Ittri Il-punt Blogs

Ittri - 27 ta' April 2014

27 t'April 2014 15:35
Kwistjoni Elettorali Ewlenija

Michael Camilleri 

Birkirkara 

Fl-ewwel sena bir-riedni tal-pajjiż f’idejh, il-gvern Laburista jidher li qed jirnexxilu jkabbar l-ekonomija, isaħħaħ xi servizzi statali u jtejjeb il-welfare state, bla ma għamel taxxi u bla ma żied id-dejn nazzjonali.

Din kienet preċiżament il-proposta elettorali ewlenija tal-PL ta’ Marzu 2013, li kienet ibbażata fuq il-kwistjoni ċentrali tar-riforma fis-sistema tal-enerġija biex jitraħħsu l-kontijiet esaġerati tal-elettriku li kienu qed ixekklu l-ekonomija.

Il-PN ma kienx jaqbel mal-proposta tar-riforma tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, tant li għamilha l-kwistjoni ewlenija tal-kampanja elettorali. Kien jgħid li hija ‘gimmick tal-millenju’, u jisħaq li b’tibdil bħal dak il-PL kien idaħħal lil Malta fil-ħajt. Għalhekk ir-riżultat tal-ħidma tal-gvern tal-PL fuq dik ir-riforma, se jkun strumentali biex il-poplu jkejjel il-kredenzjali soċjo-ekonimiċi u l-viżjoni politika taż-żewġ partiti.

Għal din ir-raġuni kruċjali, il-gvern ħadem bla heda biex fi ftit xhur mexxa kif imwiegħed, il-pjan tar-riforma u roħs tal-enerġija, waqt li l-oppożizzjoni għamlet minn kollox biex tostakola l-proċess u tittardja kemm tista’ t-twettiq tal-wegħdi.

Bi ftehim mal-gvern Ċiniż, il-gvern Laburista Malti salva lill-Enemalta mill-falliment u qed jiggarantixxi roħs ta’ ’l fuq minn 25% fil-kontijiet tad-dawl għall-konsumaturi. Qiegħed ukoll isostni l-bidla tas-sistema tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-HFO għall-gass. Dan ikkonferma r-reputazzjoni tal-PL li jżomm kelmtu u jkabbar il-popolarità tiegħu f’kull strata soċjali.

Mill-banda l-oħra qiegħda tintilef il-kredibbiltà tal-oppożizzjoni. Allura din qed topponi u turi li ma taqbilx mal-investiment Ċiniż fl-Enemalta, avolja dan sar biex itaffi d-dejn ta’ kważi biljun Ewro li ħalla l-gvern Nazzjonalista. Qiegħda toġġezzjona u tagħmel plejtu fuq periklu tremend li timmaġina li jista’ jinħoloq mill-vapur mimli bil-gass, li jkun ankrat fil-port ta’ Marsaxlokk biex jissuplixxi lill-power station il-ġdida.

L-Oppożizzjoni tinsisti li dan jagħti lok għal diżastru ta’ splużjoni qawwija u fatali daqs ta’ 50 bomba nukleari f’daqqa. Infatti l-MEPs tal-PN qed jaħdmu biex titressaq petizzjoni kontra dan il-proġett fil-Parlament Ewropew, minkejja li l-maġġoranza l-kbira tas-sajjieda u residenti ta’ Marsaxlokk infushom huma favur il-proġett, għax ma jemmnux lill-PN bit-twerwir esaġerat tal-isplużjoni katastrofika.

Daqstant tal-PN huma ’l bogħod mill-ħajja attwali taċ-ċittadini, u ma jridux jisimgħu l-aspetattivi tagħhom. Għalhekk din hija l-aqwa kwistjoni li tikxef dik id-dgħufija Nazzjonalista, u turi bl-iżjed mod ċar is-sodisfazzjon tan-nies bit-traħħis tal-kontijiet tal-enerġija, u tikkonferma l-konsistenza tal-gvern Laburista li jwettaq kull ma jwiegħed.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook