Lest li ma tivvutax għall-partiti li għandhom track record ta’ nepotiżmu?

Kif jaħsibha Charles Miceli

Meta l-editur issuġġerieli niktiblu xi ħaġa dwar in-nepotiżmu, awtomatikament mort fuq il-Google. Biex nara x’jingħad dwar is-suġġett. Bħallikieku m’iniex ngħix Malta. Fejn kulħadd jaf lil kulħadd. Fejn jekk ma nikolx il-kirxa miegħek illum,  probabbli nikolha għada.

Imma tal-anqas sirt naf mnejn ġejja din l-imbierka kelma nepotiżmu. Ovvjament mit-Taljan. Imma l-oriġini tagħha jmur lura għall-papiet taż-żminijiet tan-nofs. Peress li l-Papa ma setax jiżżewweġ, u suppost ma kellux tfal, allura kien jagħti ċerti karigi lin-neputijiet.

Dawn suppost kienu jkunu t-tfal ta’ ħutu. Imma ħadd ma jaħlef li ma kinux wara kollox it-tfal tal-Papa stess.

Illum naħseb li n-nepotiżmu qiegħed fid-DNA tagħna l-Maltin. U hawn qed nuza l-kelma “nepotiżmu” kemm fis-sens propju tagħha, kif ukoll bħala favoritiżmu. Li tiffavorixxi lil dik jew dak għax tafhom u m’hemmx għalfejn ikunu jiġu minnek.

Xi darba qrajt li fi ż-żmien il-Kavallieri, kulħadd kien iżomm jew mal-Gran Mastru jew mal-Isqof. Li kienu ż-żewġ partiti ewlenin ta’ dak iż-żmien. U kulħadd kien jistenna xi tip ta’ ringrazzjament għas-sapport tiegħu.

Xejn Ġdid

Jiġifieri meta nitkellem fuq in-nepotiżmu, ma jien ngħid xejn ġdid. U min għandu l-kartanzjan, bħali, jaf li kien minn dejjem u probabbli jibqa’ għal dejjem. Għax dik is-sistema. Sistema li ma taħdimx fuq ir-rubini, imma aktar fuq lil min taf milli kemm taf.

U jekk tibqa’ fil-periferija, ssib min iċewċek. Kemm-il darba smajna l-kliem “jekk ma tibkix ma terdax” u meta niftaħ ħalqi biex nilmenta minn xi inġustizzja, hi x’inhi, malajr jgħiduli: “Kif? Ma kellimt lil ħadd?”

Nagħmilha ċara. In-nipotiżmu mhux qiegħed biss fl-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-gvern. Għax issibu kullimkien. Imma dwar il-privat, ħadd ma jistaqsi xejn.

Għaliex it-tifel tas-Sur Miceli sar direttur fil-kumpanija ‘Miceli & Sons Co. Ltd.’ dakinhar li rreżenja missieru? Tgħid ma kienx hemm min hu kapaċi aktar minnu? U għaliex il-kappillan ikun dejjem qassis? U l-ministru dejjem politiku? U r-re, it-tifel tar-Reġina?

Tgħiduli qed tħawwad il-ħass mal-gass. Għax tal-gvern ħaġa, u tal-privat oħra. Imma jien għandi d-dubji. Id-differenza hija li l-gvern – hu min hu - jaf li mhux għal dejjem. U x-xogħol tiegħu huwa li jipperpetwa l-pożizzjoni tiegħu.

U x’jista’ jagħmel biex jibqa’ hemm għal leġislazzjoni wara oħra? Ikun ġust? U fil-każ tagħna, jara li Malta tkun tagħna lkoll? U ejja ddaħħaqnix.

Integrat

Forsi qed inkun negattiv. Imma n-nepotiżmu huwa integrat fis-sistema demokratika. L-aktar fi gżira żgħira bħal tagħna. Fejn elf vot ’l hawn u elf vot ’l hinn jistgħu jagħmlu d-differenza.

Biex nitla’, rrid il-voti. U jekk mhux se naqdi lin-nies tiegħi, l-aktar lil dawk taċ-ċirku ta’ ġewwa, mhux talli mhux se nitla’, talli lanqas se nsib min jaħdimli fil-kampanja elettorali.

Ovvjament dejjem hemm naqra taparsiżmu. Jew dak li bl-Ingliż isejħulu ‘tokenism’. Ma rridx insemmi ismijiet, imma kulħadd jafhom. Lil hawn u lil hinn nagħti xi ħaġa lil xi ħadd mill-partit l-ieħor. Biex meta jattakkawni jkolli d-difiża lesta.

Imma din it-tattika ħafna drabi jkollha effett kuntrarju. Spiss tisma’ lil min irid iqatta’ t-tessera għax għalkemm hu minn dejjem kien leali lejn il-partit, baqa’ b’xejn. Minkejja li kellem lil dik u lill-ohra.

Sewwa, igergru, il-gvern tagħna u jinqdew huma.

Ġustifikazzjoni

Saħansitra hemm min jipprova jiġġustifika n-nepotiżmu. Issa bdejna nisimgħu bit-terminoloġija person of trust. Eqq, kif tista’ tpoġġi lil xi ħadd f’kariga sensittiva jekk ma tkunx tafdah? U l-meritokrazija toħroġ mit-tieqa.

Mhux biss. Għandna wkoll l-idea ta’ ħbieb tal-ħbieb. Frażi favorita ta’ Alfred Sant fis-snin li kien fl-oppożizzjoni. U hekk insibu ċrieki fi ċrieki. Qisu, dik oħti, dik il-kuġina u dak is-sekondu kuġin. U min jagħtini tort li nibda minn ta’ ġewwa nett? Mhux kulħadd hekk jagħmel?

L-istorja tar-Razzett tal-Annimali rrakkontata minn Orwell nafuha. Wara li l-annimali b’xi mod ivvutaw għall-bidla, malajr sabu li kollox baqa’ l-istess. U l-idea li l-annimali huma ugwali spiċċat fil-fatt li l-annimali kollha ndaqs, imma xi annimali huma aktar indaqs minn oħrajn.

X’jista’ jsir?

Mistoqsija diffiċli. Minkejja s-suppost strutturi biex ma jkunx hemm nepotiżmu, l-istejjer jibqgħu jingħadu. Uħud vera, uħud le. U oħrajn imżejnin. Imma l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn.

U jien naħseb li rridu nibdew minna nfusna. Qabel nippuntaw subgħajna, nistaqsi jekk aħniex lesti li ma mmorrux inħabbtu l-bieb tal-ministru biex ninqdew? U jekk nafu li kien hemm kazi ta’ nepotiżmu, lesti nitkellmu fil-pubbliku, anke jekk nidhru koroh?

Fuq kollox. Lest li ma tivvutax għall-partiti li għandhom track record ta’ nepotiżmu?

[email protected]

 

 

 

 

 

More in Il-punt