'Meta konna fl-uffiċċju tiegħu, lil Joseph kont għidtlu ...'

'Dakinhar, madwar dik il-mejda, minkejja li kont ġdid fil-Partit Laburista u ma kelli ebda pretensjonijiet u aspettattivi, kont għidt lil Muscat ‘jiena se ngħidlek ...  

Joseph Muscat u martu Michelle qabel il-ftuħ tal-Parlament fl-2017
Joseph Muscat u martu Michelle qabel il-ftuħ tal-Parlament fl-2017

Ftit snin ilu, ma niftakarx eżatt is-sena, imma żgur qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 kont bilqiegħda ma’ mejda flimkien ma’ tliet irġiel oħrajn l-età tiegħi. Fuq din il-mejda fl-uffiċċju tal-Mexxej Laburista fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ħamrun kien hemm Joseph Muscat.

Niftakar li dak iż-żmien konna bdejna d-diskussjonijiet fil-partit bħala LGBT Labour biex niffurmaw policy li titressaq għall-Konferenza Ġenerali u li twassal biex il-partit iwiegħed l-unjoni ċivili għall-elezzjoni li mbagħad kont parti minnha.

Niftakar li f’għajnejja Muscat dak iż-żmien kien qisu dan l-eroj li se jeħlisna minn dak il-madmad arroganti u konfessjonali ta’ partit li kien qed jaħseb li Malta tiegħu. Muscat kien jirrappreżenta l-ewwel affezzjoni u xogħol u kuntatt li qatt kelli ma’ partit li għal snin kont attiv u proattiv kontrih. Ħafna nies li jafuni u jafu kemm kont Nazzjonalist akkanit ma setgħux jemmnu illi kont qed nagħti sehmi fil-Partit Laburista u nattendi l-attivitajiet tiegħu. Imma bħal eluf kbar oħrajn, ħafna minnhom nies onesti, kont xbajt sal-ponta ta’ mnieħri minn Nazzjonalisti fil-Gvern u biex tgħaxxaq, donnhom biex iktar idawruk kontrihom kienu jqabbdu (jiena nemmen li iva kien hemm idejhom f’xi kitbiet tagħha!) lil Daphne Caruana Galizia biex tiftaħ il-kanuni, tattakka u tiżufjetta (meta ma kellhiex aktar xi tgħid!) kontra kull min assoċja lilu nnifsu mal-Labour.

Dakinhar, madwar dik il-mejda, minkejja li kont ġdid fil-Partit Laburista u ma kelli ebda pretensjonijiet u aspettattivi, kont għidt lil Muscat ‘jiena se ngħidlek dejjem dak li nħoss, anke jekk forsi mhux dejjem se jogħġbok’. Niftakar li dan kien bejn wieħed u ieħor l-istess sentiment li esprimejt ma’ Jason Micallef, dak iż-żmien Segretarju Ġenerali. Niftakar kien daħakli u qalli li hu hekk jixtieq.

Niftakar li f’għajnejja Muscat dak iż-żmien kien qisu dan l-eroj li se jeħlisna minn dak il-madmad arroganti u konfessjonali ta’ partit li kien qed jaħseb li Malta tiegħu

Fast forward għall-kampanja elettorali tal-2013 meta tajt is-sehem żgħir tiegħi lill-Partit Laburista. Niftakarni tlajt nitkellem waqt il-Konferenza Ġenerali fl-Ice Arena f’San Ġiljan, xi ftit eċitat imma sodisfatt li qed nagħti l-biċċa tiegħi għall-bidla. Dakinhar, niftakar ċar kristall, kien hemm Joseph Muscat u Michelle quddiem fuq il-lemin tiegħi, ħafna drabi jħarsu lejn xulxin qishom żewġ namrati għadhom jiltaqgħu. Kont għidt li parti mir-raġuni li Gonzi ma kienx għadu popolari u kien qed jiżbalja kien għaliex ‘madwaru hemm biss yes men u ċensiera li qed jinċensawh u l-istess inċens li qed jitfgħu ċ-ċensiera qed jagħmieh u mhux qed iħallih jara!’ - xi ħaġa hekk insomma. Kont qbadt il-programm elettorali, xejjirtu u għidt li dak ma kienx biss ktieb imma l-ħolm u x-xewqat ta’ poplu miktubin.

Għaddew sitt snin. F’dawn is-sitt snin inbidlu ħafna affarijiet. Mhux se niddejjaq ngħid li llum napprezza l-ġid u l-bidliet kbar li wettaq Muscat u xorta nemmen li għadu, fil-miżien politiku, għażla aħjar mill-PN.

Iżda l-iżball, inħoss, li għamel Gonzi qed jagħmlu hu wkoll. Jekk nitlaq mill-premessa li Muscat huwa ’l fuq mill-ftuħ ta’ kumpaniji fil-Panama u kwalunkwe intenzjoni korrotta, inħoss li r-riġment ta’ ċensiera, ħafna minnhom imħallsin mit-taxxi tagħna, reġgħu qed jinċensaw. U bħal Gonzi qablu, Muscat qed jibda jara ħafna inqas ċar minħabba l-inċens.

Se tgħiduli li m’hemmx ħtija! Se tgħiduli li jiena m’iniex maġistrat! Se tgħiduli li għandna nistennew l-Inkjesta Maġisterjali! U jien se nfakkrakom illi meta kien żvelat l-iskandlu taż-żejt intom, ġustament ma rraġunajtux hekk. Tlabtu, ġustament, ir-riżenja ta’ Austin Gatt

Kif iktar tista’ tispjega l-fatt li żamm miegħu żewġ persuni, imma partikolarment iċ-Chief of Staff, li l-għażla li jiftaħ kumpanija fil-Panama tefgħet lill-Gvern f’tant għawġ u inkwiet? Kif tista’ tispjega aħjar il-fatt illi Muscat baqa’ jiskuża u kien għadu qed jiskuża l-imġiba tal-istess persuna l-ġimgħa l-oħra meta għal erba’ darbiet baqa’ jiħċad li jixhed sakemm kellu jwaqqa’ libell? Kif iktar tista’ tispjega l-fatt li Muscat donnu qed jiġġustifika l-oxxenità li jisimha VGH? Kif iktar tista’ tibda tispjega l-fatt li Muscat baqa’ ċass quddiem rivelazzjonijiet gravi ta’ flejjes kbar deħlin f’17 Black żvelata bħala traget client ta’ Hearnville, il-kumpanija fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Tillgate, il-kumpanija fil-Panama ta’ Keith Schembri? U finalment,  kif aħjar tista’ tispjega l-fatt li dawn it-tnejn għadhom f’posthom sigħat wara li kien arrestat sid 17 Black?

Se tgħiduli li m’hemmx ħtija! Se tgħiduli li jiena m’iniex maġistrat! Se tgħiduli li għandna nistennew l-Inkjesta Maġisterjali! U jien se nfakkrakom illi meta kien żvelat l-iskandlu taż-żejt intom, ġustament ma rraġunajtux hekk. Tlabtu, ġustament, ir-riżenja ta’ Austin Gatt. Ikkowtajtu lill-Awditur Ġenerali jgħid li sab id-duħħan imma mhux in-nar u ġustament għidtu li ma jistax ikun hemm duħħan mingħajr nar. Ħadd ta’ rieda tajba mhu qed jippretendi li Keith Schembri jew Konrad Mizzi jkunu eżiljati. Imma ħafna qed jippretendu, ħafna votanti Laburisti wkoll, illi dawn inaddfu isimhom mill-ħmieġ u l-allegazzjonijet ta’ oxxenitajiet  li saru u għadhom isiru kontrihom.

Bħala ġurnalist issa drajt naqla’ tgħajjir daqs kemm naqla’ tifħir, jew forsi iktar! Illum qed ngħixu fi żmien fejn ġurnalista ġiet maqtula għax kixfet jew kienet se tikxef. Imma t-tgħajjir kollu tad-dinja ma jista’ qatt ibiddel dak li kont għidt lil Muscat dakinhar, fuq dik il-mejda. ‘Se nibqa’ ngħid dak li nħoss, anke jekk ma jogħġbokx’.

Fiċ-ċokon tiegħi u bil-ftit vuċi li għandi hawn lil Muscat ngħidlu dan: tħallix lill-opportunisti li qegħdin fuq il-karru tal-Gvern, biex jisolħu kemm jifilħu u jiffangaw kemm jifilħu, inaqqsulek mill-ġudizzju tajjeb li tant kellek qabel! L-għażliet li tagħmel illum se jitnaqqxu bħala l-legat tiegħek. Taf li bil-kejl tiegħek stess fl-oppożizzjoni u anke fil-Gvern ma’ ministri oħrajn missek ilek li tlabt lil dawn jieħdu l-ġenb sakemm inaddfu isimhom! Probabbilment taf li hekk sewwa u xieraq li jsir. Issa ħafna qed jistaqsu u jiddubitaw u forsi jinkwetaw wkoll. Mhux ta’ Repubblika biss. Mhux Simon Busuttil u Jason Azzopardi biss. Issa anke Laburisti onesti u ġenwini, qed jistaqsu; ‘x’inhu jiġri? X’se jiġri? Għalfejn ma neħħihomx? X’jafu fuqu li aħna ma nafux?’

Ġid sar. Tajjeb sar ħafna u enerġija kien hemm bl-addoċċ. Huwa f’idejk Muscat issa, biex tnaqqax id-destin tiegħek, tal-Moviment Laburista u tal-pajjiż.  Anke jekk għal jumejn, ġimgħa, ġimagħtejn, xahar qabel forsi jkanta vittorja ma’ Schembri u Mizzi ... basta tieħu pass u tidher li qed tieħu dak il-pass!

Albert Gauci Cunningham huwa Editur tal-gazzetta ILLUM u s-sit illum.com.mt

Iva, Malta tagħna lkoll!
Iva, Malta tagħna lkoll!

More in Politika