L-impatt tal-kriżi politika Libjana fuq pajjiżna

minn Kristy Debono

Il-kriżi politika fil-Libja hija waħda sensittiva u għandha bosta riperkuzzjonijiet,  fost l-oħrajn hemm il-mod kif qed taffettwa l-ekonomija ta’ pajjiżna minħabba l-investiment ta’ kumpaniji Maltin fil-Libja.

L-inċertezza fost il-ħaddiema

Ċertament li din l-instabiltà politika qed tħalli s-sinjali tagħha fuq it-telf jew inċertezza tal-impjiegi ta’ dawk il-bosta Maltin li rritornaw lura Malta minħabba raġunijiet ta’ sigurtà u li s-sitwazzjoni preżenti fil-Libja ma tippermettix li dawn jerġgħu lura biex ikomplu bil-ħidma tagħhom. 

Ħafna mill-ħaddiema, l-aktar dawk li dejjem ħadmu fuq bażi ta’ kuntratt u li diversi minnhom għandhom speċjalizzazzjoni, b’uħud minnhom b’għexieren ta’ snin ta’ esperjenza, issa jinsabu f’sitwazzjoni fejn qed ikollhom problema biex  isibu mpjieg ġewwa pajjiżna l-aktar minħabba l-problema li l-ħiliet tagħhom ma jkunux jaqblu mad-domanda fis-suq.  Problema oħra li uħud minn dawn il-ħaddiema qed isibu hi biex jintegraw lura fid-dinja tax-xogħol ta’ pajjiżna wara numru sostanzjali ta’ snin jaħdmu l-Libja.

Hu għalhekk jeħtieġ li l-Gvern permezz tal-ETC fost l-oħrajn ikun aktar iffokat u speċjalizzat biex jgħin lil dawn il-ħaddiema li qed ifittxu xogħol lokalment biex jaġġustaw il-ħiliet tagħhom għal din ir-realtà li qed jiffaċċjaw.  Għajnuna oħra li tkun ta’ benefiċċju għal dawn il-ħaddiema hi li l-Gvern jissokta b’għajnuna sabiex ikun ta’ kuntatt bejn dawn il-ħaddiema u ma’ kumpaniji oħra barra minn xtutna u li jkun għaldaqstant ta’ potenzjal għall-ħaddiema Maltin li ġew mil-Libja biex jaħdmu barra minn xtutna f’impjieg relevanti mas-speċjalizzazzjoni tagħhom. 

Il-potenzjal tas-suq emerġenti qiegħed jintilef

Huwa fatt li tul is-snin kienu bosta l-investituri barranin li  kienu jaraw f’pajjiżna mhux biss l-ekonomija Maltija fiha nnifisha iżda kienu jikkunsidraw lil pajjiżna wkoll bħala wieħed b’potenzjal fl-UE u l-aktar pajjiz fl-UE li jservi ta’ pont mal-Libja.  Dan peress li l-Libja kienet meqjusa bħala wieħed mill-aktar pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq b’potenzjal kbir għall-investiment.  Illum dak il-valur addizzjonali għal pajjiżna ttappan peress li l-potenzjal tas-suq Libjan qiegħed jintilef b’rata mgħaġġla.

Minħabba f’dan  jeħtieg li permezz ukoll t’għajnuna u viżjoni mill-Gvern, jinsabu swieq oħra ta’ potenzjal fl-Afrika ta’ Fuq u li jservu ta’ suq alternattiv sabiex dan il-valur addizzjonali li kellu pajjiżna ma jkomplix jintilef.

Meta wieħed jagħmel kalkolu ekonomiku fuq x’impatt din il-kriżi fil-Libja qegħda tħalli fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna, wieħed mhux biss jikkalkula dak li f’termini reali qegħdin nitilfu llum il-ġurnata, iżda huwa importanti ħafna ma ninsewx il-fattur ta’ dak li potenzjalment kieku għadna qegħdin indaħħlu u kemm kieku pajjiżna seta’ saħansitra jżid il-valur addizzjonali tiegħu.

Wara l-boom ekonomiku ta’ pajjiżna fid-disgħinijiet, fejn bosta kumpaniji laħqu l-ogħla punt ta’ kemm setgħu jikbru ġewwa pajjiżna, anke minħabba d-diżekonomiji ta’ skala, wara s-sħubija ta’ Malta fl-UE u anke wara l-mod kif pajjiżna rnexxielu jsalva mill-kriżi internazzjonali, numru ta’ investituri Maltin investew bis-saħħa ġewwa l-Libja.  Minbarra n-negozju tradizzjonali li normalment nassoċjaw mal-Libja, kienu bosta negozji Maltin li investew f’hub għas-servizzi, f’hub għal-loġistika,  f’servizzi finanzjarji, f’IT kif ukoll għandna negozji li għamlu alleanzi strateġiċi ma’ kumpaniji internazzjonali biex jippenetraw fis-suq Libjan.  Dawn operaw b’suċċess u l-operaturi ekonomiċi Maltin saru fost l-aktar negozjanti li jifhmu l-operat Libjan.

Id-dħul finanzjarju

F’dak li huwa dħul finanzjarju minn tassazzjoni għall-Gvern, fejn qabel dawn il-kumpaniji kienu jikkontribwixxu lejn Malta bis-saħħa tad-dħul mill-operat ekonomiku tagħhom fil-Libja, illum sa ċertu punt il-folja nqalbet u pajjiżna qiegħed f’sitwazzjoni li jeħtieġ li jagħmel tajjeb biex ma jħallix dawn il-kumpaniji jikkrollaw minħabba r-riskji li huma esposti għalihom fis-suq Libjan.

Problemi ta’ Bad Debts u Cash Flow

Realtà Ekonomika oħra li bosta operaturi Maltin li kienu joperaw il-Libja u li għad għandhom assi u investimenti maqbudin fil-Libja qed jiffaċċjaw huma problemi ta’ Bad Debts fuq livell Libjan li min-naħa l-oħra qed jaffettwaw il-cash flow tal-istess operaturi Maltin f’Malta kif ukoll ma’ barra minn Malta. 

Fejn bosta kienu jqisu s-suq Libjan bħala l-futur u l-life line tal-operat tagħhom f’Malta illum is-suq u l-impenni tagħhom fil-Libja wasslu biex ikunu l-mażra li qed iżżomm lin-negozju tagħhom milli jimxi ’l quddiem - jekk mhux saħansitra l-piż li qed jispiċċa jgħerreq lill-kumpanija tagħhom lokalment. Dan qed iseħħ b’detriment għall-futur tal-kumpanija, għar-reputazzjoni tal-kumpanija kif ukoll għall-futur tal-impjiegi tal-ħaddiema tagħhom lokalment kif ukoll fil-Libja.

Huwa għalhekk li l-Gvern jeħtieg li jkun aktar attiv b’mod ħolistiku fuq il-kontroll tal-ħsara u biex jagħti l-għajnuna kollha meħtieġa biex jiffaċilita ukoll konnessjonijiet ġodda ma’ swieq alternattivi fl-Afrika ta’ Fuq b’potenzjal għan-negozju.

Punt Centrali

Jeħtieġ ukoll li jiġi żviluppat punt ċentrali fejn dawn l-operaturi għandhom jirrikorru. Permezz ta’ dan, il-kumpaniji jkollkom punt ta’ referenza fejn mhux biss jinstemgħu il-problemi tagħhom, iżda tittieħed azzjoni konkreta fuq il-kwistjonijiet l-aktar pertinenti għalihom u li b’mod tanġibbli jkunu megħjuna. 

Dawn il-punti m’għandhom qatt jitqiesu bħala punti ta’ kritika lejn l-azzjoni lill-Gvern preżenti, iżda punti ta’ azzjoni li jgħinu biex l-operaturi ekonomiċi lokali jkunu megħjuna aktar biex jegħlbu din l-isfida li tfaċċat quddiemhom. Qatt m’għandna ngħidu qed nagħmlu biżżejjed biss - għandna nkunu dejjem aktar miftuħin biex nilqgħu u niddiskutu proposti ta’ kif u kemm nistgħu nagħmlu aktar.  

Kristy Debono hi Deputat Nazzjonalista u kelliema għas-Servizzi Finanzjarji, l-IT u l-Gaming

More in Il-punt