Dedikazzjoni, determinazzjoni u klassi fl-atletika

Andy Grech  – F’dawn l-aħħar snin kiseb suċċess liema bħalu kemm fuq bażi personali kif ukoll għal pajjiżna f’diversi kompetizzjonijiet internazzjonali fid-dinja tal-atletika fejn kiser numru ta’ rekords importanti

Cristian Muscat / 8 ta' Ġunju 2014 16:34
Andy Grech twieled fis-27 ta’ Marzu 1990 f’Tal-Pietà
Kif bdiet il-karriera tiegħek fl-atletika u kif kompliet tiżviluppa matul is-snin fosthom bid-diversi unuri li rnexxielek tikseb kemm personali kif ukoll għal pajjiżna?
Bdejt nitħarreġ mal-kowċ preżenti tiegħi, il-Bulgaru Jivko Jetchev, fl-aħħar sena tiegħi bhala youth athlete f’Novembru tal-2005 meta kien għad kelli 15-il sena. Kont ksirt ir-rekord tal-grupp ta’ età tiegħi fil-long jump li kien ilu ma jinkiser xejn inqas minn 30 sena. Fl-ewwel sena tiegħi bħala atleta tejjibt ir-rekord tal-juniors għal 6.35 metru u finalment għamiltu għal 7.20 metru fl-età ta’ 19-il sena. Fl-erba’ snin li għamilt bħala atleta junior, ksirt ir-rekord tat-triple jump u waqqaft rekord ta’ 14.01 metru, u jien flimkien ma’ sħabi l-atleti ksirna r-rekord tal-4x100 metru wkoll. Fl-2007, ħadt sehem fil-Festival Olimpiku Ewropew taż-Żgħażagħ waqt li fl-2008 ħadt sehem fil-Logħob tal-Commonwealth li kienu saru f’Pune, l-Indja. Id-debutt tiegħi fix-xena tal-kbar wasal f’Ċipru għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar lura fl-2009 fejn temmejt fil-ħames post fil-long jump. Fl-edizzjoni ta’ wara tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saret f’Liechtenstein, temmejt fir-raba’ post fil-long jump, u spiċċajt biex irbaħt l-ewwel midalja fix-xena tal-kbar fir-relay tal-4x100 metru fil-ġurnata ta’ wara fejn it-tim tar-relay ta’ Malta spiċċa fit-tieni post. Fl-2012 ksirt ir-rekord nazzjonali tal-kbar tat-triple jump, li qabel kien għand Rachid Chouhal. Matul is-sena li għaddiet, irbaħt żewġ midalji fil-Logħob  tal-Pajjiżi ż-Żgħar, midalja tal-bronż waqt li ksirt rekord nazzjonali fit-triple jump u rbaħt midalja tal-fidda fir-relay tal-4x100 metru. Temmejt is-sena l-oħra bi vjaġġ fir-Russja fejn hemmehkk ipparteċipajt fil-Logħbiet Dinjija tal-Universitajiet – l-Universiade.

Iżda kien hemm xi suċċessi partikolari li tibqa’ tiftakarhom iktar minn oħrajn tul il-karriera tiegħek fl-atletika?
Wieħed mill-iktar mumenti importanti fil-karriera tiegħi li jista’ ma jkunx l-iktar wieħed sabiħ iżda l-iktar wieħed li tgħallimt minnu kien waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Liechtenstein. Dan hekk kif waqt it-tellieqa tar-relay tal-4x100 metru f’Liechtenstein kont l-atleta prinċipali, u sħabi l-atleti tat-tim irnexxielhom jiksbu vantaġġ konsiderevoli fuq ir-rivali prinċipali tagħna, li kienu l-atleti Ċiprijotti. Kienet tellieqa ferm emozzjonanti għalina personali fejn iżda l-atleta Ċiprijott kien għaddieni fl-aħħar parti tat-tellieqa. Għalkemm  kont irbaħt l-ewwel midalja fil-karriera tiegħi, ħassejt li kont iddiżappuntajt lit-tim tiegħi. F’dik il-lejla qabel ma rqadt wegħedt lili nnifsi li qatt ma kont se nippermetti lili nnifsi li nħossni daqshekk imdejjaq.

"“Atleta ta’ suċċess mhuwiex biss par idejn u par saqajn b’saħħithom, imma moħħ b’saħħtu wkoll”"
Minn dejjem kienet tinterressak l-atletika jew l-imħabba tiegħek lejn dan l-isport kibbret bil-mod il-mod miegħek?
Ommi dejjem qaltli li meta kont iżgħar, l-unika ħaġa li kienet twaqqafni milli nibki kienet meta kont insegwi l-isport fuq it-televixin, partikolarment l-Olimpjadi tal-1992 li kienu saru f’Barcelona fi Spanja. Malli bdejt nikber madankollu, qatt ma kont midħla tal-atletika fejn sa meta kelli 15-il sena kont nipprattika l-ġinnastika. Iżda wara 10 snin li domt nipprattika din id-dixxiplina bdejt niddejjaq u kien wasal iż-żmien li nibda sfida ġdida f’ħajti. L-għalliem tiegħi tal-edukazzjoni fiżika Kevin Zammit, li għadni qrib tiegħu sal-ġurnata tal-lum kien beda jikkowċja kemm lil oħti kif ukoll lili f’siegħa ċans li kien ikollna bejn l-iskola u l-ġinnastika. Meta kont infurmajt lil Kevin li kont qed naħsibha biex nieqaf mill-ġinnastika, huwa nkoraġġieni biex nibda nipprattika l-atletika, partikolarment il-qabżiet. Huwa introduċieni ma’ Jivko Jetchev u l-kumplament huwa magħruf. Għalhekk tista’ tgħid li l-atletika kibret miegħi!

Atleta jitwieled b’talent naturali jew isir permezz ta’ ħidma intensiva?
Nemmen li hija xi ħaġa mit-tnejn li semmejt. Dan Gable li huwa lotattur (wrestler) u kowċ popolari Amerikan darba qal li l-midalji tad-deheb mhumiex verament magħmula mid-deheb iżda huma magħmula mill-għaraq, determinazzjoni kif ukoll materjal li huwa verament diffiċli li ssib, jismu ‘kuraġġ’. Il-kowċ tiegħi qatt ma jnessina dan il-kliem. Jien nemmen li kulħadd għandu xi xorta ta’ talent fih innifsu, mhux biss fl-isport, u hija sfida kontinwa tagħna tul il-ħajja biex nidentifikaw it-talenti ta’ ġo fina u niżviluppawhom fl-aħjar tal-ħiliet tagħna.

"“Dakinhar wegħedt lili nnifsi li qatt ma kont se nerġa’ nħossni daqshekk imdejjaq”"
Nistgħu niddeskrivu l-istaġun li għadda għalik personali bħala wieħed ta’ suċċess. Kien jidher li se jkun hekk mill-bidu tal-istaġun jew kellek tirkupra minn xi diżappunt?
Kellna pjanijiet u diversi għanijiet fil-pre-season u l-kowċ tiegħi u jien ħdimna matul is-sena kollha b’dan kollu f’moħħna. Għalkemm kollox ma’ kollox kienet sena sodisfaċenti, għadni nħares lura lejn mumenti li fuqhom seta’ kelli wirjiet aħjar. Primarjament, insemmi l-wirja diżappuntanti li kelli fil-Kampjonati Nazzjonali tal-Atletika. Jien nemmen li qatt ma jista’ jkollok staġun perfett; dejjem hemm affarijiet x’tirranġa, taħdem fuqhom u ttejjibhom. Xi wħud jinterpretaw il-filosofija tal-ħajja tiegħi bħala waħda negattiva u li qatt ma nkun kuntent bir-riżultati li nkun ksibt, iżda huwa biss permezz ta’ din il-filosofija li nista’ nevalwa, nirranġa u nerġa’ nipprova, bit-tama li ntejjeb il-livelli tiegħi fl-atletika.

Lil hinn mill-atletika, għandek xi delizzji oħra fil-ħajja?
Qabel bdejt nistudja l-Università u naħdem, kont nieħu gost inpinġi u nieħu r-ritratti. Illum l-uniċi affarijiet li npinġi huma t-taħżiżiet li nagħmel waqt li nkun imdejjaq nistudja. M’hemmx biżżejjed ħin fil-ġurnata biex nagħmel dak kollu li nħobb!

X’inhuma l-għanijiet immedjati tiegħek u dawk iktar imbiegħda?
Fis-sena ta’ bejn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, l-atleti jiddedikaw sena biex jikkonċentraw fuq it-teknika u s-saħħa. Madankollu, matul din is-sena tfajt ħarsti fuq il-logħob tal-Commonwealth fi Glasgow, l-iSkozja. Dan se jkun qed jippermetti lill-kowċ tiegħi Jivko u anki lili biex nikkonċentraw iktar fuq ippjanar tajjeb għal-logħbiet, li nipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tajbin waqt li nilħaq il-quċċata tal-kundizzjoni fiżika tiegħi fil-mument propizju.

Xi jfisser għalik li tirrappreżenta lil Malta?
Li nirrappreżenta lil Malta jfisser ħafna għalija. Kull darba li nilbes il-flokk tat-tim nazzjonali tal-atletika, dejjem nagħti l-aħjar tiegħi, fejn niġġieled bis-sħiħ għal pajjiż żgħir tagħna li tant inħobb.

"“Biex inkun onest ma tantx qed nara snin twal quddiemi fl-atletika!”"
Bħala atleta liema tħoss li huma l-aqwa abbiltajiet tiegħek?
Ikolli ngħid li l-aqwa attribut tiegħi hija l-qawwa mentali. Ħafna atleti Maltin mhumiex edukati tajjeb fuq il-livell mentali meta jkunu qed jippreparaw għal tellieqa jew avveniment importanti. Jien kont fortunat biżżejjed li kelli familja li temmen bis-sħiħ f’din il-kawża - dik li atleta ta’ suċċess mhuwiex biss par ta’ idejn jew saqajn b’saħħithom iżda moħħ b’saħħtu wkoll. Din hija xi ħaġa li rrid naħdem fuqha meta ’l quddiem nibda nikkowċja l-atletika, iżda sakemm jasal dan iż-żmien, mhux se nelabora iktar, biex ma nagħtix pariri lill-kompetituri tiegħi!

X’diffikulatjiet partikolari jsibu atleti Maltin meta kkumparati ma’ dawk barranin?
Nixtieq nibda billi ngħid li l-awtoritajiet li jieħdu ħsieb l-isport Malti jagħmlu l-mirakli bil-fondi żgħar li jiġu pprovduti lilhom. Iżda li kieku kelli nsemmi d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom aħna l-atleti Maltin, jista’ jkun li ma nieqaf qatt. Biex niġbor kollox fi ftit kliem, dan jista’ jkun in-nuqqas ta’ riżorsi li l-isport Malti jiġi pprovdut. Ippermettili ntik eżempju ta’ dak li għandi f’moħħi. Lura fl-2009 meta kont f’Ċipru wieħed mid-Diretturi tal-Kumitat Olimpiku Malti (MOC), spjegalna kif il-fondi li Ċipru kellha għall-atketika biss, kienu saħansitra jammontaw għal iktar mir-riżorsi u finanzjament li Malta għandha għall-isport kollu. Huma jużaw dawn il-fondi għal faċilitajiet aħjar, ċentri ta’ rijabilitazzjoni aħjar, tagħmir aħjar, workshpos għall-kowċis u nista’ nibqa’ għaddej. Fi kliem sempliċi, Malta għandha proġetti oħra importanti x’tiffinanzja. Hija ħasra li ħafna jinsew il-benefiċċji li l-isport jagħti lill-individwu fosthom sens ta’ appartenenza, benefiċċji relatati ma’ saħħa fosthom numru ta’ kontijiet relatati ma’ saħħa u tobba li jistgħu jiġu evitati u fuq kollox stil ta’ ħajja san. Għalkemm xi ċittadini Maltin huma konxji tal-benefiċċji tal-isport, din hija parti żgħira tal-popolazzjoni kollha.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika? U x’sagrifiċċji jkollok tagħmel biex iżżomm ruħek fl-ogħla livelli fl-atletika?
Biex inkun onest ma tantx qed nara snin twal quddiemi fl-atletika! Nixtieq ħafna li fil-futur qarib nibda naħdem fuq il-karriera professjonali tiegħi, issa li tajtha l-ġenb għal diversi snin. Il-fatt li nitħarreġ kuljum fl-4pm ma tantx iħallili ħin għal xogħol reali u stabbli. Sfortunatament l-atletika fosthom il-long jump u t-triple jump ma jipprovdux xogħol f’Malta! Madankollu li kieku saqsejtni l-istess mistoqsija sentejn ilu, kont ngħidlek li ma kontx qed nara tmiem għall-karriera tiegħi fl-atletika!

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.