Is-Sehem Tagħna

minn Ċensu Galea

S’issa nemmen  li ħafna mir-residenti Maltin u Għawdxin jafu li ftit tal-jiem oħra, fil-11 ta’ April, Malta u Għawdex ser jerga’ jkollhom iċ-ċans li juru kif jaħsbuha.

Hu probabli li din ser tkun ukoll l-aħħar espressjoni popolari qabel ma’ naslu għall-elezzjoni ġenerali xi żmien bejn l-2017 u l-2018. Ngħid f’xi żmien għaliex hawn Malta m’għandniex ġurnata fissa li fiha jsiru l-elezzjonijiet ġenerali.

Lil hemm minn dan, iżda, fil-11 ta’ April, il-poplu Malti u Għawdxi ser ikollu żewġ deċiżjonijiet li jrid jieħu. Fuq livell nazzjonali, aħna lkoll ser ikollna l-opportunità li nesprimu ruħna dwar jekk il-kaċċa għandhiex tibqa’ jew jekk għandhiex tispiċċa fir-rebbiegħa.

Forsi għall-ewwel darba, f’dan il-livell, hawn Malta, ser ikollna l-opportunità li nivvutaw fuq suġġett bħal dan, mingħajr ma jkun hemm kampanja li tkun ġejja miż-żewġ partiti politiċi prinċipali li għandna hawn Malta. F’ċertu sens din hi sitwazzjoni stramba, fil-kuntest Malti, imma fl-istess ħin qed tagħti l-opportunità lil dawk li huma favur u lil dawk li huma kontra, li jagħmlu l-kampanja tagħhom mingħajr ma jridu jħarsu madwarhom biex jaraw dan jew dak il-partit politiku x’pożizzjoni qed jieħdu.

Jalla f’dawn il-ftit jiem li fadal, il-poplu Malti jkollu quddiemu dik l-informazzjoni neċessarja biex ikun jista’ jagħmel għażla infurmata.

Kunsilli Lokali

Minbarra r-referendum dwar il-kaċċa, kif nafu hemm ukoll l-elezzjonijet għall-kunsilli lokali f’34 lokalità mifruxa madwar Malta u Għawdex. Hawnhekk is-sitwazzjoni hi differenti minn dik li hemm fil-każ tar-referendum.

L-ewwelnett, f’dawn l-elezzjonijiet ser ikun hemm it-tlett partiti politiċi li qed jieħdu sehem. Kif inhu magħruf hemm il-Partit Nazzjonalista li din id-darba għandu l-ikbar numru ta’ kandidati li qed jipparteċipaw f’ismu, hemm il-Partit Laburista, u hemm ukoll l-Alternattiva Demokratika. Ma’ dawn il-kandidati hemm ukoll numru ta’ kandidati li mhumiex marbuta ma’ partit politiku u li ser ikunu qed jipparteċipaw bħala kandidati indipendenti.

B’kollox, ser ikun hemm ftit inqas minn 400 kandidat li ser ikunu qed jagħtu s-sehem tagħhom fil-proċess demokratiku. Jien minn dejjem emmint fil-kunsilli lokali, u nemmen li dawn il-kunsilli għamlu differenza f’kull lokalità li għandna kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Jekk tistaqsuni jekk hux il-kunsilli kollha ħadmu bl-istess mod, ir-risposta tiegħi tkun li le.

Madanakollu rridu nkunu ġusti wkoll u ngħidu li mhux il-lokalitajiet kollha kellhom l-istess tip ta’ sfidi, u lanqas ma kellhom l-istess tip ta’ żvilupp matul dawn il-21 sena li ilhom imwaqqfa l-kunsilli lokali.  Jekk nagħtu daqqa t’għajn lejn l-34 lokalità li fihom ser isiru l-elezzjonijet fil-11 ta’ April, pereżempju, minn banda nsibu lokalitajiet bħall-Furjana li matul dawn l-għoxrin sena l-popolazzjoni tagħha ma tantx inbidlet, għalkemm kompliet tonqos, waqt li mill-banda l-ohra nsibu postijet bhal San Pawl il-Baħar fejn il-popolazzjoni kibret bil-kbir, tant li minn kunsill lokali b’seba’ membri, minn tlett snin ilu għandna kunsill lokali bi tlettax-il membru. Dan ġara għaliex matul dawn is-snin numru kbir ta’ Maltin, ġejjin minn kull parti ta’ Malta ġew joqogħdu f’San Pawl il-Baħar. Minbarra l-Maltin, eluf ta’ barranin ukoll għażlu li jiġu joqogħdu f’din l-istess lokalità.

Dan il-fatt ġab miegħu sfidi kbar. Dawn l-isfidi mhux ser jonqsu. Għall-kuntrarju jien ċert li ser ikomplu jiżdiedu.

Meta niġu għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali wkoll irridu nagħtu importanza għal dak li ser jiġri. Hawn ukoll ser ikun hemm fatturi differenti minn dak li kellna fl-elezzjonijiet lokali kollha li kellna sa issa.

F’dan is-sens forsi l-ikbar differenza ser tkun li ser ikun hemm eluf ta’ zgħazagħ li ser ikollhom iċ-ċans li jivvutaw minkejja li m’għandhomx tmintax-il sena. Dawk li ser ikunu għalqu s-sittax-il sena ser ikollhom l-opportunità li jivvutaw għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. 

F’ċertu sens dan hu test fih innifsu dwar kemm iz-żgħazagħ tagħna ser ikunu lesti jipparteċipaw fl-elezzjonijiet. Nispera li l-ikbar numru possibli jagħtu s-sehem tagħhom.

Hemm imbagħad ukoll il-fattur marbut mal-fatt dwar kif ser jibdew isiru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali minn issa ‘l quddiem. Ser inkunu qed nagħmlu l-elezzjonijiet b’mod indipendenti, kull perjodu ta’ żmien stabbilit (bħalissa erba’ snin), jew ser jibda jkollna elezzjonijiet lokali kull ħames snin marbutin ma’ l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew? Dan għad irid jiġi deċiż u għalhekk għad irridu naraw x’ser jiġri minn dak il-lat.

Iżda jiġri x’jiġri l-iktar  ħaġa importanti għandha tkun dik li n-nies jagħmlu għażla infurmata. Jien nemmen li wkoll f’dan il-livell, allaħares ma kinux il-partiti politiċi li għamlu għażliet dwar min għandhom ikunu l-kandidati li jirrappreżentawhom fil-lokalitajiet. Minkejja l-argument li jġibu xi wħud li jkun aħjar jekk il-kandidati li jikkontestaw jagħmlu dan bħala indipendenti, jiena naħseb li hu ferm ahjar li jkun hemm xi forma ta’ rabta taħt kappa politika.

Il-partiti jagħżlu l-kandidati, ikollhom il-programm tagħhom, iżda imbagħad, la darba jgħaddu l-elezzjonijiet, il-kunsilliera kollha jridu jaħdmu għall-aħjar interess tar-residenti u tal-lokalità. Il-ħidma għandha tkun waħda li mhix partiġġjana u ħidma li tmexxi ‘l quddiem lil-lokalità li dawn il-kunsilliera eletti jkunu qiegħdin jirrappreżentaw.

Dan m’għandux ikun diffiċli. Fl-aħħar mill-aħħar, jekk wieħed isegwi x’ikun qed jigri fil-Parlament, malajr jinduna li fil-fatt, f’parti sostanzjali mil-ligijiet li jiġu diskussi fil-Parlament, minkejja argumenti kultant sħan li jkun hemm, fl-aħħar mill-aħħar fi kwazi 90% tal-liġijiet li jkun hemm għad-diskussjoni, ir-riżultat finali jkun wieħed unanimu.

Allura, jekk fil-livell nazzjonali, il-partiti politiċi kapaċi jagħmlu għażliet nazzjonali f’għaqda bejniethom ma nistax nifhem għaliex l-istess atmosfera ma tistax taħdem ukoll fil-livell lokali.

Hu għalhekk importanti li fil-11 t’April nagħmlu l-għazliet it-tajba. L-għażliet finali jridu jkunu tali li permezz tagħhom il-lokalitajiet ikunu jistgħu jibqgħu mixjin ’il quddiem. Jalla dan jigri f’kull waħda mill-lokalitajiet li fihom ser ikun hemm l-elezzjoni.

 Nawgura l-ħidma t-tajba lill-kandidati u lil dawk kollha li ser ikunu eletti.

Ċensu Galea hu Deputat Speaker u Kelliem Nazzjonalista għall-Amministrazzjoni Pubblika u l-Investimenti tal-Gvern

More in Il-punt