insikurezzi konna faċilment nagħmluh tagħna. Wara d-disfatta tal-ewwel sett, ħriġna iktar grintużi fit-tieni sett u rbaħnieh 21-14. Kollox kien iħoll u jorbot fuq l-aħħar sett. Sfortunatament il-koppja avversarja kienet f’darha u iktar esperjenzata f’dan il-qasam u ħadulna l-ewwel punti sabiex imbagħad sibnieha iktar diffiċli nirkupraw id-distakk. Dik il-logħba nibqa’ niftakarha bħala l-logħba li ġabitni iktar kunfidenti fuq il-court u kunfidenti fil-logħba tiegħi. Sa dakinhar kull darba li kont naffaċċja barrani dejjem kont inħossni inferjuri għalih jew għaliha, però wara dakinhar mtlejt b’kunfidenza kull darba li noħroġ nilgħab kontra plejer barrani iktar ikkwotat minni. Wara Ċipru kien hemm wkoll ir-Rumanija fejn lgħabt kontra plejer Russa li kienet rrankjata mal-aqwa 100 tad-dinja. Ix-xhur bdew igerbu u fl-aħħar tax-xahar ġiet l-aħbar li ma konniex se nitilgħu nipparteċipaw għal-Logħob tal-Mediterran. Hija ovvja li wara xhur ta’ taħriġ intensiv tħossok diżappuntata meta tisma’ aħbar bħal din. Madankollu ma ħallejtx din id-disfatta twaqqagħli d-determinazzjoni u l-motivazzjoni. Irbaħt it-titli nazzjonali fis-Singles għat-tieni darba u l-mixed għas-sitt sena konsekuttiva.

"“Mhix faċli li tkun ikkowċjat minn misserek, lanqas xejn! Dejjem ikun qiegħed jistenna iktar mingħandek u xi kultant kont naħseb li l-ħażin tiegħi biss kien jara!” "
Fis-sajf tas-sena l-oħra mort Pressbaum fl-Awstrija fejn hemmhekk ħadt sehem fi training camp. Tina iktar dettalji.
Iva, iddeċidejt li nagħmel hekk sabiex intejjeb iktar il-livell tal-logħba tiegħi. Hemmhekk flimkien ma’ kowċis internazzjonali u plejers nazzjonali tal-Awstrija tħarriġt fiżikament, teknikament u tattikament. It-taħriġ kien ikun intensiv mid-9am sa nofsinhar, mit-3pm sal-5pm u mis-7pm sad-9pm.  

Kif kompliet ħajtek fil-badminton wara dan it-training camp fl-Awstrija?
Beda Settembru u bdejna staġun ieħor ta’ taħriġ fuq livell nazzjonali u komplejna fejn ħallejna f’Ġunju. Fil-fatt f’dan l-aħħar staġun kważi kuljum kien ikolli t-taħriġ tiegħi, dejjem b’ħafna sagrifiċċji kbar. Erġajna morna ranking tournaments fl-Irlanda kif ukoll f’Ruma fejn kelli prestazzjoni tajba ħafna u spiċċajt kont fit-tmun tat-tieni set 15-13 kontra Sarina Kohlfurst fejn rajna livell ta’ plejers għoli ħafna b’punti għoljin ħafna. L-ikbar sorpriża waslet waqt it-tournament li kellna fil-Portugall fejn ġie mħabbar lili u lil Samuel Cali, li kien iċ-champion nazzjonali tal-Badminton tal-2013, li grazzi għar-ranking mondjali kkwalifikajna fis-singles u fil-mixed għall-Kampjonati Ewropej li kienu se jsiru f’Kazan fir-Russja. Dan it-tournament jistgħu jieħdu sehem fih plejers li jkunu għamlu ranking tournaments u akkumulaw il-punti mil-logħbiet li jkunu ntlagħbu. Għal dan it-tournament jieħdu sehem l-aqwa plejers Ewpropej tal-badminton fosthom Jan Jorgensen (it-3 fid-dinja) u Carolina Marin (l-1 f l-Ewropa). Li nikkwalifika għal tournament ta’ livell bħal dan kienet ħolma. Ħolma li seħħet grazzi għall-għajnuna ta’ ħafna nies u għaqdiet. Kien ta’ unur kbir li ngħollu l-bandiera Maltija waqt iċ-ċerimonja qalb pajjiżi kbar bħal Franza, id-Danimarka, l-Ingilterra, l-Olanda, ir-Russja, l-Italja u oħrajn.

Eżattament wara dawn il-Kampjonati Ewropej kellek tirritorna għall-finali tal-Kampjonati Nazzjonali ta’ Malta, fejn għall-ewwel darba rnexxielek tirbaħ l-unur tat-triple crown, jiġifieri, ir-rebħ tat-tliet titli (Singles, Mixed u Doubles). X’emozzjoni ħassejt wara li rbaħt dan it-titlu prestiġjuż?
Kien mument fejn ħassejtni kuntenta ħafna bil-karriera tiegħi f’dan l-isport però żgur mhuwiex id-destinazzjoni finali.

Kif inbidlet ħajtek f’dawn l-aħħar sentejn u kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-isport li tant tħobb – il-badminton?
F’dawn l-aħħar sentejn ħajti nqalbet ta’ taħt fuq. Il-prijorità bħalissa hija l-karriera tal-badminton. Wara kull telfa titgħallem, wara kull logħba titgħallem u jien dejjem nisħaq fuq dan il-kliem “Champion huwa dak il-plejer li rrifjuta li jaqta’ qalbu”. Titlef meta taqta’ qalbek mill-ostaklu li għandek quddiemek. Fil-proġetti għall-futur hemm ir-rebħ tat-titlu mal-klabb tiegħi Birkirkara Smart Office Supplies, għandi iktar tournaments internazzjonali fl-istaġun li ġej 2014-2015 sabiex inżid ir-ranking tiegħi fil-BWF ranking list, u forsi min jaf fi Spanja fl-2017 għal-Logħob tal-Mediterran, Badminton Malta jkun qiegħed hemm ukoll.

Tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti għal dan is-suċċess kollu li ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Iva, fil-fatt, nixtieq nirringrazzja lil kull min għeni u qiegħed jgħinni f’din it-triq sportiva tiegħi. Nibda b’missieri l-kowċ Martin Farrugia u l-familja tiegħi, il-klabb tiegħi Birkirkara Badminton Club, Badminton Malta u l-kumitat kollu li dejjem emmen fija, il-Kumitat Olimpiku Malti u l-Kunsill Malti għall-Isport li jemmnu fit-talenti li għandna aħna l-Maltin f’dan l-isport. Nirringrazzja wkoll lill-iskola fejn ngħallem Immaculate Conception għas-sapport li dejjem urewni.

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-badminton jew fi kwalunkwe sport ieħor.
Tajjeb ngħidu li f’dawn iż-żminijiet it-tfal għandhom ħafna opportunitajiet sabiex jibdew sport u jużaw il-ħin tagħhom b’mod għaqli u sodisfaċenti. Il-badminton illum il-ġurnata ssibuh fl-iskejjel kif ukoll fil-bosta klabbs li jinsabu kemm Malta kif ukoll Għawdex. Inħeġġeġ lil kull min huwa interessat u għal iktar informazzjoni sabiex jidħlu fil-paġni ta’ facebook ‘Birkirkara Badminton Club’ jew ‘Badminton Malta’ jew fuq is-siti elettroniċi www.birkirkarabadmintonclub.com jew www.badmintonmalta.org. Min jaf forsi ġo fikom hemm mistoħbi ċ-champion tal-badminton li jmiss!

 

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.