Il-familja tal-lum u l-familja tal-imgħoddi

minn Kevin Mercieca

Il-familja hija istituzzjoni soċjali u universali, dan ifisser li ssibha madwar id-dinja kollha, madankollu tvarja minn soċjetà għall-oħra bħala struttura. Hemm diversi fatturi li b’xi mod jew ieħor ħallew impatt fuq il-familja universali, fosthom: it-taxxi, l-għajnuna soċjali, il-globalizzazzjoni neo-liberali, il-housing, il-mezzi tal-komunikazzjoni, is-sekularizzazzjoni kif ukoll il-konsumeriżmu.  Fil-passat it-tliet elementi ewlenin li kienu jagħmlu familja, kienu: iż-żwieġ, it-trobbija tat-tfal, u li koppja tgħix f’residenza flimkien biex ikun hemm ċertu bonding.  Illum il-ġurnata, element wieħed minn dawk it-tlieta li semmejt, huwa biżżejjed biex familja tkun iffurmata. 

 Frott tal-bidliet soċjali u ekonomici li kien hawn mir-revoluzzjoni industrijali lil hawn, ħareġ biċ-ċar li s-socjetà saret aktar individwalista, mhux ta’ b’xejn li aktar nies qed jagħżlu li jibqgħu jgħixu waħedhom inkluż f’pajjiżna. Jista’ jkun li dan qed jiġri għax sirna aktar egoisti u magħluqin fina nfusna bħala nies?  

Il-Familja Maltija

Il-Familja Maltija nistgħu ngħidu li nbidlet b’mod konsiderevoli: rajna żieda fil-familji magħmulin minn anzjani, żieda fin-numru ta’ nies li jagħżlu li jibqgħu jgħixu waħedhom, żieda fil-familji b’ġenitur wieħed, familji iżgħar b’anqas tfal, aktar tfal barra ż-żwieġ, inqas nies li jiżżewġu, aktar nies li jagħżlu li jikkoabitaw, aktar diversità fil-kompożizzjoni tal-familji u aktar familji multi-kultrali minħabba li aktar Maltin qed jiżżewġu persuni barranin kif ukoll għax żdiedu n-numru ta’ barranin li jgħixu f’pajjizna. L-aħħar ċensiment li sar fl-2011 juri li fil-gżejjer Maltin kien hawn 114,000 persuna single u  196,999 persuna miżżewġa. Barra minn hekk, minn l-aħħar ċensiment ħareġ ukoll li hawn 15,987 separati u 1,984 divorzjati filwaqt li romol hawn 21,768 persuna.

Fl-1948 kwart tal-familji f’Malta kellhom aktar minn 10 t’itfal u sal-1963 terz tal-familji Maltin kellom sitt itfal jew aktar

Bidliet mill-familja tal-imgħoddi għal dik tal-lum

Fil-passat kellna r-raġel li jmur jaħdem u jġib il-flus id-dar (il-breadwinner tal-familja) filwaqt li l-mara kienet tieħu ħsieb it-tfal u t-tindif tad-dar, dan illum inbidel kompletament. Attwalment il-familja saret aktar simettrika fejn ir-responsabbiltajiet tal-partners jinqasmu indaqs bejn il-mara u r-raġel. In-numru ta’ nisa li joħorġu jaħdmu, dejjem qed jiżdied speċjalment fost dawk li għandhom inqas minn erbgħin sena. Bidla oħra sinnifikanti kienet fin-numru ta’ tfal li jkollhom il-familji Maltin. Fl-1948 kwart tal-familji f’Malta kellhom aktar minn 10 t’itfal u sal-1963 terz tal-familji Maltin kellhom sitt itfal jew aktar. Il-familji tal-lum huma komposti minn wild jew tnejn l-aktar. Il-medja tat-tfal hija ta’ 1.5 għal kull familja. Għaldaqstant, illum l-attenzjoni fuq l-ulied tista’ tkun aktar iffukata u l-piżijiet finanzjarji jkunu ħafna inqas għall-familji. Il-problema, jekk tħares lejha fit-tul, hija s-sostennibbiltà tal-pensjonijiet, għax qed jitwieldu ferm inqas tfal iżda l-popolazzjoni hija waħda anzjana minħabba l-‘baby boom’. Jista’ jkun li wasal iż-żmien li l-istat joffri aktar inċentivi lill-familji Maltin biex ikollhom iktar tfal? 

Qed naraw ukoll aktar diversità fil-kompożizzjoni tal-familja u aktar drittijiet ċivili. Sal-1975 f’pajjiżna, bil-fors ridt tiżżewweġ bil-Knisja għax konna ngħixu fi stat konfessjonali, madankollu fil-preżent l-affarijiet inbidlu ħafna. Il-fatt li attwalment għandek familji omosesswali li qed joħorġu aktar fil-beraħ u li wħud minnhom saħansitra jrabbu t-tfal, tfisser bidla kbira fil-mentalità tal-Maltin u mill-istituzzjonijiet ingenerali. Is-soċjetà qed issir aktar sekulari u pluralista filwaqt li l-liġi qed tirrikonoxxi li persuni ta’ orjentament sesswali differenti minn tal-maġġoranza, jixraqilhom l-istess trattament bħal ħaddieħor. Nemmen li hemm ħtieġa ta’ aktar tolleranza, rispett, ugwaljanza u anke solidarjetà soċjali lejn affarijiet li huma diversi, u dan mhux fl-ambitu tal-familja biss iżda anke fejn jidħlu kwistjonijiet oħra sensittivi. Min-naħa l-oħra, hawn uħud li jibżgħu li qed niffukaw wisq fuq id-drittijiet u ninsew id-dmirjiet, bil-konsegwenza li dan qed iġib il-libertinaġġ.

Għandek koppji miżżewġin li ma jinħabbux bejniethom iżda jgħixu flimkien fl-istess dar minħabba t-tfal

L-isfidi li l-familja għandha quddiemha

Illum il-familji saru relattivament inqas stabbli minn qabel, u dan wassal għal aktar tkissir ta’ żwiġijiet. Saħansitra għandek koppji miżżewġin li ma jinħabbux bejniethom, iżda jgħixu flimkien fl-istess dar minħabba t-tfal. Nemmen li wasal iż-żmien li nifhmu għaliex dan qed jiġri u l-korpi kostitwiti jaħdmu flimkien għall-ġid tal-familja. Jeħtieġ ukoll nifhmu l-bidliet li s-soċjetà qed tgħaddi minnhom u li qed ikollhom effett kbir fuq il-familja, biex infasslu politika aktar ħolistika li tkopri l-ħtiġijiet ta’ kulħadd. Dak li jinkwetani l-aktar huwa li minkejja li l-familji qed jiċkienu bħala membri, f’ċertu każijiet, it-tfal mhux qed jingħataw biżżejjed attenzjoni mill-ġenituri tagħhom. Jista’ jkun li tant sirna ossessjonati bil-karriera tagħna li bilkemm insibu ċans biex nitkellmu mat-tfal tagħna. Il-konsumeriżmu sfrenat qed itellef ċertu ġenituri milli jagħtu tfulija xierqa lit-tfal tagħhom.  Għaldaqstant, il-ġenituri jeħtieġ li jikkomunikaw l-emozzjonijiet tagħhom b’imħabba lejn it-tfal tagħhom u juruhom biċ-ċar li vera jħobbuhom billi jagħtuhom l-attenzjoni u l-ħin li jixraqilhom.

[email protected]

More in Il-punt