Please sir, may I have some more?

minn Charles Miceli

F’pajjiż bħal tagħna, fejn kollox jew abjad jew iswed, jew tajjeb jew ħażin, jew magħna jew kontra tagħna, naqra diffiċli tkun oġġettiv. Il-‘50 Shades of Grey’ ma nafux fejn joqogħdu. L-aktar meta s-suġġett ikun politiku. Bħall-baġit, ngħidu aħna.

Id-diskors tal-baġit minnu nnifsu hu partiġġjan. Jipprova jgħolli mas-sema lill-Gvern tal-ġurnata filwaqt li b’mod sottili, u kultant mhux daqshekk sottili, jgħaddi botti lill-Oppożizzjoni. M’hemmx għalfejn nagħti eżempji għax żgur li l-qarrejja jafu x’qed ngħid.

Imma donnu qed ikun hemm ċaqliqa mhux ħażin biex nindirizzaw il-bżonnijiet tas-saffi ta’ taħt nett. Il-faqar m’għadux perċezzjoni u m’għadniex nitkellmu biss dwar it-tkabbir fl-ekonomija, filwaqt li naqset l-enfasi li “aħna pro-business.”

Anke l-Oppożizzjoni, meta fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-baġit tgħid “ftit għalik, ħafna għalihom,” indirettament qed taqbel li xi ħaġa, l-Gvern qed jagħti.

Sintendi, jagħti kemm jagħti, qatt mhu biżżejjed. Kif mill-banda l-oħra kull ċenteżmu li l-Gvern jiġbor f’taxxa huma żejda. Bħallikieku l-baqra tista’ taħleb aktar jekk ma jkunx hemm min jitmagħha iżjed.

MIŻURI

Dal-Gvern, bħal ta’ qablu, qiegħed attent li ma jżidx il-paga minima għajr biż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Jibża’ li jekk iċaqlaq l-istrutturi tal-pagi, b’xi mod ikollu jżid lil kulħadd, u hekk tonqos il-kompettitività. 

U ma tagħtihx tort sa barra, għax mhux Oliver Twist biss irid naqra oħra. Anke min għandu żaqqu mimlija, kif jara li Oliver ha kuċċarun soppa ieħor, hu jrid ukoll. Inkella jibda jivvittimizza, jeqred bl-inġustizzji u jhedded bil-vot.

U din biċċa uġigħ ta’ ras għall-Gvern, ikun ta’ liema kulur ikun. Imma l-ilħna favur il-ġustizzja soċjali donnhom qed jinstemgħu dejjem aktar. Anke fuq in-naħa tal-Gvern u dawk li s-soltu jappoġġjawh. Kultant b’ċerta kawtela u kultant b’aktar qawwa, l-aktar meta l-messaġġ joħrog minn ras il-għajn.

Ħadt veru pjacir nisma’ lis-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-General Workers Union, is-sur Josef Bugeja, fl-ewwel diskors uffiċjali tiegħu jgħid li l-union trid tkun il-wiċċ soċjali f’dinja neo-liberali. 

U ħadt ir-ruħ nara gazzetta bħal ‘l-orizzont’ tmexxi r-rapport dwar l-estimi ġenerali bir-ras ‘Baġit għal min jiflaħ l-inqas’, u tgħid “din id-darba ttieħdu sensiela ta’ miżuri intiżi biex jolqtu direttament lil dawk il-persuni li jifilħu l-inqas, liema miżuri għandhom iwasslu biex jaqilgħu ħafna familji mir-riskju ta’ faqar.”

Donnu qed ikun hemm ċaqliqa mhux ħażin biex nindirizzaw il-bżonnijiet tas-saffi ta’ taħt nett

Fl-istess ġurnata, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, l-Avukat Toni Abela kiteb “nemmen li tnejn kienu l-fatturi prinċipali li faqqru ħafna familji u t-tnejn li huma kienu frott it-twemmin ta’ kredu politiku neo-liberali, li ġab għarkupptejhom ħaddiema f’pajjiżi ħafna aktar sinjuri minna aħseb u ara f’pajjiżna.”

L-Avukat Toni Abela jkompli billi jikteb fit-tul dwar “it-tibdil radikali fil-liġijiet tal-kera u t-tolleranza assoluta li kibret bħal moffa maż-żmien fil-kamp industrijali, jiġifieri l-prekarjat”.

PASS ’IL QUDDIEM

Tal-anqas f’dan il-baġit għamilna pass ’il quddiem. Pass li joffri tama ġdida lil dawk li għax jemmnu fil-ġustizzja soċjali, spiss jiġu mgħajjra ‘Mintoffjani’, ‘dinosawri’ jew li jgħixu f’dinja għalihom. Mhux biss, imma l-baġit jagħti naqra nifs lil dawk li mhux dejjem jaqilgħuha biżżejjed biex ikunu jistgħu jikluha wkoll. 

Fost affarijiet oħra pożittivi reġa’ sar ċaqliq fit-taxxa tad-dħul, għall-ewwel darba f’madwar 20 sena se jiżdiedu l-pensjonijiet għal dawk li jaqilgħu inqas minn €140 fil-ġimgħa u se jintefqu €50 miljun f’bini ta’ appartamenti ġodda f’lokalitajiet varji.

Imma kif jammetti l-Gvern stess, dan mhux biżżejjed. Jeħtieġ li jsir aktar biex il-kejk kemm jista’ jkun, jinqasam bejn kulħadd bl-aktar mod ugwali possibbli. U filwaqt li jkollok taċċetta li fid-dinja li qed ngħixu fiha għadna ’l bogħod minn sistema fejn kulħadd jagħti kemm jista’ u jieħu kemm jeħtieġ, mill-banda l-oħra lanqas hu sew li jkun hemm min jiffanga filwaqt li l-oħrajn jittewbu. 

Madankollu biex ħadd ma jibqa’ jittewweb irridu nbiddlu l-mentalità u ma nibqgħux nitkellmu fuq riskju ta’ faqar, imma fuq il-faqar. Mhux biss imma jrid ikollna wkoll riga aħjar. Il-kejl li qed jintuża llum iħalli ħafna lok biex tingħata stampa falza tas-sitwazzjoni. Stampa fejn filwaqt li l-istatistika tgħidilna ħaġa, fil-ħajja ta’ kuljum inkunu qed imissu oħra. 

U hawn nikkwota wieħed mis-suġġerimenti li għamlet Caritas Malta qabel il-baġit, “L-iskemi ta’ dħul minimu għandhom jirriflettu benchmarks empiriċi u jkunu kkalkulati fuq baġits ta’ referenza (reference budgets) biex jiddefinixxu x’inhu dħul adekwat”.  

F’dan il-baġit għamilna pass ’il quddiem. Pass li joffri tama ġdida lil dawk li għax jemmnu fil-ġustizzja soċjali, spiss jiġu mgħajra ‘Mintoffjani’, ‘dinosawri’ jew li jgħixu f’dinja għalihom

Fi kliem ieħor, inutli tkejjel il-linja tal-povertà  fuq 60 fil-mija tal-medja tad-dħul, jekk inti ma tagħtix kas ta’ kemm jiswew il-ħtiġijiet bażiċi biex persuna tgħix ħajja diċenti, bħal ngħidu aħna l-prezzijiet tal-ikel, tat-trasport u tal-kera. 

Nagħti eżempju żgħir ħalli jifhimni kulħadd. Il-linja tal-povertà bħalissa hija ta’ €7,256 fis-sena, jiġifieri €604 fix-xahar. Issa jekk minn dawn trid tħallas €350 kera, għidli kif tista’ tgħix? Mhux ta’ b’xejn li għandna 102,743 persuna li ma jifilħux iħallsu spiża mhux mistennija. Jiġifieri jekk tinkisrilhom il-washing machine, m’għandhomx biex jixtru oħra.

U quddiem din ir-realtà, it-taħbit fuq il-bankijiet fil-Parlament, naqra naqra jibda jitlef l-effett tiegħu. 

[email protected]

More in Il-punt