Ittri tal-Ħadd 19 t'Ottubru

L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew email [email protected]

Risposta lil Luciano Busuttil

Clyde Puli

Ippermettili nirreferi għall-intervista mad-Deputat Laburista u Chairman tal-Kunsill Malti għall-iSport (KMS) Luciano Busuttil, ippublikata fl-ILLUM tal-Ħadd 21 ta’ Settembru 2014. Anke jekk it-twettiq ta’ aktar minn 60 proġett sportiv f’60 xahar ta’ Gvern Nazzjonalista jitkellmu waħedhom, fl-intervista hemm allegazzjonijiet u insinwazzjonijiet qarrieqa li ma jistgħux jitħallew mingħajr tweġiba.

1.    L-allegazzjoni ta’ Luciano Busuttil li f’sentejn sparixxew 4 miljun ewro mill-KMS, ripetuta fit-titlu tal-intervista, hija insinwazzjoni insidjuża u bla bażi li tista’ tagħti lill-qarrej x’jifhem li għebu dawk il-flus mill-entità. Il-verità hi ferm ’il bogħod minn hekk. Fiż-żmien imsemmi, bejn l-2011 u l-2013, il-KMS kien għaddej b’investiment qawwi fl-infrastruttura sportiva u fil-klabbs sportivi ta’ pajjiżna. Ir-rizultati jitkellmu wahedhom. F’5 snin saru 43 grawnd tal-futbol, 8 outdoor gyms, kumpless sportiv f’Hal Kirkop, facilitajiet sportivii fl-iskejjel tagħna, Skola Nazzjonali tal-Sport, Anti-Doping Agency, boroz ta’ studju fl-isport, taqsima sportiva għal atleti professjonali fl-armata, u inagħtaw miljuni ta’ ewro f’assistenza lill-għaqdiet sportivi fosthom bi skemi bhal dik li tincentiva t-turizmu sportiv. Interessanti kif Luciano Busuttil jagħzel li dan l-investiment f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex ma’ jarahx jew tal-anqas ma’ jsemmiehx. L-istil tiegħu li ripetutament jinjora l-fatti huwa forsi differenti minn dak tas-segretarju parlamentari li kellu fuqu, li biex jikkumpensa għan-nuqqas kbir ta’ hidma sportiva mill-KMS immexxi minn Luciano Busuttil kien jagħzel li jinjora plakki tal-inawgurazzjoni ezistenti u jerga jinawgura progetti li jkun inawgura ta’ qablu ftit xhur qabel. Il-Youth Stop u l-Akkademja taz-Zwiemel huma biss zewg ezempji. 

2.    Il-verità hi li l-KMS għandha nuqqas kbir ta’ flus għaliex Gvern Laburista naqqsilha bil-kbir il-baġit tagħha biex topera. Gvern Laburista għażel li l-flus jonfoqhom fuq tal-qalba u mhux fuq l-isport. Dan kuntrarju għal dak li gara fl-aħħar 5 snin ta’ Gvern Nazzjonalista fejn il-baġit sportiv żdied kull sena u l-investiment sportiv żdied ukoll kull sena. Għalhekk inutli li xi ħadd joqgħod jivvinta stejjer li sparixxew il-flus. L-unika ħaġa li sparixxiet kienet ir-rieda tal-Gvern li jinvesti fl-isport.

3.    Meta Luciano Busuttil jgħid li qabel kien hemm il-ħela fl-amministrazzjoni sportiva u issa le, tagħtik l-impressjoni li għalih ħela tfisser ħaddiem bieżel fil-KMS li qabel kien impjegat f’xi Ministeru Nazzjonalista imma mhux nefqa ġdida fuq tliet deputati Laburisti biex imexxu l-isport Malti. Itik x’taħseb li hu rnexxielu jippromowi l-isport bl-istess livell għoli ta’ qabel iżda b’anqas flus meta l-fatti juru li huwa mhux iffranka iżda sempliċiment għamel anqas u xxaħħaħ fil-kwalità. Li tiffranka hija ħaġa iżda li ma tagħmilx dak li għandek tagħmel kif suppost hija ħaġa oħra. SportMalta Awards kienu serje ta’ attivitajiet li jippromwovu l-isport Malti u jonoraw l-isportivi Matin iżda l-KMS illum għażel li jħalli barra l-istess sportivi li qabel kienu jkunu parti minn din iċ-ċelebrazzjoani. Il-KMS illum jiffranka billi jixxaħħaħ ukoll mas-saħħa u s-sigurtà ta’ uliedna għaliex anke l-bibien tal-emerġenza tal-kumplessi sportivi saru jingħalqu bil-ktajjen biex forsi jiġu ffrankati xi ftit ewro minn fuq aktar mezzi oħra ta’ sigurtà. Kuntrarju għal-lum, Gvern Nazzjonalista dejjem emmen li mal-kwalità m’hemmx kompromessi.

4.    Il-gidba ta’ nies żejda li jien allegatament daħħalt lejliet l-elezzjoni ġenerali tant ġiet ripetuta mill-Partit Laburista li issa donnu se tibda titwemmen mill-istess persuni li ħarġet minn fommhom. Kulħadd jaf li taħt Gvern Nazzjonalista l-maġġoranza tal-impjegati fis-segretarjat tal-ministri kienu jiġu minn peruni li kienu diġà impjegati fis-settur pubbliku. Għaldaqstant dawn in-nies kif jispiċċaw is-servizz minn mal-Ministru jew Segretarju Parlamentari tagħhom, normalment l-għada tal-elezzjoni, jerġgħu lura fis-servizz pubbliku fejn hu posthom bi dritt. Dak kien il-każ ta’ Angelito Sciberras, l-eks kap tas-segretarjat tiegħi, u oħrajn bħalu li taw servizz kbir lil pajjiżna. Luciano Busttil u Gvern Laburista għażlu li lil dawn in-nies jikkastigawhom bla ebda raġuni billi jittrasferuhom min-naħa għall-oħra. Imma kif stqarr Luciano Busuttil stess dawk l-impjegati li hu rahom żejda u allura tahom transfer ma kinux Laburisti. Fil-fatt lil dawk żammhom u magħhom fil-KMS f’dawn is-sentejn żdiedu l-Kap tat-Taqsima Sportiva tal-istazzjon Laburista, il-mara tas-Sindku Laburista u l-qariba tal-eks Segretarju Ġenerali Laburista. 

L-intervista ppublikata fuq l-ILLUM hija ammisjoni ċara li f’sentejn ta’ Gvern Laburista ma sar xejn ġdid fl-isport Malti. L-argumenti tal-Onorevoli Luciano BusuttiIl huma biss tentattiv fqir biex tinstab skuza, anke jekk pwerili, li tiġġustifika dan ix-xejn.

More in Ittri