'Jiġu mumenti nibda naħseb li din il-ġrajja ma ġratx, allura ħa nerġa' ngħannnqek;' Xahar mill-mewt ta' Miriam Pace

Nhar il-Ħadd li għadda, il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Pulizija fiex waslet l-investigazzjoni tagħha dwar dan l-inċident, bil-Pulizija tikkonferma li sitt persuni  għadhom taħt il-Police Bail

“Għadda xahar mill-ħolma kerha li għadna qed ngħixuha,” hekk kiteb fuq Facebook Carmel Pace, ir-raġel ta’ Miriam li sfat vittma intortament wara li spiċċat mirduma taħt id-dar tagħha li spiċċa terrapien f’sit ta’ kostruzzjoni.

“Jiġu mumenti nibda naħseb li din il-ġrajja ma ġratx vera, allura ħa nerġa' narak, nerġa' ngħannqek jew nerġa’ nbusek. Iżda fl-istess ħin nirrealiżża li dan il-ħsieb huwa biss xewqa li ma tistax tiġi mwettqa,” kiteb Carmel.

Miriam, kienet devota ħafna tal-Madonna u għada huwa jum id-Duluri. “Mir, għada l-festa tad-Duluri, min jaf kemm-il darba ddiskutejna fuq t-tbatijiet li kellha tgħaddi minnhom Sidtna Marija. Illum int qegħda ħdejha fil-glorja u mhux fit-tbatija, iżda aħna li għadna hawn qegħdin nbatu. Inbatu n-nuqqas tiegħek, in-nuqqas tal-bejta tagħna li tant ħdimna għaliha u li kull rokna tagħha kienet tifkira ta' dak kollu li għamilna flimkien u qed inbatu wkoll meta naħsbu kif kellha tispiċċa l-familja ideali tagħna mingħajr l-imħabba materna, u dan kollu għar-rebgħa ta' ħaddieħor,’ insista Pace.

Temm jitlob lil martu biex titlob għalihom, speċjalment għal uliedhom.

Nhar il-Ħadd li għadda, il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Pulizija fiex waslet l-investigazzjoni tagħha dwar dan l-inċident, bil-Pulizija tikkonferma li sitt persuni, inkluż il-Perit li kellu sehem ukoll mill-istess proġett u anke żewġ kuntratturi, għadhom taħt il-Police Bail.

More in Socjali