Dun Anġ Seychell | Kliem iva imma fatti xejn

Avolja aħna żgħar, irridu nagħmlu dmirna lejn dawn ħutna immigranti li jiġu fostna u jġibu ruħhom tajjeb

Aħna l-Maltin ilna mdorrijin b’dan il-kumment. Aħna qatt ma konna ħakkiema ta’ nies u popli oħrajn. Aħna żgħar u dejjem daret għalina l-ħuta l-kbira.

Issa qed narawh iseħħ fejn jidħlu r-refuġjati, il-klandestini, il-fqar ta’ artijiet u kontinenti oħra. Fostna għandna min ma jridx nies minn kontinenti oħra jersqu lejn xtut l-Ewropa u jġibu l-argument li min irid jgħin lil dawn li qed jersqu lejna għandu jgħinhom billi jgħinhom fl-istil ta’ ħajjithom u tal-familji tagħhom ġo pajjiżhom stess u mhux jiffullaw fil-pajjiżi tal-Ewropa.

Anke pajjiżi mseħbin fl-Unjoni Ewropea jinsabu maqsumin dwar il-politika tagħhom fejn jidħlu l-emigranti u r-refuġjati. Il-gvernijiet tagħhom mhux kollha jriduhom, xi wħud minnhom idaħħluhom biss għax jagħmlu xogħol li l-istess ċittadini ta’ pajjiżhom mhumiex jagħmlu. Anzi, kif ġara dan l-aħħar fl-Italja, il-gvernijiet populisti jeħduha kontra dawk l-għaqdiet u movimenti volontarji li

jagħtuhom servizz ta’ għajnuna, kif ġara fil-każ ta’ bastimenti li ġarrew refuġjati imma l-gvernijiet ma ħallewhomx iniżżluhom l-art.

Minn 70 għal 26

Iżda dan is-settur tal-għaqdiet volontarji għamlu reazzjoni soda. Mhux biss saħqu fuq il-jedd tagħhom li jgħinu lil min jeħtieġ l-għajnuna tagħhom imma kixfu l-qerq tal-gvern Populista. Ħarġu fil-beraħ x’għamel il-Gvern Taljan sewwa sew f’dawn il-jiem. Ir-riżorsi li kien jiffinanzja fil-pajjiżi mnejn ġejjin l-imigranti kienu ta’ 70 miljun lira. Issa niżżluhom għal 26.4 miljuni!

 Dawn huma fatti! Sabiħ il-paroli, imma l-fatti jikxfu l-gideb! Fl-Italja, it-tielet settur li jikkonsisti f’84 moviment magħrufa bħala FOCSIV, ilhom jaħdmu iżjed minn 50 sena fl-artijiet li għadhom qed jiżviluppaw.

Qed jiżviluppaw postijiet tax-xogħol għaż-żgħażagħ, is-servizzi tas-saħħa, jgħinu fl-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ fost il-familji l-iżjed fqar, jiżviluppaw proġetti li jiżguraw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali f’dawn it-territorji. Dawn il-movimenti tgħidx kemm għandhom voluntiera mseħbin li qed jagħmlu mirakli żgħar f’dawn il-pajjiżi tat-Tielet Dinja!

Fostna għandna min ma jridx nies minn kontinenti oħra jersqu lejn xtut l-Ewropa u jġibu l-argument li min irid jgħin lil dawn li qed jersqu lejna għandu jgħinhom billi jgħinhom fl-istil ta’ ħajjithom u tal-familji tagħhom ġo pajjiżhom stess

L-Enċiklika tal-Papa San Pawlu VI “Populorum Progressum” tgħidx kemm inkoraġġiet dil-ħidma ta’ żvilupp li wasslet biex diversi nisa u rġiel, żgħażagħ u mhumiex, jagħtu ħajjithom fost il-popli tal-Afrika u tal-Amerika Latina.

L-Italja kienet intrabtet mal-Ġnus Magħquda li tivvota 0.7% tan-nefqa annwali tagħha u tinvestihom fil-pajjiżi mhux żviluppati. Il-wegħda tagħha kienet waslet sa 0.3% u issa flok telgħet kompliet nieżla ’l isfel!

Flok tikber qed tonqos

Ejjew ngħinuhom f’darhom ħalli jibqgħu f’pajjiżhom. Il-fatti juru li l-għajnuna fl-artijiet li għadhom qed jiżviluppaw mhux biss mhix tikber, mhux biss qed tonqos, imma talli l-għaqdiet volontarji li jagħtuhom l-għajnuna qed ikunu sistematikament skreditati, ibda minn dawk li jagħtu servizz waqt li l-immigranti jkunu għadhom fil-baħar... saħansitra waslu biex arrestaw il-kmandanta tal-vapur Sea Watch, Carol Rackete u akkużawha li qed issalva l-ħajja ta’ tant bnedmin!

Il-gvern Populista hedded il-fiduċja tal-poplu Taljan f’kull għamla t’assoċjazzjoni voluntarja b’risq l-immigranti u r-refuġjati. Kull darba li nqala’ xi każ ta’ korruzzjoni, il-maġistratura għamlet dmirha imma l-Gvern Populista pprova jinqeda bih biex inaqqas il-fondi li jagħti lill-għaqdiet volontarji u jdgħajjef il-fiduċja fihom!

B’xorti tajba dak il-gvern immexxi minn Salvini u sħabu ħareġ tellief. Nittamaw li l-gvern li ġie warajh u li jinkludi wħud li kienu jiggvernaw miegħu, jibdel il-linja tiegħu, kif diġà beda jidher billi l-immigranti bdew jitħallew jinżlu l-art.

Id-dmir żgħir tagħna

Dawk l-individwi hawn Malta li tkellmu sabiħ dwar Salvini, iridu jifhmu li avolja aħna żgħar, irridu nagħmlu dmirna lejn dawn ħutna immigranti li jiġu fostna u jġibu ruħhom tajjeb u ma jkunux għodda ta’ min irid jistagħna billi jinqeda bihom ħalli jimla pajjiżna bid-drogi. Jidhirli li Gvern Malti qed jagħti s-sehem żgħir li jista’ jagħti u jittratta b’umiltà lil ħutna li jinsabu fil-bżonn!

Dun Ang Seychell huwa l-fundatur ta’ Dar Nazareth

More in Politika