Editorjal | Passi kbar favur il-ħarsien tal-annimali ... imma għad fadal xi jsir

... reġgħet qed tqajjem rasha, anke jekk mhux b’mod allarmanti sa issa, il-prattika tal-ġlied tal-klieb. Din hija prattika vjolenti u ta’ barbariżmu sfaċċat 

“Il-kobor ta’ nazzjon u l-progress morali tiegħu jista’ jkun iġġudikat bil-mod kif jitratta l-annimali.”

Hekk kien qal Mahatma Ghandi f’waħda mill-aktar kwotazzjonijiet popolari tiegħu minn pajjiż fejn bosta annimali huma saħansitra adurati. 

U hekk hu. F’dan il-qasam nistgħu ngħidu li mas-snin, hekk kif il-poplu sar dejjem aktar edukat u aktar sensittiv, rajna progress kbir immarkat ukoll din il-ġimgħa b’regoli ġodda kontra l-moħqrija tal-annimali. 

Huwa definittivament pass kbir ’il quddiem, dak li ħabbar is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri din il-ġimgħa, jiġifieri li żwiemel ma jistgħux jinsaqu mill-kuċċiera bejn is-1:00p.m  u l-4:00p.m fl-aktar xhur sħan tas-sajf, Lulju u Awwissu. Definittivament illi n-nuqqas ta’ din il-liġi kienet tkompli ttawwal l-agunija ta’ dawn l-annimali fis-sħana u xemx qawwija li qed ikollna fis-sajf Malti. 

Dak ta’ din il-ġimgħa fil-fatt huwa kontinwazzjoni tad-deċiżjoni ferm għaqlija favur il-projbizzjoni ta’ ċirkijiet bl-annimali. Huwa fatt magħruf illi l-annimali huma maħqura billi jinżammu ġo gaġeġ biex imbagħad ikunu jistgħu jagħtu spettaklu lin-nies, verament tustaġni kbira. 

Imma jekk passi saru, xorta għad fadal xi jsir. 

Il-Gvern għandu jagħmel phasing out ta’ ġardini kbar b’annimali eżotiċi fihom, bħal zoos. Kif għandu jwaqqaf b’mod assolut ukoll l-importazzjoni ta’ annimali eżotiċi. Annimal eżotiku, bħal xi tigra jew puma, posthom fis-selvaġġ fejn jimxu/jiġru eluf ta’ mili, jikkaċċjaw, joħolqu territorji u jkollhom it-tfal bjex ikabbru r-razza. Posthom mhux fuq xi bejt, miexi minn kantuniera għall-oħra, mogħti l-ikel minn bniedem. 

Bir-rispett kollu. Din hija moħqrija wkoll. L-annimal salvaġġ mhux xi aċċessorju li tħallih ġo vetrina. Dawn l-annimali huma kreaturi li għandhom jitħallew u jkunu ammirati fl-abitat naturali tagħhom. 

U l-istess jgħodd għal kull annimal jew mammiferu li qed jintuża għall-iskop waħdieni; ta’ divertiment għall-umani. Denfil postu, kif rajna dan l-aħħar, fil-baħar miftuħ. Hemmhekk għandu jkun ammirat, mhux fi spazju magħluq u ristrett ta’ pixxina. 

U ma nistgħux ma nsemmux ukoll il-fatt li jidher illi reġgħet qed tqajjem rasha, anke jekk mhux b’mod allarmanti sa issa, il-prattika tal-ġlied tal-klieb. Din hija prattika vjolenti u ta’ barbariżmu sfaċċat u jekk hemm postijiet fejn vera qed isir dan, il-Pulizija għandhom jieħdu azzjoni mill-ewwel u jikkastigaw bil-kbir lil min qed iġelled il-klieb.

Naturalment hemm ukoll il-prattika tal-kaċċa, prattika illi ġiet diskussa ħafna drabi u li ssir f’ħafna pajjiżi Ewropej u anke fit-Tramuntana tal-Afrika. Minkejja li l-prinċipju jibqa’ l-istess, ladarba l-kaċċa ma tistax tinqata’ għal bosta raġunijiet, primarjament politiċi, huwa importanti li jkun hemm bilanċ ġust li dejjem qed jagħti ċans lill-ħajja tifjorixxi. 

Però, kollox ma’ kollox, il-passi li għamel il-pajjiż kienu kbar f’dak li jirrigwarda l-annimali speċjalment fuq livell personali. Illum dejjem qed jiżdiedu dawk li jaraw lill-annimal domestiku tagħhom bħala parti mill-familja u dejjem qed isiru aktar voċiferi l-vuċijiet favur il-ħarsien tal-annimali. 

Dan huwa pożittiv ferm u juri li bħala soċjetà mxejna ’l quddiem fil-ħsieb u fis-sensittività, ifisser li l-ġenerazzjonijiet tal-lum qed isiru aktar ta’ kuxjenza minn ta’ qabel. 

Għad fadal xi jsir, però għamilna passi kbar. 

More in Politika