Meta l-kelma toħroġ mis-sinna timla d-dinja

Carmelo Bugeja (Regen) / 11 ta' Ġunju 2014 16:38
Bħalma jaf kulħadd, l-istaġun tat-tonn issa beda, u hemm sajjieda li ħarġu għamlu sajda jew tnejn u qabdu l-kwota li kienet tathom id-dipartiment tas-sajd,. Is-sajjieda fakkruni li xi żmien ilu konna smajna li kien hemm xi tbagħbis fil-kwota tat-tonn, u kienu semmew xi nies minn Kastilja; però ma smajna xejn aktar. Din l-informazzjoni kien ħariġha Saviour Balzan. Jiena naf li jekk jgħid xi ħaġa din tkun fuq sisien sodi għax għalija li jgħid hu vanġelu, iżda xi sajjieda qaluli li mhux soltu tiegħu li jaqa’ fil-muta fuq xi każ li jkun qed jinvestiga. Wisq naħseb li hemm xi verità f’dak li kien qal, u ma jridx joħroġha biex ma jurtax xi nies f’xi dipartiment jew ieħor. Imma lis-sajjieda ngħidilhom li s’issa l-Ministru qed jgħid li mal-kwota għandha x’taqsam l-AJCAT, u Malta m’għandhiex x’taqsam. Jiena naf li l-AJCAT kull ma tagħmel hu li tagħti kwota totali lill-UE, u l-istess Ewropa tqassam din il-kwota bejn l-istati membri tagħha.
Ma noqogħdux inwaħħlu fl-AJCAT, għax mhux veru. Li hemm ħażin hu li n-negozjati li kienu saru mal-UE saru ħażin, u bħas-soltu jbati dejjem is-sajjied Malti. Meta kont segretarju tal-Kooperattiva tas-Sajd, jiena u sħabi konna nkunu hemm fil-laqgħat mal-AJCAT, u dawn dejjem qalulna li l-kwota hija f’idejn l-UE. Iżda li ġara, meta l-AJCAT tat il-kwota lill-UE, il-kwota tagħna naqset b’10% kull sena għal tliet snin. Qabel kelna 360 tunnellata, u wara li sar dan it-tnaqqis, illum ġejna li għandna 160 tunnellata, jiġifieri l-kwota ta’ Malta naqset b’60% u mhux kif qalulna b’10%. Hawn ma nistax nifhem jien; forsi xi żball matematiku? Jekk meta kompla jinvestiga, Saviour Balzan ma sab xejn, għandu jgħidilna li l-informazzjoni kienet żbaljata ħalli s-sajjieda jserrħu moħħhom li m’hemmx tbagħbis mal-ħobża ta’ kuljum tagħhom.
Lil Saviour Balzan ngħidlu li jekk ikollu bżonn xi ħaġa mingħandi, jiena lest li ngħinu, għax jekk nibqgħu sejrin hekk l-industrija tas-sajd Maltija ma tantx fadlilha ħajja. Is-sajjieda jridu jaħdmu, iżda qed isibu ħafna ostakli, kemm mill-Forzi Armati ta’ Malta u mil-landing officers. Qed jiġu ttratti ta’ kriminali kbar minn dawn l-awtoritajiet. L-UE taf li Malta kull ma fiha huwa daqs għalqa minn pajjiż ieħor fl-Ewropa. Kull ma kellna kwota kienet 360 tunnellata u minnha kienu qed jgħixu madwar 500 familja, jew l-Ewropa ma jinterresahiex minn dawn il-familji? Lil ministru tas-Sajd ngħidlu li l-pagi li qed iħallas lil Landing officers hija iktar minn li qed jaqilgħu is-sajjieda kollha f’daqqa. B’dawn il-ħafna regulamenti, sajjied ġie f’sitwazzjoni bħal dak it-tifel li qed imut bil-ġuħ, u jkollu jmur jisraq xi ħaġa biex jgħix. Hekk qed jgħamlu s-sajjieda Maltin, imorru fuq il-baħar biex jaqbdu xi ħaġa barra mill-kwota biex jgħixu, għax dak li jaqbdu bil-kwota kemm kemm iservihom għall-ispejjeż li jridu jagħmlu. Lil Ministru responsabbli mis-sajjieda nistiednu jinżel sa Marsaxlokk jara kif qed jaħdmu s-sajjieda. Dan jirriżultalu li qisu mar f’pajjiż ieħor, għax fuq l-opri tas-sajd ser isib ħafna Tuneżini, Libjani, Eġizzjani u Filippini, u sajjied Malti ma ssibx, għax it-tfal tas-sajjieda Maltin, qed jindunaw li mis-sajd ma tistax tgħix, u qed ifittxu xogħol ieħor l-art. Lil Ministru ġa stedintu darba oħra biex jiġi jara l-ambjent f’Marsaxlokk meta jispiċċa s-suq tal-Ħadd, però ma ġiex. Issa qed nistiednu biex jiġi jiltaqa’ mas-sajjieda, forsi jseħħ dak li l-politikanti dejjem jippritkawlna li jridu jkunu qrib tal-poplu.