Dun Anġ Seychell | L-ilsien li bih nitkellmu

Dun Anġ Seychell dwar l-importanza tal-Ilsien Malti

Jiġu drabi meta nħossni mweġġa’ meta xi Malti bħali joħroġ jgħid pubblikament li l-ilsien Malti ma għandux bżonnu. Inweġġa’ għax ikun qed imaqdar ħaġa li tagħmilna poplu partikolari u li aħna niġu bżonnha kuljum.

Bħalma nweġġa’ wkoll meta nsir naf li se ssir riforma fl-eżami tal-MATSEC li biha se tingħata daqqa ta’ ħarta lill-ilsien Malti. Għax jiena kburi li fiċ-ċokon tagħha Malta għandha l-ilsien tagħha stess u li huwa ħaj għax imdaħħal fl-oqsma kollha tas-soċjetà Maltija. L-ilsien Malti hu mitkellem fl-ibliet u l-irħula ta’ Malta u Għawdex u llum għandu letteratura l-ħin kollu tistagħna bil-pubblikazzjonijiet li joħorġu għall-bejgħ fil-pubbliku.

Ilsienna ħaj

Aħna l-Maltin ninsabu xxurtjati li lsienna huwa ħaj minkejja t-twegħir li għadda minnu matul iż-żminijiet, meta kien hawn min, ħabb ilsna barranin iżjed minnu u lilu maqdru bħala lsien li jintuża biss fil-kċina! Saħansitra kien hawn żmien meta anke fil-Qrati kien jintuża lsien barrani bir-riżultat li ċittadini Maltin lanqas biss kienu jifhmu x’qed jingħad lilhom u fuqhom meta jitressqu l-Qorti!

Xi snin ilu mort safra fl-Irlanda, pajjiż bħal Malta kien taħt il-ħakma tal-Ingilterra. L-Irlandiżi kellhom l-ilsien tagħhom l-Irlandiż, imma tant kienet kbira l-influwenza tal-ilsien Ingliż li l-ilsien Irlandiż lanqas biss baqa’ mitkellem lanqas fid-djar ħlief f’xi partijiet agrikoli. Anke fil-qasam reliġjuż l-Irlandiżi waslu biex qatgħu r-rabta tagħhom mal-ilsien Irlandiż, għax ħafna mill-quddisat li kien jiġu ċċelebrat fil-knejjes Kattoliċi jsiru bl-ilsien Ingliż, b’eċċezzjoni ta’ ftit quddisat f’ħinijiet partikolari.

Is-sehem tal-Knisja Maltija

Hemmhekk rajt kemm l-ilsien Malti pparagunat mal-ilsien Irlandiż huwa ħaj u parti integrali fil-ħajja ta’ kuljum tagħna l-Maltin.

Hawnhekk irrid napprezza s-sehem tal-Knisja Maltija biex l-ilsien Malti jibqa’ ħaj u l-Kotba Mqaddsa jaslu għand is-semmiegħa bl-ilsien Malti. Illum il-liturġija bil-kotba kollha li jintużaw fiha huma kollha bil-Malti, l-omeliji jew priedki jsiru bil-Malti. Għandek mill-inqas terz tal-poplu Malti li kull nhar ta’ Sibt filgħaxija jew fil-jiem tal-Ħdud, ikun ikkomunikat lilu, b’Malti mirqum, it-teżor tal-fidi Nisranija.

Jiena għadni nitpaxxa kemm hawn f’Malta u Għawdex bliet u rħula li fihom in-nies jikkomunikaw bl-ilsien Malti, anzi ħafna li għadhom jitkellmu bid-djalett tagħhom.

Jiena ngħid għalija hekk kont nitkellem ma’ tal-familja. Kont inħossni nistrieħ nitkellem bid-djalett Żejtuni, li kont nisma’ mitkellem kuljum fil-ħanut t’ommi qalb il-bejgħ tal-ħobż u tal-ħaxix u oġġetti oħra bl-imnut.

 

Ta’ Qali

Anzi llum irridu noqogħdu attenti biex l-Ingliż li huwa wkoll ilsien uffiċjali ta’ Malta ma jeħux id-dritta fuq l-ilsien Malti.

Jiena nieħu gost immur Ta’ Qali u nieħu miegħi xi residenti mid-Dar Nazareth li hi waħda mid-Djar tal-Fondazzjoni tal-persuni b’diżabilità fiż-Żejtun. Nieħu gost immur Ta’ Qali speċjalment biex napprezza l-annimali u t-tjur li hemm jgħixu hemmhekk. U napprezza ħafna l-informazzjoni li hemm mogħtija f’kull parti tal-kumpless. Imma jiddispjaċini nara li l-informazzjoni kollha tinsab mogħtija bl-Ingliż biss, qisha qiegħda biss għall-barranin li jmorru jżuru dak il-kumpless.

Għaliex dak it-tagħrif mhux qiegħed ukoll bl-ilsien Malti? Imnejn sa fejn tifel jew tifla ma tkunx tista’ taqra u tifhem bil-Malti l-ġmiel ta’ dak li hemm Ta’ Qali?

Il-ġest ta’ Dun Karm Psaila

Jiena ma ninsa qatt il-ġest sabiħ u patrijottiku li kien għamel il-Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila. Kien diġà magħruf bħala poeta fl-ilsien Taljan, imma meta deherlu li wasal iż-żmien li jbiddel ir-rotta, intefa’ b’ruħu u ġismu jikteb il-poeżiji tiegħu b’dak il-Malti sabiħ u rfinat li hemm fis-sunetti u l-poeżiji l-oħra li jiffurmaw il-ġmiel tal-letteratura Maltija. B’hekk sar jixraqlu l-ġieħ li jissejjaħ il-Poeta Nazzjonali ta’ Malta.

Għadni sal-lum nitgħaxxaq bil-ħsibijiet li hemm fil-poeżiji tal-Poeta Nazzjonali li bihom wera l-imħabba eċċezzjonali tiegħu għall-ħajja Maltija, għar-reliġjon Nisranija u għall-istorja t’art twelidna!

Dun Anġ huwa l-fundatur ta’ Dar Nazareth

More in Politika