Tixtieq tħalli wirt lil uliedek? Aqra dan...

L-Editorjal tal-ILLUM

Kemm hu sabiħ hux li tkun taf li lil uliedek se tħallilhom wirt li bih jistgħu jipprosperaw u jgħixu ħajja stabbli? Kemm hu sabiħ li tkun taf li s-sagrifiċċji li qed tagħmel illum, il-frott tagħhom se jgawdu minnhom uliedek u ulied, uliedek? Id-dokument tal-wirt, għalkemm jinqara lill-familjari f’mumenti ġeneralment diffiċli, huwa parti mill-memorja mill-isbaħ li jħallu warajhom ġenituri li jridu l-aħjar u l-aqwa għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. U f’pajjiż fejn l-għaqda tal-familja hija, ġustament, meqjusa bħala parti mill-pern u mill-bażi ta’ soċjetà sana u b’saħħitha, dak li l-ġenituri jħallu lil uliedhom u dak li jagħmlu għalihom, huwa wieħed mill-isbaħ monumenti ħajjin ta’ altruwiżmu.

Huwa pjuttost stramb għalhekk li fil-parallel ta’ dan, m’aħniex qegħdin, bħala pajjiż naħsbu biżżejjed dwar il-wirt li se nħallu lil uliedna u ulied uliedna, lil hinn minn dak li huwa strettament materjali. Huwa ferm stramb li f’dan il-pajjiż għadna lura ħafna milli nissalvagwardjaw il-ġid u l-wirt komuni, daqs kemm nissalvagwardaw dak personali.

It-telqa u l-abbandun li għadha tirrenja f’bosta partijiet minn dak li s’issa ħallejna mill-wirt naturali ta’ pajjiżna huwa xejn inqas minn tal-mistħija. Daqs kemm hija ħasra li f’dan il-pajjiż, minkejja l-kampanji kollha li saru, ibda minn dik ta’ ‘Xummiemu’ fis-90ijiet u ibqa’ sejjer sal-kampanja kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa fl-2015, għadna ma xettilniex fostna mentalità ambjentali. Jasal tmiem il-ġimgħa u kulħadd jerħilha jiġġieled għal siġġu f’xi ristorant ippakkjat, bit-tfal jehdew fuq l-istess erba’ madumiet, taħt il-ħarsa tal-ġenituri ‘ma jmorrux ikorru.’

Għalfejn sirna poplu li moħħu biex jingħalaq? Għalfejn nibżgħu ngawdu l-ftuħ li għad fadlilna u li huwa l-isbaħ wirt, u wirt li ngawduh mingħajr ħlas? Għalfejn bqajna poplu li daqstant jistmerr dak kollu li jħaddar u jsebbaħ, u bqajna f’relazzjoni intima ma’ dak il-misħut konkrit? Għalfejn il-ħarġiet fil-kampanja saru l-ħarġa tal-ftit, u mhux tal-ħafna?

Jeħtieġ nibnu mentalità ta’ ambjent anke fost l-awtoritajiet tagħna. Awtoritajiet bi stmerrija lejn is-sabiħ tan-natura. Stmerrija li bidlet ġonna, f’postijiet mitluqin jew medded ta’ brikks b’ħafna bankini u qsari nofshom mejta. Għalfejn din in-nuqqas ta’ ħeġġa biex nassiguraw li pajjiżna jilbes l-isbaħ libsa, kkulurita bl-ilwien tan-natura?

Kull fejn tmur fil-kampanja, kważi kullimkien mitluq. Xita mhux tagħmel, l-ilma m’aħniex nikkonservawh, min qed jipompja l-ilma bil-glalen kuljum biex jimla’ l-pixxini qed inħalluh, lil ħafna bdiewa qtilnihom bil-ġuħ, u l-viltà, meta l-ILLUM kienet ikkwotat lir-Rappreżentant Permanenti tal-Gvern għall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Metereoloġija Charles Galdies jagħmel twissijiet serji li resqin biex insiru deżert, kien hemm min prova jiddieħak bih.

Mhux tad-daħk, le, li pajjiżna mistenni jiffaċċja kriżi kbira ta’ ilma fis-snin li ġejjin u ħadd mis-suppost viżjonarji li qed imexxu l-pajjiż jew li jaspiraw li jmexxu mhu qed jgħid xejn. Dan huwa l-wirt li l-politiċi jridu jħallu lil uliedhom, li tant jiddandnu bihom? Futur ta’ gżira miksija konkrit, bil-ftit għelieqi li jkun għad fadal mitluqa għax il-bdiewa jkunu ħallewhom, u bla ilma? Dan huwa dak li se tħalli lill-għeżież tiegħek int?

Jeħtieġ nifhmu li l-ħsara daħlet ’il ġewwa u jeħtieġ infittxu mill-ġdid l-għeruq tagħna. Ngħixu komdi, iva mela, naħdmu biex nipprosperaw, mela. Imma fl-istess ħin nitgħallmu napprezzaw il-wirt naturali ta’ madwarna, nirrispettawh, nibżgħu għalih, nivvutaw għalih u meta ngħalqu għajnejna nħalluh bħala wirt lil dawk li għadhom ġejjin warajna.

Jekk ilkoll nibdew nagħmlu dan u jekk ilkoll nibdew nagħżlu li niddefendu l-wirt ta’ madwarna bħala tagħna verament, mela imbagħad ma jkollniex għalfejn nipprotestaw konra l-politiċi u l-Gvernijiet, għax dawn ma jkollhom ebda għażla ħlief li jagħmlu l-ambjent fost l-ogħla prijorità fl-aġenda tagħhom.

Hija traġedja li llum qed ngħixu ’l bogħod minn din il-viżjoni kważi utopjana. Hija ħasra li minflok inħallu l-aqwa wirt lil uliedna, qed nagħżlu li niffangaw illum u x-xejn inħalluh, lill-uliedna u ulied uliedna.  

More in Il-punt