Carmel Cacopardo | Ġustizzja klimatika: is-sehem tagħna

Naħseb li wasal iż-żmien li din li tidher li hi sensittività għall-impatti tat-tibdil fil-klima nittrasformawha f’azzjoni konkreta

Ritratt: Mary Robbinson Foundation
Ritratt: Mary Robbinson Foundation

 L-istat attwali tal-emerġenza klimatika li qed tiżviluppa madwarna hu l-effett akkumlat ta’ snin ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Kontinwament qed inżidu ma’dawn l-impatti akkumulati tant li l-proġezzjonijiet tal-Intergovernmental Panel on Climate Change(IPCC) jindikaw illi l-miri tas-Summit ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima li sar fl-2015 mhumiex ser jintlaħqu bil-kbir.

L-emissjonijiet globali tal-karbonju tant żdiedu li flok ser nillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal grad u nofs Celsius fuq it-temperatura tal-era pre-industrijali, resqin lejn żieda ta’ madwar id-doppju ta’ dan sal-aħħar tas-seklu kurrenti: ċioèżieda ta’tlietgradi Celsius. 

L-istati ż-żgħar li huma ġżejjer joqogħdu fihom iktar minn 65 miljun persuna. Ilu ż-żmien issa li dawn ġew meqjusa bħala l-iktar vulnerabbli minħabba l-impatti tat-tibdil fil-klima. Kull stat gżira qiegħed fuq quddiem nett biex ikun minn tal-ewwel biex ilaqqat dawn l-impatti, u dan minkejja li storikament, fil-parti l-kbira tagħhom dawn kienu fost l-anqas li kkontribwew għat-tibdil fil-klima.

Prinċipalment qed nirreferi għall-istati gżejjer żgħar li hemm fil-Paċifiku li ġeneralment mhumiex ’ilfuq mil-livell tal-baħar. Bħala riżultat ta’ dan il-fatt dawn ser ikunu fost tal-ewwel li jlaqqtu d-daqqa tal-għoli tal-livell tal-baħar, bla dubju wieħed mill-konsegwenzi ewlenin tat-tibdil fil-klima. 

Meta nitkellmu dwar l-għoli fil-livell tal-baħar ma nkunux qed nitkellmu b’mod teoretiku dwar il-futur. Fl-Oċean il-Paċifiku din hi r-realtà tal-lum.  

Ħarsu pereżempju lejn il-gżejjer Maldives, magħrufa għall-bajjiet ramlin bojod li ma jispiċċaw qatt u li matul l-2018 żaruhom miljun u nofs turist.  Il-Maldives huma fost l-iktar pajjiżi ċatti fid-dinja. 80%tal-art mhix iktar minn metru ’lfuq mil-livell tal-baħar.

L-ebda parti tal-gżejjer mhi iktar minn tliet metri mil-livell tal-baħar.  L-istudji li saru jindikaw li sa mis-snin ħamsin il-baħar madwar il-gżejjer Maldives għola bejn 0.8 u 1.6 ta’ millimetru fis-sena. B’din ir-rata hu stmat li sa tmiem dan is-seklu77% tal-gżejjer Maldives ikunu taħt il-livell ta’ wiċċ il-baħar. 

Flok ma noqogħdu nistennew lil ħaddieħor, f’pajjiżi oħra ’l bogħod, biex jieħdu azzjoni ħalli jonqsu l-impatti fuq il-klima wasal iż-żmien li naħsbu ftit dwar dak li nistgħu nagħmlu aħna stess u ngħaddu biex nagħmluh

Il-ġzejjer Maldives, ċentru turistiku rinomat, jistgħu jkunu’lbogħod wisq għal uħud biex jifhmu s-sinfikat ta’ dak li qed iseħħ fil-preżent. Imma hi wkoll esperjenza li mhix ser iddum ma tinfirex mal-erbat irjieħtad-dinja.

It-tibdil fil-klima jeffettwa direttament lill-komunitajiet mal-kosta kif ukoll l-infrastruttura kollha żviluppata mat-tul kollu tal-kosta. Il-gżejjer kollha, waħda wara l-oħra, ser ilaqqtuha. 

Malta mhix ser tkun xi eċċezzjoni. Il-gżejjer Maltin, bħall-gżejjer kollha, ser jintlaqtu sewwa minn dawn l-impatti klimatiċi. 

Probabbilment li din hi r-raġuni għaliex, skontEurobarometer, il-Maltin huma l-iktar imħassba fost l-Ewropej u jqisu t-tibdil fil-klima bħala materja ta’ serjetà kbira. 

Naħseb li wasal iż-żmien li din li tidher li hi sensittività għall-impatti tat-tibdil fil-klima nittrasformawha f’azzjoni konkreta. 

Nistgħu pereżempju nistabbilixxu l-mira li nnaqqsu nofs il-karozzi privati li għandna llum fit-toroq tagħna fi żmien għaxar snin? Ovvjament ma jkollniex bżonn it-toroq kollha li qed jippjanaw li jibnu kieku kellna nippruvaw inwettqu mira bħal din.

Dan jistax isir bla wisq diffikultà meta nqisu li nofs il-vjaġġi li nagħmlu bil-karozzi tagħna fil-gżejjer Maltin huma vjaġġi għal distanzi qosra (twal inqas minn ħames kilometri) u li jdumu mhux iktar minn kwarta.

Li jonqos hu ftit rieda politika. Flok ma noqogħdu nistennew lil ħaddieħor, f’pajjiżi oħra ’l bogħod, biex jieħdu azzjoni ħalli jonqsu l-impatti fuq il-klima wasal iż-żmien li naħsbu ftit dwar dak li nistgħu nagħmlu aħna stess u ngħaddu biex nagħmluh. 

Il-problema tal-gżejjer Maldives hi l-problema tagħna wkoll. Konna fost dawk li taw kontribut biex inħolqot il-problema u jeħtieġukoll il-kontribut tagħna għas-soluzzjoni tagħha. 

Din hi t-triq li twassal lejn ġustizzja klimatika.

Carmel Cacopardohu ċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika.

More in Politika