L-Arċisqof jibża’ mill-kaċċaturi

Il Bużu ma jaħrablu xejn - ir-rubrika ta' John Busuttil...

Kont drajt li fuq Facebook noqgħod naqra l-kliem ta’ mħabba li l-Laburisti kienu jindirizzaw lejn l-Arċisqof Charles Scicluna wara li dan isaffar (tweet) xi waħda minn tiegħu kontra xi deċiżjoni li ma ddoqx għal widnejh mill-gvern preżenti. Miskin kulħadd jaqlagħlu meta dan l-interess tiegħu hu li jgħin lill-poplu Malti u ma jħallihx jiġi ngannat. U l-kelma eċċelenza inbidlet f’diversi aġġettivi li żgur ma jixirqux inniżżluhom hawn (bott tal-bovril eċċ). U bħalma jiġri fil-każ ta’ Xarabank, kulħadd jikteb kontrih, kulħadd jikkritikah u kulħadd jaqrah. Ngħid għalija, sirt addict għal dak it-tweet tiegħu, iżda f’daqqa waħda ma smajtux isaffar iżjed, lanqas wara l-baġit. U bħala ġurnalist investigattiv ridt nara xi ġralu u naħseb li sibt ir-raġuni. Billi bħalissa hawn l-istaġun tal-kaċċa u qed jisparaw fuq kull tisfira li jisimgħu speċjalment tat-tajr protett, ħass li aħjar ma jsaffarx iżjed għax bħala tajra protetta, ikun fil-periklu li xi ħadd iniżżlu minn hemm (bħalma tniżżel l-Arċisqof Cremona) u allura għalaq ħalqu u ma saffarx iżjed. U min ħaseb li ma saffarx għax kien baġit tajjeb għarralu, għax l-Arċisqof ma saffarx għax jibża’ mill-kaċċaturi u mhux għax kien baġit tajjeb u ma jridx jgħolli lil Joseph għax l-Arċisqof hu Tagħna Lkoll.

------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------

U taf min hu beżżul bħalu? Il-Ministru Joe Mizzi li kulma jinqala’, kollox tort tiegħu...tgħereq il-coast road.... it-tort ta’ Joe Mizzi. Jiġammja t-traffiku...tort ta’ Joe Mizzi. Tagħmel ix-xita...tort ta’ Joe Mizzi. Ma tagħmilx xita...tort ta’ Joe Mizzi. Tmur tintervistah il-ġurnalista tagħna u jaħsibha mara oħra....tort ta’ Joe Mizzi. Waqt li qed jiġi intervistat mill-ġurnalista tagħna, is-segretarjat tiegħu iċempel lill-editur Albert Gauci Cunningham li l-ġurnalista ma tfaċċatx. Dan wara li ħaseb li l-ġurnalista ġiet maħtufa minn aljeni jsir jaf li l-intervista kienet lesta u s-segretarjat ta’ Mizzi qas kienu jafu li ħdejn il-ministru hemm ġurnalista tintervistah...u anke dan kien tort ta’ Joe Mizzi. M’hemmx x’tagħmel Ġuż...kollox tort tiegħek.

------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------

Ara sew jgħidu li d-dinja nqalbet tafux. Partit soċjalista li sar pro business u partit tal-avukati u negozjanti li sar jiġġieled favur iż-żgħir. Simon qed nistħajlu Mintoff jiġġieled għall-paga minima u din id-darba żgur li mhux qed jiġġieled għal ta’ madwaru għax l-ebda wieħed minnhom m’għandu paga minima. Iżda qalbu mal-ħaddiem iż-żgħir għax il-paga minima tidher li hi xabla b’żewġ ixfafar. Jekk Joseph jaqbel magħha jista’ jiġġieled mal-business partners għax dawn iridu jdaħħlu jdejhom fil-but biex iżidu l-pagi. Jekk Joseph jaqbel magħha, irid joħroġ somma ħafna akbar fil-pensjonijiet. Jekk Joseph jaċċettaha, ikollu l-problemi mal-middle class il-ġdida għax titolbu ż-żieda, għax l-oħrajn jilħquhom. Jekk Joseph ma jaċċettahiex, jiġġieled maż-żgħir. Sadattant, Simon joqgħod idoqq l-arpa u jħalli lil Joseph idoqq il-flawt. Strateġija bis-sens, però attent għax Joseph magħruf ħafna għall-boomerangs!

------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------

Mela l-Monsinjur, ambaxxatur, CEO, chairman u ma nafx kemm il-kappell ieħor jilbes, qalilna li ċ-Ċittadella se tiġi bil-ħlas. Kos qed ngħid jiġifieri issa dawk li jmorru jerfgħu fil-vara ta’ Santa Marija jridu jħallsu biex jidħlu l-Katidral? U Santa Marija trid tħallas biex tidħol fin-niċċa? Smajt li l-Ġorġjani diġà lestew xi marċ dwar din id-deċiżjoni. Naħseb wara din id-deċiżjoni tal-Monsinjur Vella Gauci ma jdumx ma jilbes il-kappell l-aħmar ta’ kardinal għax dak jonqsu jsir issa!

------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------

U xi ngħidu għal seħibna Salvu. Minn fuq li jipprova jgħallimna billi tana l-annata ta’ meta kien hawn il-pesta f’Malta (grazzi Salv għax tgħallimtha issa, 1813) kulħadd jaqlagħlu l-ħama. Mhux hekk biss, anke l-kelb miskin jeħel. Li ma nistax nifhem hi kif il-maġġoranza ta’ dawk li ma jaqblux mal-istil uniku ta’ Salvu jagħmlu eloġju fuq l-istil ta’ Bedingfield. Bilħaqq, dan ma jridx ikun imqabbel la ma Salvu u lanqas ma’ Daphne għax Bedingfield hu THE ONE AND ONLY bi dritt divin li jgħajjar lil min hu ikrah għax hu jgħix fil-palazz ta’ Kastilja filwaqt li Salvu tal-kelb jgħix f’appartament il-Qawra s’issa...(għalkemm smajt li qed jibni blokka flats diġà). Għax wara li jitla’ fil-Parlament, Alla biss jaf fejn jispiċċa, u jekk ma jitlax, ukoll Alla jaf fejn se jispiċċa. Il-fatt hu li meta tkun ħloqt xi ħaġa u joħduhielek bla kliem u bla sliem u bla raġuni, l-uġigħ ikun kbir u ma naħsibx li hawn xi ħadd li jaċċetta li jiġi misruq fid-dawl tax-xemx u ma jgħid xejn. Hekk ġralu s-Sur Salv, u jien naf xi tfisser...grazzi għal Joe Saliba. Għax il-Bużu bħal Salvu ġralu, bid-differenza li lil Salvu jattakkawh il-Laburisti u laqgħuh in-Nazzjonalisti għax qaleb u lil Bużu attakkawh in-Nazzjonalisti u laqgħuh il-Laburisti għax qaleb. Għax l-ixkubetta fiha l-grillu u kulħadd jagħmel li jaqbillu.

------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------

Happy Birthday Konrad...kulħadd mistieden għal riċeviment kbir il-Panama. Kull min imur, jinfetaħlu kont ta’ €92.

Il-Ħadd it-Tajjeb

More in Il-punt