Ittri Il-punt Blogs

Ittri tal-Ħadd 7 ta' Diċembru

Miżura ġdida kontra l-faqar

11 ta' Diċembru 2014 13:23
Michael Camilleri
Birkirkara


Din is-sena għandna baġit soċjali addattat għall-pajjiż li qiegħed u jidher li se jkompli, jiżviluppa b’rata inkoraġġanti. Jippreżenta pjan ta’ titjib soċjali u fl-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tax-xogħol. Jispira inkoraġġiment fil-kummerċ u l-ekonomija nazzjonali, u jindirazza l-qagħda mwiegħra li kienet tnawwar il-finanzi tal-istat. 

M’għandix spazju nelenka l-proposti kollha. Nikkonċentra fuq dik li fl-opinjoni tiegħi hija waħda mill-aqwa miżuri b’ruħ soċjali, li qatt ma kienet introdotta minn gvern Malti. Din hija l-għotja ta’ €1,000 għal kull wild tal-familji ta’ dħul ta’ mhux aktar mill-paga minima. 

Nafu li l-livell tal-għixien ta’ familja jitjieb skont il-mezzi (dħul globali) li jkollha biex tikseb aċċess għall-progress li jikber fil-pajjiż b’riżultat tal-avvanz ekonomiku. Għalhekk din il-miżura taġevola lill-familji ta’ qrib u taħt il-linja tal-faqar, li fil-mument ma jkollhomx mezz ieħor li jżidu d-dħul tagħhom u joħorġu miż-żona tal-faqar. Dawn ma joħorġux minn dik iż-żona biż-żieda tal-COLA biss, għax din ġiet stabbilita biex tikkumpensa l-għoli tal-ħajjja u żżomm il-livell tal-għixien kif kien is-sena ta’ qabel, u mhux biex itejbu. Allura bil-COLA biss u bil-benefiċċji li jinħarġu għal kulħadd, in-nies fir-riskju tal-faqar jibqgħu f’dik iż-żona f’livell tal-għixien baxx, bl-istess distakk taħt il-kumplament tas-soċjetà. Sakemm ma jinstabx kumpens għal dan l-iżvantaġġ ta’ dawk in-nies, ma jkunx hemm progress fl-aċċess tagħhom għal sehem relattivament xieraq mit-tkabbir tal-ekonomija. 

Dan jiġri għax meta jitjieb il-livell tal-għixien ġenerali, il-linja tal-faqar togħla relattivament miegħu, waqt li ħadd mill-familji ta’ taħtha ma jitla’ ’l fuq minnha minkejja t-titjib li jieħdu bil-COLA u bil-benefiċċji komuni għal kulħadd. 

Dan in-nuqqas qed ixekkel lill-avvanz ekonomiku milli jiżviluppa fi progress verament demokratiku. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jkollna kumpens stabbilit li jgħolli l-livell tal-għixien tal-familji sfortunati ’l fuq mil-linja l-ħamra, biex il-faqar jonqos relattivament mat-tkabbir tal-ekonomija. 

L-għotja tal-€1,000 speċifika lill-familji ta’ dħul baxx fil-baġit 2015, hija miżura ideali fuq din id-direzzjoni. Jixraq li għotja ta’ dak it-tip tiġi stabbilita bħalma ġiet il-COLA u bi qbil bejn il-gvern u l-imsieħba soċjali, tinstab formola li fuqha jinħadem l-aġġustament li jkun applikat kull sena li jkollna tkabbir ekonomiku nazzjonali. 

Dan ikun l-aqwa riżultat u l-akbar progress li jista’ joħroġ minn dan il-baġit soċjali 2015. 

Tkomplux tgħaddu l-pensjonanti biż-żmien 

Joseph M Camilleri
Segretarju Onorarju tal-Alleanza ta’ Organizzazzjonijiet ta’ Pensjonanti


Nirreferi għall-editorjal tal-gazzetta ILLUM tal-Ħadd 23 ta’ Novembru, 2014 dwar il-baġit. 

Fost ħwejjeġ oħra hemm miktub li kien baġit li ħaseb fil-ħaddiema kollha, kemm dawk ta’ dħul baxx u medju u kif ukoll f’dawk l-iktar vulnerabbli fosthom il-pensjonant. 

L-Alleanza ta’ Organizzazzjonijiet ta’ Pensjonanti ma taqbilx ma’ dak li ktibt dwar il-pensjonanti għax huwa skorrett. Jidher li ma qrajtx l-aritklu li kiteb is-Sur Albert Tabone fl-istess ħarġa tal-gazzetta. Jista’ jkun li l-editorjal inkiteb qabel. 

Naqblu li hemm eluf ta’ pensjonanti li huma fil-kategorija ta’ persuni iktar vulnerabbli bħal tfal, ġenitur wieħed, ommijiet mhux miżżewġa, persuni b’diżabbiltà eċċ. Iżda b’dispjaċir l-Alleanza tinnota li filwaqt li l-miżuri tal-baġit indirizzaw il-problemi tal-kategoriji msemmija aktar ’il fuq, is-sitt talbiet li l-Alleanza pproponiet għal baġit ġew kollha injorati u mwarrba taħt it-tapit bħal ma sar fis-snin ta’ qabel. 

-     biex iġġib flimkien organizzazzjonijiet ta’ pensjonanti sabiex għalenija jkunu jistgħu jħarsu aħjar id-drittijiet u jiddefendu l-interessi tal-kategorija

-     biex tarmonizza l-attitudnijiet u l-azzjonijiet meta l-ħtieġa, fid-difiża ta’ drittijiet u interessi bħal dawn,

-     biex tikkoordina u tħaffef l-istudju u konsiderazzjoni ta’ materji ta’ interess komuni. 

Dawk il-pensjonanti li għandhom pensjoni baxxa u Pensjoni Minima Nazzjonali jridu jistennew sal-2027 sabiex itejbu l-qagħda finanzjarja tagħhom. 

Ir-raġuni u l-ugwaljanza jitolbu li l-anzjani u l-pensjonanti kellhom ikunu stmati bħal ħaddieħor. Għal din il-kategorija kif se tkun indirizzata l-problema tal-faqar u l-esklużjoni soċjali bit-58 ċenteżmu u pagament wieħed ta’ €35? Tkomplux tgħaddu l-pensjonanti biż-żmien għax meta jiġu f’sensihom tkunu tafu xi jsarrfu. Sabiex tkun indirizzata din il-problema għal ġid vera tal-pensjonanti l-Gvern kellu l-obbligu u dover sabiex ikun ġust ma’ dawk il-persuni vulnerabbli u jintroduċi l-pensjoni minima nazzjonali garantita bbażata fuq 60% tal-paga minima għal pensjonanti kollha l-istess.

Issa dak kollu li tlabna tar mar-riħ. Għal darba oħra l-membri tal-Parlament li jippontifikaw ħafna kemm għandhom għal qalbhom lill-anzjani, ġeneralment qabel xi elezzjoni, bil-fatti jagħmlu mod ieħor. 

Fiċ-ċirkostanzi l-appell tal-Alleanza hu li hemm bżonn li l-pensjonanti jibdew jaħsbu fl-interess tagħhom, jissapportjaw lil min veru jixtiqilhom il-ġid u fl-aħħar u jekk ikun hemm il-ħtieġa, jużaw l-unika arma tagħom – il-vot. 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook