Ittri Il-punt Blogs

Biex il-Borża ta’ Malta ma tinżammx lura

Staff Reporter / 2 ta' Frar 2014 22:05
S. Debono

Ħal Kirkop

Bl-iskema ta’ ċittadinanza għal barranin investituri, l-iskop hu li jiżdied l-investiment barrani fil-pajjiż. Fost l-oħrajn jekk fhimt sew hemm li dawk il-barranin li jingħataw passaport Malti jridu tal-inqas jinvestu €150,000 f’bonds u shares u ma jsarfuhomx qabel ma jgħaddu 5 snin. 

Issa dan id-dħul fis-suq tal-ishma u d-dejn korporattiv żgur jagħti nifs ġdid lil dan is-settur li ftit ra likwidità u ħruġ ta’ bonds u shares ta’ kumpaniji ġodda fl-aħħar snin tal-amministrazzjoni preċedenti. 

Mhux biss, talli bank li m’ilux introduċa f’Malta pjattaforma online għan-negozju fl-ishma u l-bonds għandu għax jibbenefika minn żieda ta’ klijenti barranin li jkunu nies tal-flus. Allura kif imbgħad jiġi ċ-Chairman ta’ dan l-istess Bank (Chevalier Francis J Vassallo, ex-CBM Governor, Fellow tal-Istitut tal-Bankiera u attwalment chairman Mediterranean Bank) u jikkampanja kontra din l-iskema? 

Jew is-sarima tar-regolamenti tapplika biss għall-impjegati umli fil-livelli t’isfel filwaqt li ċermen, diretturi, kapijiet eżekuttivi u viċi-kapijiet għandhom il-liberta li jagħmlu li jridu bla trażżin ta’ xejn? 

Persuni mlaħqin li l-kelma u l-għemil tagħhom żgur jorbot iżjed l-istituzzjoni li fiha jkunu f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija, minn sempliċi impjegat f’grad mhux maniġerjali li għandu xi delizzju jew opinjoni li jixtieq ukoll jikkampanja għaliha bla xkiel, bla twissijiet u penali mill-post fejn hu impjegat.

Wara kollox fid-dinja m’hawn xejn b’xejn. Anke biex wieħed isir kavallier irid jew ikun għamel xi att erojku, jew kien strumentali biex tingħata xi benefiċenza. 

Sewwa jgħid il-qawl: dawk li jgħixu f’binjiet tal-ħġieġ (suppost mhux imtappan) aħjar ma’ jixħtux ċagħaq. 

U l-MFSA muta fuq stqarrijiet u indħil bħal dan minn uffiċċjali kbar ta’ kumpaniji li hi vetjat. Jew tagħmilha ta’ bully maż-żgħar u ta’ beżżiegħa mal-imlaħqin li qed imexxu kampanja kontra l-attirar ta’ iżjed investiment barrani?

 

Oppożizzjoni li sservi ta’ forċina barranija

Michael Camilleri

Birkirkara

Min propjament u effettivament jiggverna f’Malta? Il-Gvern Malti elett mill-maġġoranza tal-poplu, jew il-Parlament Ewropew, fejn għandna sitt rappreżentanti mit-total ta’ 750 ta’ stati oħra tal-UE?

Jekk aħna stat sovran irridu tmexxija mill-gvern elett mil-Maltin, mingħajr indħil barrani. Fil-każ li l-atti u miżuri tal-gvern tagħna saru suġġetti għal deċiżjonijiet tal-UE, tlifna s-sovranità u ġejna nitmexxew skond il-politika li tagħżel il-maġġoranza konservattiva tal-popli Ewropej.

Dawn il-mistoqsijiet tqajmu wara li ż-żewġ MEPs tal-PN ressqu mozzjoni fil-Parlament Ewropew kontra l-iskema taċ-ċittadinanza b’ investiment tal-gvern Malti, li kienet diġà approvata mill-Parlament f’Malta, u maqbula wkoll fl-MCESD.

Ma nidħolx fil-kontroversja li qamet fil-PE u fir-riżultat li nkiseb minnha. Peress li l-vot tal-Parlament ma jorbotx lill-gvern Malti, tqum il-mistoqsija iżjed sinjifikanti dwar l-intenzjoni Nazzjonalista wara dik il-mozzjoni. 

Għalfejn ressquha tal-PN, la jafu li l-PE m’għandux kompetenza li jdawwar deċiżjoni tal-gvern Malti?

Forsi biex jieħdu raġun mill-maġġoranza konservattiva bħalhom fil-PE, biex itaffu l-umiljazzjoni tal-minoranza nazzjonalista fil-parlament Malti? Jew biex jagħtu mpressjoni internazzjonali kerha tal-Gvern laburista, li tkun tista tostakola l-iskema li ġġib dħul qawwi ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ ewro li jissarfu f’ġid nazzjonali li jikkundanna lill-PN għal aktar snin fl-oppożizzjoni?

Ftit ilu l-kap tal-PN kien appella wkoll lill-Unjoni Ewropea biex tinvestiga lill-gvem Malti għax, skont il-PN, ħalla klandestini jegħrqu bi ksur tar-regoli nternazzjonali. Anke jekk nassumu li dan kien veru, għaliex il-PN qabez lil-awtoritajiet Maltin u mar b’akkuża bħal dik barra xtutna, jekk mhux biex iħammeġ lill-gvern u jiżra dubji kontra l-armata ta’ Malta?

Din l-inklinazzjoni anti-Malta mit-tmexxija nazzjonalista tkompli tikkonferma l-attitudni tal-kap tal-Oppozizzjoni li, f każi oħra ta' portata nazzjonali kien iddefenda fil-PE id-dritt tad-deċiżjoni sovrana ndividwali tal-gvernijiet tal-Ungerija u l-ltalja, waqt li issa kien hu stess li oriġina l-akkuża kontra pajjiżu.

Ngħid li l-minoranza demokratikament limitata fil-parlament Malti qegħda tiddisprezza s-sovranità tagħna billi tirrikorri għal din il-forċina ta’ Brussell, biex bil-maġġoranza ta’ nteressi barranin fil-PE tipprova tifga il-kuxjenza soċjali tal-gvern. Fl-istess ħin qed tieħu vantaġġ li jtaffi xi ftit mil-problemi politici u elettorali tal-PN.

 

Ġurnaliżmu tal-ħabba gozz

Edward Torpiano

Il-Furjana

Nixtieq ngħaddi kumment dwar il-kontroversja li tfaċċat dwar l-attività Isle of MTV, polemika li ddominat sezzjoni oħra tal-istampa.

Biss biss kien hemm erba’ artikli fuq it-Times of Malta mit-2 ta’ Jannar sal-11 ta’ Jannar. F’dawn ir-rapporti stampati, spikka l-fatt li l-viċi-sindku tal-Floriana Matthew Paris baqa’ jsostni li hu qatt m’hedded li mhux se jingħata permess minn naħa tal-Kunsill Lokali għal din l-attività nazzjonali biex din ma ssirx f’Ġunju li ġej. Dan wara li l-ewwel artiklu ‘Floriana threatens no Isle of MTV after New Year flop’ kien jgħid mod ieħor.

Il-ġurnalist dejjem baqà jsostni li dan kien il-kliem eżatt li kien intqal lilu waqt l-intervista mal-Viċi-Sindku Furjaniż.

Hawnhekk wieħed jista’ jsemmi li waqt din il-polemika, il-viċi-sindku Furjaniż aċċetta l-istedina li saritlu minn Frank Psaila biex jitkellem dwar dan fil-programm ‘Iswed fuq l-Abjad’ fuq NET TV fl-24 ta’ Jannar. B’daqshekk żgur li m’għamel xejn ħażin. 

Iżda wieħed jistaqsi lil Frank Psaila x’setgħet kienet ir-raġuni li n-naħa l-oħra f’dan l-argument, jiġifieri l-ġurnalist, qatt ma ġie mistieden matul l-istess programm biex isemma l-verżjoni tiegħu. 

Wieħed irid ifakkar li matul l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, l-istess Frank Psaila kien jokkupa l-kariga ta’ Direttur Informazzjoni tal-PN u ħadd ma jrid jinsa li f’Mejju 2013 ħareġ ir-rapport tat-telfa.

F’dan l-istess rapport hemm miktub li kandidati Nazzjonalisti għall-Elezzjoni “ħassew li ma ngħatawx opportunità daqs kandidati oħrajn biex iwasslu l-messaġġ tagħhom fuq il-media tal-partit.”

Hekk ikun l-abbuż ta’ poter u hekk ikun il-ġurnaliżmu tal-ħabba gozz.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook