Ittri Il-punt Blogs

"Is-suwed" fuq tal-linja

X'ġara meta tela' "iswed" fuq tal-linja

Andrew Azzopardi / 23 t'Ottubru 2014 13:00
"Is-suwed"

It-tifla:    Pa meta tlajt f’tal-linja kien hemm mara u tgħidtx kemm għajret lil raġel iswed.

Jien: Mela x’ġara xbin?

It-tifla: Bdiet tgħidlu b’Ingliż imħawwad “You sit on that seat [tindikalu n-naħa ta’ wara], these are for Maltese – you are not from our country – if you not happy go home

Jien: Il-madoff, u hu x’qallha?

It-tifla: Xejn. Inkiser pa. U ħa ngħidlek xtaqt qomt u tajtha tgħajjira. Vera rrabjatni, miskin dak ir-raġel.

Jien: U x-xufier għamel xi ħaġa?

It-tifla:    Le pa. Qallha, “Anke lili jdejqu ħi. U meta jiġini ċ-ċans, taparsi ma rajthomx u nibqa’ għaddej ħalli ma ngħabbihomx”

X’inhu l-ħażin f’dan ir-rakkont li ġara ftit tal-jiem ilu (f’Malta), huwa ċar. 

Il-pożittiv f’dan kollu huwa, li wliedna huma aħjar minna.

Il-perċezzjoni u l-perita

Il-kotra qamet f’daqqa u għajtet, “din mhux perċezzjoni xejn, it-traffiku qed ibellahna xbin!”

F’dawn il-ġranet qed issir it-tinbixa lill-perita tal-Malta Transport dwar il-kumment li għamlet fuq it-televiżjoni fejn hi qalet li xi minn daqqiet hija aktar kwistjoni ta’ ‘perċezzjoni’ din tat-traffiku milli veritiera! 

Naturalment qamu l-irwiefen kollha, speċjalment meta tant nies qed jagħmlu sigħat sħaħ jivvjaġġaw rotta li forsi kieku ma jkunx hemm traffiku jaslu f’għaxar jew għoxrin minuta imma għax għandna din il-mandra fit-toroq tagħna qed indumu tliet jew erba’ darbiet aktar. 

L-ewwel sfida kbira li għandu dan il-pajjiż biex jirriżolvi din il-problema hija li nirranġaw il-froġa fuq oħra li saret fil-qasam tat-trasport pubbliku imma mbagħad hemm sfida wisq akbar, ċoe li ndaħħlu l-fiduċja lura f’ dan is-servizz. Il-kjass li bħalissa qed jirrenja qed iġib lil kulħadd jitkellem waħdu, kulħadd juża l-karozzi tiegħu, kulħadd mifxul għax ħa jasal tard, sigħat ta’ xogħol mitlufa, studenti mbażwra qabel ma jibdew l-lezzjonijiet – insomma stress fil-psike kollettiva li ngħaddu mingħajru jekk forsi f’dan il-pajjiż nitgħallmu nagħmlu ftit ta’ ppjanar. 

Perċezzjoni vs Persważjoni

Il-verità hija li l-politika jew aħjar ‘l-arti ta’ kif jiġu ddisinjati l-komunitajiet tagħna’ hija mekkaniżmu interessanti bbażat fuq perċezzjoni. Perċezzjoni ma jfissirx li tkun illużjoni tafux, ma jfissirx li dak li qed tgħix ma jkunx vera, imma li forsi ċerti ċirkostanzi nagħtuhom iktar importanza minn dak li verament jimmeritahom. 

U forsi l-klassi politika għandha tendenza toħloq perċezzjonijiet biex il-partit jiskurja l-gowls.

Għandna klassi politika li ċerta kwistjonijiet isiru donnhom kruċjali iktar minn oħrajn, mhux minħabba l-valuta tagħhom, mhux għax huma verament aktar importanti, aktar bażilari, aktar fundamentali għal komunitajiet tagħna - imma jkun hemm attentat tal-partiti u tal-partitarji biex jagħtu diksata ‘lill-oħrajn’. 

Dan huwa dak li jgħejjini jien u mhux il-fatt li rrid immur nivvota.

Dan narah ħela ta’ ħin u għejja fil-moħħ meta l-poplu ma jingħatax stampa sħiħa ta’ dak li qed jiġri anke għax il-poplu jħobb jgħid tiegħu, jagħti fehmtu juri li anke hu għandu xi jgħid fuq dik il-kwistjoni u l-oħra. 

Għax l-ideat jinbtu mid-dijalettika, mill-inkontri u mill-iskontri. 

Sa hemm m’hemm xejn ħażin anke għax il-Maltin u l-Għawdxin iħobbu wisq jitħaddtu fuq il-politika u l-politiċi, fuq il-Mexxej/Kap l-idoli tagħhom u fuq min jirrappreżentahom.

Imma din hija r-raġuni li l-politiċi m’għandhomx iġibu ruħhom b’dan il-mod lejn il-poplu. Għax għal mexxej/kap/partit ħafna nies jagħtu ħinhom u saħħithom – u allura r-rispett reċiproku huwa kommendabbli.

Huwa ħażin li wieħed jagħti x’jifhem li Malta qed taqa’ biċċiet u l-ieħor juriha qisu bħalha m’hawn imkien – sakemm donnu jinbidlu l-Kwartieri Ġenerali u d-diska ssir l-oppost. 

Dan li jdejjaq lin-nies. Għax in-nies mhux tan-nelħ, in-nies jafu li l-affarijiet mhumiex kif wieħed irid ibellagħlhom u kif jgħidu bl-Ingliż, jekk tgħaddi ż-żmien bin-nies it will catch up on you.

Jekk irridu klassi politika li tibqa’ kredibbli, li għandha l-ħiliet li tmexxi, għax il-poplu dak li għandu bżonn, allura hemm bżonn li verament tibda ssir politika aħjar. 

U kif ħa jseħħ dan? 

Iseħħ meta nifhmu li l-politika hija waħda ta’ sustanza, meritokratika, konkreta, meta tfittex li tisma’ x’għandhom x’jgħidu n-nies u tindirizza dik il-kwistjoni, ċoe meta l-għażliet li jsiru ma jkunux għażliet ibbażati fuq il-perċezzjoni ħażina imma fuq il-persważjoni fl-argument.

Id-dipendenza

Għalija l-qasam tal-benesseri mhux vera qed iservi biex jixpruna n-nies imma qed ijassar f’ħafna sitwazzjonijiet. 

Il-mod kif naħsbu fuq is-servizzi soċjali jrid jinbidel radikalment. Irridu naraw servizzi soċjali li jwieżnu fil-mument diffiċli imma fl-istess waqt wieħed jgħin lil persuni li qed jieħdu das-servizz/benefiċċju biex ikompli għaddej fil-ħajja mingħajr din id-dipendenza.

Jidher li aktar milli dawn is-servizzi qed jgħinu lil persuna qegħdin anzi joħolqu bżonn akbar. 

Il-benesseri kienu magħmulin u maħluqa biex jagħtu opportunità ħalli jinbnew il-pontijiet mas-soċjetà imma minflok qiegħed fil-verità jagħmel il-kontra u qed jikkawża aktar dipendenzi. 

U x’neħtieġu biex dan jinbidel? 

Irridu nisimgħu x’qed jiġri.

Irridu nsibu mekkaniżmi li jassigurawna li jekk persuna tajtha l-għajnuna ma tkunx ħallejtilha l-lixka fi griżmejha imma offrejtilha l-għodda biex tkun tista’ tagħmel il-pass li jmiss.

Il-welfare jekk mhux ħa nbiddlu l-mod kif se mmexxuh, jekk mhux se nagħmlu deċiżjonijiet politiċi kuraġġużi, ħa nibqgħu ngħaqdu fil-vojt u dak li jingħata llum ħa jibqa’ jkollhom bżonnu tul ħajjithom kollha!

Andrew Azzopardi jippreżenta ‘Għandi xi Ngħid’ fuq Radju Malta u Lecturer fl-Università ta’ Malta

Dr. Andrew Azzopardi jippreżenta Għandi xi Ngħid u lettur fl-Università ta' Malta
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook