Ittri Il-punt Blogs

Ittri mill-Ħadd 11 ta' Mejju 2014

11 ta' Mejju 2014 13:50
Korp tal-Pulizija żarmat

Carmelo Bugeja

Viċi Sindku

Marsaxlokk

Dawn l-aħħar ġranet iltqajt ma’ ħafna kunsilliera jilmentaw li l-għases tal-Pulizija ta’ raħalhom dejjem magħluqin, u pulizija ma ssib imkien. Dan l-ilment joqgħod għal Marsaxlokk ukoll. L-Għassa tal-Pulizija qatt ma tinfetaħ, u l-Ħadd, ikollna monti kbir, b’nofs il-popolazzjoni ta’ Malta f’Marsaxlokk, u Pulizija ma tara mkien. Sajjieda jilmentaw mis-serq sfrenat mid-dgħajjes tagħhom u l-anqas rapport ma jistgħu jagħmlu, għax Pulizija ma ssibx. Dawn l-ilmenti ma kontx qed nemminhom sa barra, għax naf li kull meta nħares barra mit-tieqa tal-Kunsill nara xi karozza tal-Pulizija jew xi landrover tas-suldati sejrin lejn Delimara. Meta staqsejt sirt naf li dawn kienu kollha Pulizija li jmorru jduru għall-kaċċaturi. Issorprendejt ruħi, għax ftit tal-ġranet ilu jiena ktibt ittra dwar il-ħmieġ u l-ħerba li qed iħallu tal-pikniks ġo Delimara, iżda għalkemm hemm dawn il-pulizija kollha jduru f’dawn l-inħawi l-ħerba li kienu qed iħallu qabel xorta hemm baqgħet. Allura dawn il-pulizija mhu qed jagħmlu xejn ħlief jiġru wara l-kaċċaturi u n-nassaba qishom xi kriminali kbar? Il-Ministru nkarigat mill-Korp tal-Pulizija, għandu idea kemm qed jiswa dan l-eżerċizzju? Li qed iħalli liċ-ċittadini kollha mċaħħda mill-għajnuna tal-Pulizija fl-għases. Jiena ma naqbilx ma’ dan l-eżerċizzju għax f’Marsaxlokk dan in-nuqqas qed jinħass ħafna. Ma nsemmix biss is-serq li qed ikun hawn, iżda ninkludi l-parkeġġ diżorganizzat b’mod specjali nhar ta’ Ħadd waqt il-monti.

L-awtoritajiet ma nagħtihomx tort sa barra li jagħmlu enfasi fuq dan l-eżerċizzju, għax il-pressjoni li qed issir fuqhom minn dawn il-ħafna għaqdiet li jsejħu lilhom infushom ambjentalisti li qed jinħolqu minn wara l-elezzjoni ’l hawn hija kbira wisq u qed toħloq tfixkil kbir lill-Gvern. Naturalment, kulħadd jifhimha din, li l-iskop huwa li jinħoloq it-tgergir. Bħalissa hawn għadab kbir u rabja fost il-kaċċaturi fuq din il-pressjoni żejda, tant li ħafna jgħidu li mhux beħsiebhom joħorġu jivvutaw għall-elezzjoni tal-Ewropa.

Din il-pressjoni li qed issir fuq il-kaċċaturi qed tnessihom, li min kien daħħalna fl-Unjoni Ewropea, kien weigħed lil kaċċaturi li d-delizzju tagħhom ma kienx ser jitmess, u li kien garantit u protett. Però minn dan qatt ma sar xejn, anzi qed isir il-kuntrarju. Iżda dan l-aħħar qrajt artiklu f’din il-gazzetta, li l-Perit Clint Camilleri t’Għawdex; li huwa kandidat għal elezzjoni tal-Ewropa, wiegħed lill-kaċċaturi li kien se jipprova jagħmel minn kollox biex jgħinhom. Dan qed juri xaqq ta’ dawl fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Allura x’qed iżomm lil Gvern tagħna li jfittex dan ix-xaqq ta’ dawl, u qed jissottometti ruħu għal pressjoni li qed jagħmlu dawn it-taparsi għaqdiet. Dawn skop wieħed biss għandhom, li jġiegħlu lil Gvern Laburista jagħmel ix-xogħol maħmuġ, u jeqred id-delizzju tal-kaċċa minn pajjiżna, u jiġi jidher ikrah hu mal-kaċċaturi; u l-Partit Nazzjonalista jsib is-sodda mifruxa u lesta u joħroġ nadif minn din is-sitwazzjoni li ġab hu stess fuq il-kaċċaturi.

Jien nappella lill-kaċċaturi li qed jgħidu li mhux ser jivvutaw, li issa li ninsabu parti mill-Unjoni Ewropea, għandhom jagħtu sehemhom biex itellgħu lil xi ħadd kapaċi li jmur l-Ewropa jfittex dan ix-xaqq ta’ dawl għalihom. Bil-għan li nissalvagwardjaw id-delizzju tal-kaċċa u l-insib f’pajjiżna bħalma ġa hemm fil-pajjiżi l-oħra kollha tal-Ewropa. 

B’hekk nuru li l-kaċċaturi u n-nassaba huma daqs dawk li qed jilbsu l-libsa t’ambjentalisti.

Jiena nappella lil Gvern li dawn il-Pulizija li qed jintużaw f’dawn l-eżerċizzji, jkunu aktar utli li jagħmlu xogħolhom sewwa għaċ-ċittadin biex irażżnu l-kriminalità li qed dejjem tikber f’pajjiżna, għax il-kaċċaturi u nassaba mhumiex kriminali jew razzisti. Il-Pulizija għandhom ħafna xogħol ieħor x’jgħamlu għaċ-ċittadini. Jekk il-Partit Laburista qed jaħseb li dawn it-taparsi ambjentalisti xi darba se jivvutaw għalih, għandu jinsiha darba għal dejjem, għax żgur li lanqas biss se jlissnu kelma waħda favur il-Partit Laburista.

 

 

Ma kontx se nivvota, issa se nivvota

Joseph Borg 

ID. 650059(M)

Jiena fost dawk li qegħdin jgħidu li mhux se jivvutaw fil-jum tal-24 ta’ Mejju, il-jum tal-elezzjoni tal-Membri Parmamentari Ewropej, jiena wkoll sa ftit jiem ilu hekk kont qiegħed ngħid. Ridt nagħti messaġġ li dak l-istess Gvern li ftit iktar minn sena ilu ħdimt bi sħiħ biex ikun elett. Ili għal iktar minn 35 sena tesserat fil-Partit Laburista. Servejt f’diversi karigi daqqa b’mod volontarju u daqqa b’impenn sħiħ f’xi Ministeru. Dan għamiltu sa mill-bidu meta kelli biss 16-il sena u kont diġà segretarju fil-Kumitat tal-Brigata tal-Birgu. 

Ħdimt ma’ ħafna mexxejja u f’din il-35 sena ta’ ħidma fil-partit għixt ukoll il-ħidma, effettiva, attiva, progressiva, dedikata, sensittiva u għaqlija tal-brava li llum tinsab tagħmel unur lill-pajjiżna bħala Presidenta ta’ Malta, l-Eċċellenza tagħha s-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca li minn hawn nawguralha u nirringrazzjaha tal-fiduċja li dejjem uriet fija.

Wara dawn il-35 sena attiv b’mod effettiv f’dan il-Partit u Moviment Laburista, illum il-ġurnata nħossni ħuta barra mill-ilma. Minn ġie lbieraħ fil-partit jew inkella lanqas kien għadu twieled meta jien kont fi ħdan il-partit nimmilita fis-sebgħinijiet u tmenijiet, żminijiet xejn faċli għall-PL, dawn it-talin lanqas biss kienu għadhom telqu jimxu jew iktar minn hekk twieldu. Iva llum il-ġurnata minkejja l-karba tiegħi biex ningħata l-opportunità li nservi lill-partit tiegħi fil-Gvern, kull bieb li ħabbatt ingħalaq. Illum inħossni barrani għal dan il-Gvern li ġej minn partit li jien tant ħdimt għalih biex narah fil-Gvern. Iva jekk għal Dr. Alfred Sant l-għajta tiegħu kienet dejjem ħadd mhu għar-rimi. Iva llum il-ġurnata nħossni mormi. Outsider. Ħadd ma jafek.

Iżda minkejja dawn il-weġgħat, minkejja dan ir-rimors, quddiemi hemm l-interess ta’ pajjiżi. Kif nista’ jien nara mexxej tant impenjattiv li jeġevola lil kull familja u kull ġenerazzjoni, lil dan il-mexxej li b’ruħ sensittiva qiegħed jaħdem bi sħiħ biex jeqred il-faqar minn wiċċ din l-art, kif nista’ nibqa’ passiv u bil-vot tiegħi nagħti gambetta l-ħidma impenjattiva ta’ Dr. Joseph Muscat billi nnaqqaslu s-saħħa parlamentari Ewropea li tant f’dan il-mument pajjiżna għandu bżonn? Astensjoni mill-vot tagħna jista’ jfisser tfixkil lill-Gvern ta’ pajjiżna, tfixkil li jista’ jirriżulta b’possibbiltà kbira ta’ tfixkil u telf ta’ flus bil-politika qarrieqa tal-PN fl-Ewropa. Aħna vvutajna bi ħġarna sabiex inġibu bidla tat-tmexxija f’pajjiżna. Din il-bidla ġibniha u qiegħed naraw id-differenza bejn il-Gvern li għadna llum, Gvern b’ħidma pożittiva li b’enerġija sħiħa u effettiva qiegħed jkollha riżultat pożittiv fuq ieħor kontra l-Gvern preċidenti li bih ma rajniex ħlief telqa, korruzzjoni, fallimenti u qtiegħ ta’ qalb.

Quddiem stampa ikbar x’inhu importanti jien jew pajjiżi? Jien jew il-futur tiegħi? Jien jew il-futur ta’ wliedi? Jien u xewqa tiegħi li nservi lil dan il-Gvern bħal kull opportunità oħra li ngħatatli qabel, l-ewwel li jiġi pajjiżi, għaliex fl-interess ta’ pajjiżi hemm mhux biss it-tmexxija ta’ dan il-Gvern, li tista’ tiġi mfixkla fil-ħidma tagħha b’riżq pajjiżna, imma wkoll il-futur tiegħi u ta’ kull ġenerazzjoni futura. Jiena bi ħġari flimkien ma’ 36,000 oħra vvutajna biex mhux biss inwarrbu lil PN imma wkoll indgħajfuh. Tlifna kull fiduċja fih. Jekk ma nivvutax inkun qiegħed nirriskja li nerġa’ ntih is-saħħa biex jagħmel ħsara lil Gvern Laburista u dan ifisser ħsara lil kull famija f’Malta u f’Għawdex. Ftakart x’għamlu dawn ftit ġimgħat ilu meta minkejja li ma għandhomx il-maġġoranza fil-każ taċ-ċittadinanza ħammġu pajjiżna. Aħseb u ara kemm iħammġu pajjiżna u jfixklu lill-Gvern jekk ma noħorġux nivvutaw u jiksbu maġġoranza jew iktar saħħa fil-Parlament Ewropew għaliex jien inkun saħħaħthom bin-nuqqas tad-dmir tiegħi li nivvota. Jekk nagħmel dan inkun kontradittorju. Għaliex filwaqt li sena ilu warrabt mill-Gvern il-PN għax tlift kull fiduċja fih, wara sena nsaħħu billi ndgħajjef li Gvern Laburista u ma noħroġx nivvota. Il-vot għal-Parlament Ewropew huwa importanti daqs il-vot f’elezzjoni ġenerali, it-tnejn ifissru futur. It-tnejn ifissru bidla, it-tnejn ifissru fiduċja tat-tmexxija, it-tnejn ifissru politika ta’ futur. 

Jien għidt li għandi fiduċja fil-Prim Ministru. Fiduċja li kif diġà għidt bnejtha permezz tal-konsistenza kontinwa li dejjem rajt fih. Ma kien hemm l-ebda mument li wiegħed xi ħaġa u ma wettaqhiex kemm fuq livell ta’ partit kif ukoll illum il-ġurnata fuq livell nazzjonali. Qiegħed ngħid dan għaliex waħda mir-raġunijiet li sejjer iwassalni wkoll li nivvota mad-diversi raġunijiet li semmejt hawnhekk iktar kmieni, hija l-fatt li hu stess mhux biss wera li jaf li hemm ħafna li għadhom milquta personalment fuq każijiet individwali, imma wiegħed li se jkompli jimpenja ruħu ħalli kull każ ta’ kull individwu bieb bieb jinstema’ u jkun solvut fl-aħjar interess. Joseph Muscat dak li wiegħed jagħmlu. U la qal hekk, hekk isir. 

Pajjiżna għandu bżonn il-flus tal-Ewropa, l-Ewropa għandha bżonn bidla fit-tmexxija u fil-politika tagħha. Irridu nsaħħu lil Gvern Laburista anke fil-parlament Ewropew ħalli niksbu sehem akbar li jġib aktar ġid għal pajjiżna. 

Fl-24 ta’ Mejju jien se noħroġ nivvota. Irrid li l-Gvern Laburista fuq quddiem nett u għalhekk dmirna hu li nsaħħuh. B’qawwa ikbar fil-Parlament Ewropew b’garanzija ta’ maġġoranza u b’Dr. Joseph Muscat inkomplu jkollna futur fis-sod żgur. 

Ħajr kbir lejkom.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook