Ittri Il-punt Blogs

Demokrazija Nazzjonalista

minn Michael Camilleri

Birkirkara

13 t'April 2014 16:04
ll-kap il-ġdid tal-PN intgħażel mill-istess pezza ta’ dak ta’ qablu. Jinstema’ u jidher replika iżjed minfuħa biha nfisha mill-kap l-ieħor li kien jghid li “Hu l-gvern, Hu l-liġi.”

Skont il-mexxej il-ġdid, f’demokrazija l-kap tal-Oppozizzjoni għandu dritt li jikkritika lill-gvern bla ma jkun suġġett li jaqla’ kritika lura. Irid jobrom dak il-vantaġġ anti-demokratiku biex jiddefendi l-passat tal-poter Nazzjonalista, wara li l-partit tiegħu għamel 25 sena fil-gvern jifga leħen l-Oppożizzjoni Laburista, b’tattiċi fini li jduru mal-liġi bla ma jidhru jkasbru d-demokrazija.
Jidher li jrid li jkun f’liema naħa tal-kamra jkun, il-kap Nazzjonalista jkollu dritt jikkritika lill-avversarji kemm irid, bla ma ħadd ikollu dritt li jikkritika lilu lura, u bla ma qatt ikun miftuħ għall-kritika ġenerali ta’ ħadd.
Meta ggverna l-PN żamm ruħu ’l fuq mil-liġi u lil hinn mill-kritika, b’abbuż inviżibbli tal-poter amministrattiv. Issa qed jippretendi li anke meta jkun fl-oppożizzjoni, jżomm l-istess faċilità ta’ manipular anti-demokratiku. Il-kap il-ġdid nesa li sadanittant għandna gvern progressiv li jemmen fid-demokrazija vera. Qed jurina li huwa fotokopja mkabbra tal-kap ta’ qablu, li kellu pretenzjoni sopra-naturali meta ggverna b’maġġoranza parlamentari minima ta’ nofs siġġu.
Il-kap il-ġdid jidher li jrid jibqa’ jinsisti li jkollu l-istess pretenzjoni ta’ “jien il-gvern, jien il-liġi”, meta jinsab fil-qagħda umiljanti ta’ sfiduċja elettorali massiva, li ġabet fid-dubji, il-valuri u kredenzjali politiċi konservattivi tiegħu fix-xena demokratika moderna.
Ma ridtx nemmen lil widnejja meta smajt lill-kap iħabbar dik it-teorija tiegħu tad-demokrazija, li hija diskriminatorja u fundamentalment anti-demokratika. Skont it-teorija l-ġdida, naħa waħda fil-parlament ikollha dritt tikkritika lill-oħra waqt li hi tkun protetta li ma tiġix kritikata. Dan il-privileġġ jingħata lin-naħa li titmexxa b’kompetenza ta’ livell li jkun determinat u ġġudikat mill-PN f’tal-Pietà. Din il-kwalità eċċellenti ta’ meritokrazija tkun tapplika wkoll fil- ħatriet fuq bordijiet u entitajiet statali. Din tkun dejjem prerogattiva tal-PN, kemm meta jkun fil-Gvern u anke fl-Oppożizzjoni. Jiġifieri l-kap tal-PN ikun dejjem “il-gvern u l-liġi”, u s-segwaċi Nazzjonalisti jkunu gradati bħala preferuti tal-allat skont il-meritokrazija tal-partit.
Tgħid b’dawn il-pretenzjonijiet li jħassbuk, tal-PN iridu jilgħabuha tal-ħmir biex ma jħallsux dwana, jew qed ifittxu żvog biex isalvaw il-partit billi jiġbdu lura lill-partitarji akkaniti (hardliners) bħalma kien sar fis-snin tmenin bil-politika provokattiva tal-bulijiet tipo “hawn jien, suq”, tal-famuż kapo l-ieħor, meta bħal-lum il-partit kien fiż-żmien ta’ penitenza fl-Oppożizzjoni?

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook