Għawdex illum u għada

Ittri tal-Ħadd 16 ta' Novembru

Anton Refalo

Ministru għall-Għawdex

Qrajt b’interess l-artiklu tal-opinjonista Joe Ellis fil-ħarġa tas-26 t’Ottubru 2014 ta’ dan il-ġurnal, intitolat “Għawdex illum u għada”, li milli jidher fih bejn wieħed u ieħor il-kontenut ta’ intervent li dan l-artikolista għamel f’konvenzjoni li organizza l-PN dwar il-viżjoni t’Għawdex għas-snin li ġejjin. 

Kien ikun aħjar kieku l-artiklu ssemma “Għawdex ilbieraħ, illum u għada” billi dik is-sitwazzjoni li jinstab fiha Għawdex illum hija frott ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu – jew ma ttiħdux – tul kwart ta’ seklu t’amministrazzjoni Nazzjonalista.

U proprju l-ewwel parti tal-kontribuzzjoni ta’ Ellis turi f’liema stat tal-biki tħalla Għawdex: Prodott Gross Domestiku ras imb ras ta’ 70% ma’ dak nazzjonali; assenza kważi totali ta’ investiment barrani dirett ġdid inkluż f’oqsma bħal e-gaming u servizzi finanzjarji; qliegħ imqanżaħ min-negozju u pagi iktar baxxi għall-ħaddiema; żgħażaġh jabbandunaw lil Għawdex u jemigraw lejn Malta jew barra minn Malta. Ħwejjeġ dawn notorjament magħrufa.

Ellis jenfasizza b’mod partikolari l-fatt li filwaqt li sar investiment infrastrutturali kbir fit-toroq u fi proġetti bħaċ-Ċittadella, ma sarx investiment biex tissaħħaħ il-konnettività diġitali li hija fundamentali fl-ekonomija ta’ dawn iż-żminijiet. U hawn għandu raġun. Filwaqt li Għawdex huwa konness ma’ Malta u mal-bqija tad-dinja permezz ta’ fibre optic cable li tiflaħ għall-kummerċ kollu diġitali, billi din il-fibre optic cable m’hemmx ħliefha, l-investituri ta’ bosta mill-industriji tal-lum, li jiddependu b’mod qawwi fuq it-teknoloġija, l-anqas biss joħolmu li jiftħu f’Għawdex għax jekk għal xi raġuni din tieqaf taħdem, ikollu jieqaf l-operat tagħhom u jintilfu ħafna flus.

Fejn mar żmerċ Joe Ellis hu ma jsemmix x’qiegħed issir illum biex ikollna Għawdex aħjar illum u għada, għajr li jagħraf li l-industrija tat-turiżmu qiegħda tagħti prestazzjoni eċċellenti – anke jekk jonqos milli jgħid li dan il-qasam kien għotor sewwa taħt l-amministrazzjoni preċedenti u kien sforz diversi inizjattivi meħudin mill-Ministeru għal Għawdex li dan reġa’ rxoxta.

L-artikolista huwa kompletament żbaljat meta jpoġġi lill-amministrazzjoni preżenti fl-istess qoffa ta’ dik preċedenti fir-rigward ta’ viżjoni ċara u politika effettiva biex Għawdex jerġa’ jirpilja u jsir mutur ekonomiku vibranti u effettiv.

Fil-qasam tal-konnettività diġitali, il-Ministeru tiegħi b’kordinament mal-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni u l-Malta Enterprise lesta dokument b’ġabra tal-ħtiġijiet tekniċi u finanzjarji biex isir feasability study dwar it-tqegħid taħt il-baħar tal-fliegu ta’ bejn Malta u Għawdex tat-tieni fibre optic cable. Imbagħad il-Malta Enterprise ħarġet tender għal studju biex jitwaqqaf digital hub f’Għawdex.

Jekk fil-passat il-Malta Development Corporation ittraskurat lil Għawdex, kif jgħid l-artikolista, ċertament dan ma jistax jingħad fir-rigward tal-Malta Enterprise illum. Din mhux biss qiegħda tagħti s-sehem sħiħ tagħha għat-tqiegħid tat-tieni fibre optic cable imma talli applikat għal fondi Ewropej dwar tliet siti formanti parti miż-żona industrijali tax-Xewkija.

Kuntrarjament għal dak li jagħti lil wieħed x’jifhem l-artiklu in kwistjoni, Għawdex illum diġà beda jinfatam minn Għawdex tal-bieraħ biex isir gżira tabilħaqq mill-aqwa fil-futur.

More in Ittri