Qtil fil-Ħemda

minn Leo Brincat

Il-bżonn ta’ arja nadifa qatt ma kien jinħass qawwi daqs fi żminijietna. 

U dan minkejja t-tijtib kollu li seta’ sar tul is-snin.

Jekk il-gvernijiet madwar id-dinja, inklużi dawk Ewropej ma jaċċettawx il-fatt li t-tniġġiż tal-arja jwassal għall-qtil tan-nies qabel iż-żmien u f’mod ħiemed, allura l-problemi joktru jistgħu u mhux jiġu indirizzati.

Minn studju li għadha kif ħarġet l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) – l-awtorità ewlenija dwar l-ambjent fl-Ewropa, jidher ċar li mijiet ta’ eluf ta’ ċittadini Ewropej jistgħu saħansitra jmutu qabel iż-żmien fl-għoxrin sena li ġejjin jekk ma tittieħidx azzjoni xierqa u fil-pront mill-gvernijiet tagħhom.

Huwa mifhum li fis-sena 2011, ġie stmat li madwar 400,000 mietu qabel iż-żmien minħabba rwejjaħ tossiċi li belgħu.

Filwaqt li bħalissa hemm dibattitu sħiħ dwar jekk għandux jikber l-ilqugħ kontra t-tniġġiż tal-arja permezz ta’ direttivi ġodda, hemm min għadu jargumenta li minħabba li lanqas ilħaqna dak li kien mistenni minna sal-lum, ma tantx hemm skop li wieħed jgħolli dawk il-livelli li għandna nilħqu.

Dan huwa argument fjakk. Għaliex jista’ jwassal biss għal aktar indifferenza - u aktar imwiet ukoll!

Fl-Ingilterra nnifisha sabu li f’Londra, Birmingham u Leeds jafu jdumu sas-sena 2030 sakemm jilħqu l-livelli Ewropej tal-lum.

Kull fattur ambjentali negattiv iġorr prezz qares miegħu. Iżda l-agħar meta dan ipoġġi fir-riskju s-saħħa tagħna l-bnedmin. 

Ma tistax titkellem dwar kwalità ta’ ħajja aħjar jekk ma tindirizzax problemi li jwasslu għall-ħsara lis-saħħa ambjentali.

Bla dubbju ta’ xejn l-agħar huwa t-trab fin. Għax ma tħossux u jagħmillek ħsara rreparabbli, fosthom billi jżid il-prospetti tal-kanċer ukoll.

Bħal meta jkollok tazza nofsha vojta u nofsha mimlija, meta nitkellmu dwar kwalità tal-arja jeħtieġ li niffukaw mhux fuq it-tajjeb li sar, iżda fuq l-għadd kbir ta’ pajjiżi li għad jridu jilħqu l-livelli meħtieġa.

It-tniġġiż tal-arja skont l-istudju tal-EEA ma jiġix biss billi tesponi lilek innifsek għall-arja ħażina, iżda anki billi tesponi lilek innifsek għall-affarijiet li jikkontaminaw u li jinġarru mill-ajru, fosthom dak li jiġi depożitat fuq il-pjanti u l-ħamrija, u anki akkumulat fil-katina tal-ikel ta’ dak l-ikel li nieklu.

Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, it-tniġġiż tal-arja għadu jikkontribwixxi bil-kbir għall-kanċer fil-pulmuni, kif ukoll għall-għadd ta’ mard respiratorju u kardjovaskulari.

Ġieli tolqot ħażin anki lin-nisa fit-tqala tagħhom, kif tolqot daqstant ieħor ħażin lill-anzjani wkoll.

Bħalissa rridu naraw fuq livell Ewropew sa fejn ser naslu fir-rigward tal-Pakkett Għall-Arja Nadifa. 

Parti sostanzjali taċ-ċittadini Ewropej li jgħixu f’żoni urbani huma fost l-aktar vulnerabbli għal dan kollu. 

Il-problema tat-trasport hija fost l-akbar kontributuri għat-tkabbir ta’ din il-problema. 

L-istudju fil-fatt jgħid li: “it-trasport jibqa’ kontributur ewlieni għal-livelli ta’ kwalità tal-arja baxxi fl-ibliet u fl-impatti tas-saħħa li għandhom x’jaqsmu. Iż-żieda fil-volum tat-traffiku, kif ukoll il-promozzjoni ta’ vetturi li jaħdmu bid-diesel kellhom rwol f’dan kollu”

Jidher li anki d-diesel qed joħloq problemi ġodda għaliex filwaqt li ġie stabbilit li jnaqqas il-gassijiet serra, qed ikun hemm bosta każi fejn ħafna jemmnu u anki sabu, li jista’ jżid it-trab fin fl-arja.

Dan kollu jitlob li nkunu kuraġġużi u ambizzjużi.

Billi kif irrekomanda r-rapport Ewropew infittxu li nagħmlu bidliet fundamentali fis-sistemi tagħna tat-trasport, fosthom permezz tat-tfittxija tas-soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda, kif ukoll fix-xejriet tal-imġieba tagħna personali, nistgħu nnaqqsu dawn l-impatti negattivi.

Fejn jidħol it-trab fin għandek problemi li jaqsmu u jmorru lilhinn mill-fruntieri.

Meta l-karozzi tagħna jimtlew bir-ramel wara l-maltempati li jkun hemm fin-nofsinhar tal-pajjiżi ta’ madwarna, ħafna jaħsbu li l-aktar ħsara tkun qed issir lill-karozzi tagħna.

Iżda fil-fatt, l-akbar ħsara tkun qed issir lil saħħitna stess - għaliex dak it-trab spiss ikun trab fin li jidħol bil-ħemda fil-pulmuni tagħna lkoll.

Tajjeb li jingħad li l-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa huma saħansitra ogħla minn dawk tal-UE nnifisha. 

Meta wieħed iqis l-aspett ekonomiku ta’ ċerti miżuri, jrid ipoġġi fil-miżien mhux biss in-nefqa fuq lqugħ aħjar kontra l-arja ħażina, iżda wkoll kemm nistgħu niffrankaw fi spejjeż fuq is-saħħa, sptarijiet u mediċina jekk nieħdu ħsieb għal dan it-tip ta’ lqugħ.

Biex ma nsemmux ukoll nuqqas ta’ produttività fuq il-postijiet tax-xogħol u telfien ta’ ħin u tnaqqis fl-effiċjenza ta’ ħafna ħaddiema. 

Wieħed jagħmel żball jekk jaħseb li l-arja ħażina tinġema’ biss fil-postijiet miftuħa.

Problema li dejjem qed tikber hija dik fuq ġewwa fid-djar tagħna. Dik li tissejjaħ kwalità fqira tal-arja ta’ ġewwa - fejn ikollok ventilazzjoni ħażina problemi bħal dawn joktru jistgħu.

Meta nqisu li ċ-ċittadini Ewropej iqattgħu madwar 85% minn ħajjithom fil- magħluq, wieħed jifhem aktar għaliex hemm bżonn politika ċara u koerenti bejn ħarsien tas-saħħa, s-saħħa tagħna nfusna, l-użu effiċjenti tal-enerġija u s-sostenibbilità.

Il-kisba ta’ arja nadifa ma kinitx biss prijorità tal-programm tal-Gvern. Iżda, għandha tkun u tibqa’ fuq quddiem tal-ħidma tagħna fil-ġejjieni wkoll. 

Leo Brincat hu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima

More in Il-punt