Qed niffriżaw...jew qed ngħaġġbuha?

Chris Fearne iwissi dwar it-temperaturi baxxi, u Joseph Calleja jgħid li qed ngħaġġbuha

x'kesħa qed tagħmel... qed niffriża !
x'kesħa qed tagħmel... qed niffriża !

Hekk kif it-temperaturi f'Malta din il-ġimgħa niżlu għal livelli aktar baxxi mill-medja aċċettabbli għall-maġġoranza tal-poplu, ħafna huma dawk li mhumiex jissaportu l-bard u jħossu li jilbsu kemm jilbsu ħwejjeġ, il-bard qishu ma jista' jittaffa b'xejn.

Kienu ħafna li qasmu s-sentiment tagħhom fuq il-media soċjali, dwar kemm qed iħossu bard, kemm qed jiffriżaw u kemm jixitiequ li s-sajf jerġa' jiġi lura fostna mill-aktar fis possibbli.

Fuq nota aktar serja, kien il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne stess li fuq il-paġna ta' Twitter tiegħu ħabbar li minħabba l-kesħa, il-ħaddiema fl-isptar Mater Dei raw żieda fix-xogħol hekk kif il-kesħa affetwat ħafna nies, speċjalment l-anzjani. 

Aktar kmieni lbieraħ, il-Ministru Fearne stess, ippubblika wkoll twissija dwar il-kesħa, speċjalment għall-anzjani, it-trabi u dawk li joqgħodu weħidhom, u wissa biex jinxtorbu xarbiet sħan, tinżamm it-temperatura sħuna fid-djar u kemm jista' jkun, wieħed iżomm ruħu attiv.

It-tenur Malti ta' fama internazzjonali, Joseph Calleja, ħalla kumment fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook fejn b'mod umoristiku huwa talab lill-Maltin jieqfu jeżaġeraw fuq l-ammont ta' kesħa li qed tagħmel Malta, għaliex barra minn Malta, in-nies qed isaqsuh kemm il-pulzier ta' borra għamlet s'issa.

B'reazzjoni għall-kumment ta' Calleja, fost ir-risposti li nkitbulu fuq l-istess paġna Facebook tiegħu, bosta kienu spjegazzjoni dwar kif Malta l-bard jinħass aktar minn postijiet oħra madwar id-dinja minħabba t-tip ta' djar tagħna, li mhumiex mibnijin biex jifilħu għall-kesħa u li mhumiex mgħammra b'sistemi adegwati biex jissaħnu.

Kienu ħafna li qalu li ġewwa, ġieli jinħass aktar bard minn barra, u segwaċi Żvediża ta' Calleja saħansitra kitbiltu li bejn Malta u l-Iżvezja, tħoss ħafna aktar bard meta tkun f'pajjiżna.

More in Il-punt