Carmel Cacopardo | Il-politika dwar il-klima

Ma nistgħux nibqgħu niġu naqgħu u nqumu mir-regoli fundamentali tan-natura u x-xjenza mingħajr imbagħad ma nerfgħu l-konsegwenzi

Extinction Rebellion’ hi waħda minn l-aħħar forom ta’ eko-attiviżmu. Stabbilita fir-Renju Unit reċentment, dan hu attiviżmu non-vjolenti bbażat fuq azzjoni diretta, intenzjonat li jikkonvinċi lill-Gvern biex jaġixxi fil-konfront tal-emerġenza klimatika u ekoloġika li qed niffaċċjaw preżentement.

It-talbiet li qed jagħmlu lill-Gvern tar-Renju Unit huma ffokati fuq il-ħtieġa li l-fatti veri jkunu magħrufa kif ukoll li jkun hemm azzjoni dwarhom mingħajr iktar tkaxkir tas-saqajn. 

Li nassiguraw li jingħadu l-fatti jfisser illi fid-dibattitu dwar il-bidla fil-klima, leħen ix-xjenza jitħalla jinstema’ b’mod ċar. Ix-xjenzati kienu ċari ħafna (kważi unanimi) huma u jenfasizzaw li l-bidla fil-klima qiegħda magħna. Ix-xjenza tgħidilna li diġà qed inħossu l-ewwel impatti tal-bidla fil-klima. Dawn jinkludu temperaturi estremi, tibdil fl-intensità u l-frekwenza tax-xita: nixfa estrema f’partijiet tad-dinja u xita intensiva u għargħar f’oħrajn.

Li jkunu magħrufa l-fatti, ifisser ukoll li nagħrfu illi r-riżorsi fid-dinja huma limitati u li t-tkabbir ekonomiku bla limitu mhux realtà li tista’ sseħħ għax ma hemmx x’jagħmel tajjeb għal dan ix-xorta ta’ tkabbir. Mhux vijabbli li f’dinja b’riżorsi limitati nimmaġinaw tkabbir ekonomiku infinit. Aħseb ftit dwar il-kwalità tal-arja u l-ilma tagħna, il-minerali f’żaqq id-dinja kif ukoll l-ispeċi rari.

Li naġixxu issa jfisser li ma nistgħux nibqgħu nkaxkru saqajna qisu mhu jiġri xejn. Il-klassi politika ma tistax tibqa’ ddur mal-lewża. Jeħtieġ bidla fil-mod kif ngħixu, mingħajr iktar dewmien. 

Jeħtieġilna niffukaw fuq politika ta’ żvilupp sostenibbli b’ħarsa fit-tul flok fuq politika li tħares lejn il-gwadann immedjat. Irridu nibdew naħsbu dwar kif ġenerazzjoni ser ittejjeb fuq dak li ħalliet il-ġenerazzjoni ta’ qabilha flok ma naħsbu dwar x’ser nilħqu nagħmlu sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Sadanittant iż-żmien għaddej. Il-frekwenza ta’ maltemp qalil qed tiżdied. L-għargħar qed iħarbat l-infrastruttura ta’ pajjiżi madwar id-dinja. Il-kwalità tal-arja sejra għall-agħar. L-ispeċi qed jisparixxu b’rata li qatt ma rajna bħalha. 

Il-livell tal-ibħra qed jogħla, bil-mod għalissa. Imma m’għandna l-ebda garanzija li dan ma jaċċellerax fiż-żmien li ġej.

Anke f’dawn il-gżejjer għandna responsabbilità li nagħtu kontribut biex tkun eradikata l-inġustizzja klimatika. Imma ż-żmien għaddej, ma jistenna lil ħadd. In-natura ma tkaxkarx saqajha biex tirritalja!

F’Pariġi, fis-Summit dwar it-tibdil fil-klima fl-2015, kien hemm qbil li għandna nagħmlu ħilitna biex nassiguraw li t-temperatura tad-dinja ma tiżdiedx b’iktar minn 1.5 gradi Celsius fuq it-temperatura pre-industrijali. Imma, wara li diversi pajjiżi ssottomettew il-miri volontarji tagħhom kif miftehem fis-Summit ta’ Pariġi, jirriżulta li sal-aħħar ta’ dan is-seklu ż-żieda fit-temperatura ser taqbeż il-mira bid-doppju, ċioè ser taqbeż it-tliet gradi Celsius. Dan jirriżulta minn rapport tal-IPPC (Intergovernmental Panel on Climate Change) li kien approvat fl-2018 u sar pubbliku fil-Korea t’Isfel. Jekk dan iseħħ, l-impatti tat-tibdil fil-klima ser jiżdiedu b’mod astronomiku.

Minkejja dan, ir-rapport tal-2018 tal-IPPC jenfasizza li xorta għadu possibli llum li nilħqu l-mira li tillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 degree Celsius. Imma biex dan iseħħ hemm ħtieġa ta’ tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet kif ukoll tibdil sostanzjali u b’ritmu mgħaġġel f’kull aspett tas-soċjetà. Dan jinkludi proċess rapidu ta’ tnaqqis ta’ dipendenza fuq il-karbonju (rapid decarbonisation).

Issa għaddew iktar minn tliet snin minn meta l-Alternattiva Demokratika ppubblikat dokument politiku dwar il-ħtieġa li f’Malta niffukaw fuq li naslu biex ninfatmu mid-dipendenza fuq il-karbonju (decarbonisation) sa mhux iktar tard mill-2050. Li nilħqu dan l-oġġettiv mhux biss jelimina d-dipendenza fuq fjuwil karboniku imma joħloq ukoll opportunitajiet ekonomiċi sinifikanti kif ukoll numru sostanzjali ta’ impiegi ambjentali fl-użu ta’ teknoliġiji ġodda. Jagħti wkoll kontribut għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll. 

Ma nistgħux nibqgħu niġu naqgħu u nqumu mir-regoli fundamentali tan-natura u x-xjenza mingħajr imbagħad ma nerfgħu l-konsegwenzi. Anke f’dawn il-gżejjer għandna responsabbilità li nagħtu kontribut biex tkun eradikata l-inġustizzja klimatika. Imma ż-żmien għaddej, ma jistenna lil ħadd. In-natura ma tkaxkarx saqajha biex tirritalja!

Carmel Cacopardo hu ċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika

More in Politika