Bilanċ bejn l-infieq u t-tkabbir

minn Edward Scicluna

Il-proċedura tad-defiċit eċċèssiv hija d-drigħ korrettiva tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir adottat mill-Kummissjoni
Il-proċedura tad-defiċit eċċèssiv hija d-drigħ korrettiva tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir adottat mill-Kummissjoni

Fiha nnifisha ma fiha xejn ħażin li pajjiż ikollu defiċit, dejjem jekk dan ikun baxx u kkontrollat, u jkun jirriżulta minn infiq f’investimenti utli. Anzi, dan jgħin biex l-ekonomija tissaħħaħ, speċjalment jekk il-pajjiż ikun għaddej minn perjodu ħażin. 

Il-problema tinqala’ meta d-defiċit ikun eċċessiv u, agħar minn hekk, meta jkun riżultat ta’ nfiq mhux produttiv. Dan għax il-Gvern tal-pajjiż jispiċċa jħallas prezz ogħla biex jissellef u minflok il-flus imorru fi proġetti għall-ġid tal-poplu, jibdew imorru biex jitħallsu l-interessi fuq id-dejn. 

ll-Gvern Malti seta’ ddeċieda li jnaqqas id-defiċit għoli li sab b’mod drastiku billi jaqta’ l-infiq bl-adoċċ. M’għamilx hekk, għax għaraf li biex l-ekonomija Maltija tkompli tissaħħaħ, id-defiċit irid jitnaqqas b’mod gradwali b’miżuri li għalkemm jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi, jiffavurixxu wkoll it-tkabbir ekonomiku. 

L-għan tagħna li jissaħħu kemm l-ekonomija kif ukoll il-finanzi pubblici ntlaħaq, kif ikkonfermat mill-istatistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika f’Malta u mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, l-Eurostat. Dawn irrappurtaw li Malta rreġistrat waħda mill-ogħla rati ta’ tkabbir ekonomiku fl-UE. Fil-fatt, fl-2014, Malta rnexxielha tnaqqas id-defiċit minn 3.6% tal-Prodott Domestiku Gross fl-2012 għal 2.6% fl-2013 u 2.1% fl-2014. Għal din is-sena u għall-futur qarib, il-pjan hu li d-deficit jibqa’ nieżel b’nofs punt perċentwali kull sena.

Tajjeb insemmu li l-amministrazzjoni preċedenti daħħlet lil Malta fil-proċedura tad-defiċit eċċessiv darbtejn f’anqas minn ħames snin: fl-2008 u fl-2012. Fl-2008, Malta ddaħħlet f’din il-proċedura minħabba li d-defiċit bħala persentaġġ kien sploda għal 4.7% tal-PDG u d-dejn  kien baqa’ ferm ‘il fuq minn 60% tal-PDG u kien laħaq is-64.1% fl-2008. Fl-2012, Malta ddaħħlet f’din il-proċedura minħabba li defiċit kien qabeż sew it-3% waqt li d-dejn kien qabeż is-60% u ma kienx qed jonqos skont ir-regola tad-dejn tal-1/20.

F’istess ħin, l-ekonomija kienet qed tikber b’mod aktar kajman mis-sena ta’ qabilha. Waħda mir-raġunijiet kienet il-qagħda mwegħra tal-finanzi pubbliċi u l-insostenibilità fiskali li bdew kull sena joħonqu t-tkabbir ekonomiku. 

Anki l-ekonomija kienet qed tbati billi ntefgħu piżijiet ġodda kemm fuq il-familji kif ukoll fuq in-negozji. Dan minflok ittieħdu deċiżjonijiet sabiex jirristrutturaw l-ekonomija u jitteħħa dak li kien qed ixekkel l-inizjattiva.

Il-proċedura tad-defiċit eċċessiv hija d-drigħ korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir adottat mill-Kummissjoni Ewropea. Din il-proċedura qiegħda hemm sabiex tiżgura li l-pajjiżi membri tal-UE jimplimentaw il-miżuri neċessarji biex ma jitgħabbewx b’defiċit u dejn eċċessiv. Biex pajjiż jiddaħħal ġol-proċedura tad-defiċit eċċessiv, id-defiċit bħala persentaġġ mill-PDG irid ikun aktar minn 3%, filwaqt li d-dejn irid ikun ogħla minn 60%. Minbarra hekk, biex pajjiż jiddaħħal fil-proċedura, id-dejn tiegħu ma jkunx qed jonqos skont ir-regola li tistipula li d-differenza bejn id-dejn tal-pajjiz u l-limitu ta’ 60% titnaqqas b’medja maħduma fuq tliet snin bi proporzjon ta’ 1 minn 20 kull sena. Il-Kummissjoni Ewropea tevalwa wkoll jekk id-defiċit u d-dejn ikunux qabżu l-limitu bi ftit temporanjament minħabba każijiet eċċezzjonali bħal diżastru naturali jew riċessjoni qawwija. F’dan il-każ, pajjiż jista’ jingħata ċ-ċans biex jerġa’ jsib saqajh minflok jiddaħħal ġol-proċedura.

Meta Stat Membru jiddaħħal fil-proċedura tad-defiċit eċessiv, ikun irid jikkoreġi d-defiċit u d-dejn eċċessiv tiegħu f’perjodu ta’ żmien stipulat mill-Kummissjoni Ewropea. Jekk il-pajjiż ma jismax mill-Kummissjoni u ma jikkoreġix il-qagħda tal-finanzi pubbliċi, il-Kummissjoni għanda d-dritt li f’każ ta’ pajjiż membru fiż-żona tal-Ewro, tagħtih twissijiet u anke multi li jibdew minn 0.2% tal-PDG. F’każ li pajjiż ikun qed jieħu assistenza finanzjarja mill-Fond ta’ Koeżjoni, il-Kummissjoni tista’ wkoll tissospendilu dik l-assistenza.

Din ir-regola tgħin biex pajjiż jikkontrolla mhux biss id-defiċit iżda wkoll id-dejn. Dan għax meta pajjiż jaqbeż il-limitu tad-defiċit ta’ 3% u jibda jitlef il-kontroll fuq id-defiċit, kull sena dan id-defiċit jibda jżid mad-dejn tal-pajjiż, u għalhekk id-dejn jibda jiżdied bla kontroll. Dan iwassal biex aktar flus mit-taxxa tal-poplu jibdew imorru biex jitħallsu l-interessi fuq is-self li jkun ħa l-Gvern minflok f’setturi ta’ prijorità bħalma huma l-edukazzjoni, is-saħħa u s-sigurtà soċjali. Eventwalment, in-nuqqas ta’ investiment f’dawn is-setturi jibda jaffettwa b’mod negattiv it-tkabbir ekonomiku, u dan ikompli jaggrava s-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi. Kif wieħed jista’ jirrealizza faċilment, din it-tip ta’ tmexxija m’hijiex sostenibbli. U huwa propju għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea tinforza din ir-regola biex tiżgura li l-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi jkunu sostenibbli u kemm jista’ jkun ma jħallux li l-UE tidħol fi kriżi fiskali oħra.

L-Unjoni Ewropea, permezz tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, titlob li l-pajjiż joħroġ minn din il-proċedura billi jikkontrolla n-nefqa, iżid id-dħul mit-taxxi, u jimplimenta numru ta’ riformi strutturali.

Bħal f’bosta sitwazzjonijiet fil-ħajja, m’hemmx mod wieħed biss li bih tista’ tasal. L-UE tesiġi li jiġu ssodisfati ċerti kriterji, iżda huwa f’idejn il-pajjiż biex jiddeċiedi kif jilħaq dawn il-miri.

F’Malta, stajna ddeċidejna li nieħdu miżuri ta awsterità u nnaqqsu b’mod qawwi l-ispiża tal-Gvern, jew inkella ngħollu r-rati tat-taxxi. Dan sar fil-passat, meta fl-2009 l-Gvern ta’ dak iż-żmien iddeċieda li jaqta’ madwar €40 miljun mill-infiq tiegħu sabiex jipprova jżomm mal-miri fiskali tiegħu.

Dan il-Gvern, iżda, ma jemmiex li din għandha tkun it-triq li nieħdu. L-ewwelnett, dan it-tip ta’ tnaqqis fl-ispiża jagħti biss l-impressjoni li jkun qed jilħaq il-miri tiegħu għax, kif ġara, l-ispiża terġa’ togħla s-sena ta’ wara. Minflok, il-Gvern preżenti għażel it-triq tal-konsolidament li jiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku magħruf bħala growth-friendly consolidation.

Dan kien jinvolvi li l-Gvern jimplimenta miżuri li jżidu l-potenzjal tal-ekonomija u b’hekk it-tkabbir ekonomiku fil-pajjiż. Infatti, fiż-żewġ baġits li għaddew, kien hemm għadd kbir ta’ miżuri ta’ dan it-tip. Insemmu, fost l-oħrajn, miżuri li jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel ta’ kull età fid-dinja tax-xogħol, bħas-servizzi fejn jeħdulek ħsieb it-tfal b’xejn u inċentivi fiskali għal min jaqbad jaħdem. Kien hemm ukoll miżuri li jnaqqsu l-qgħad, kemm permezz tat-tneħħija tad-dipendenza fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali - bħall-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, kif ukoll permezz ta’ inċentivi fiskali indirizzati lejn is-settur privat. Ma ninsewx ukoll iż-żieda qawwija fl-investiment, permezz tad-diversi proġetti kemm mil-Gvern kif ukoll mis-settur privat.

Ittieħdu wkoll miżuri li jtejbu l-effiċjenza fil-ġbir tat-taxxi, inaqqsu l-evażjoni tat-taxxa, u jżidu l-kontroll fuq l-infiq. Dawn il-miżuri jgħinu b’mod indirett biex jitnaqqsu d-dejn u d-defiċit billi jżidu d-dħul tal-Gvern. Kollox fuq kollox, dan jorbot mal-bżonn li jinżamm bilanċ bejn in-nefqa pubblika, id-dħul mit-taxxi u t-tkabbir ekonomiku.

Hekk tkun tmexxija finanzjarja serja, u minn dan l-għaqal ingawdu int, jien, uliedna u wlied uliedna.

Edward Scicluna huwa l-Ministru tal-Finanzi

More in Il-punt