Il-postponiment tal-Kunsilli Lokali

minn Graziella Galea

Matul dawn l-aħħar xhur smajna bil-proposta li l-Gvern jista’ jippostponi, jew aħjar, iħassar, l-elezzjonijiet li jmiss tal-Kunsilli Lokali, dawk tal-2015 u dawk tal-2017, u minflok dawn l-elezzjonijiet isiru fl-2019 mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Ir-raġunijiet li ngħataw mill-Gvern għal dan il-postponiment kienu varji. Iżda, minflok, għandna naraw ir-raġunijiet għala dawn l-elezzjonijiet għandhom fil-fatt isiru.

L-ewwel raġuni bażika u importanti għall-poplu Malti għala dawn l-elezzjonijiet għandhom isiru hi l-prinċipju tad-demokrazija. Jekk dawn l-elezzjonijiet ma jsirux ikun qed ifisser li minflok il-poplu ħa jiddeċiedi min huma, fl-opinjoni tiegħu, l-aħjar persuni għal-lokalità tiegħu, se jkun il-Gvern li jiddeċiedi min għandhom ikunu dawn il-persuni. B’hekk il-kunsilliera preżenti se jibqgħu fil-kariga, b’mod indipendenti jekk dawn humiex qegħdin jaqdu dmirhom jew le u kandidati ġodda li huma interessati li jagħtu kontribut lil-lokalità tagħhom mhux se jingħatalhom dan iċ-ċans. Demokrazija tkun waħda b’saħħitha jekk tiġi pprattikata, billi l-elezzjonijiet isiru kif suppost u billi jsiru kif stipulat kull perjodu ta’ snin u mhux jekk l-elezzjonijiet jiġu posposti għal diversi snin. Jekk l-elezzjonijiet ma jsirux dan ifisser li mhux se jkun hemm għażla mir-residenti u allura d-demokrazija ma nistgħux ngħidu li tkun waħda vera.

Id-dritt li nivvutaw se jiġi mċaħħad mhux biss lilna li aħna adulti iżda wkoll lil dawk iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena li ġew imwiegħda li mill-2015 se jibdew jivvutaw. Din il-wegħda ġiet imsarrfa permezz ta’ att li emenda l-att dwar il-Kunsilli Lokali, liema att kien hemm qbil fuqu bejn iż-żewġ naħat tal-kamra ftit tax-xhur ilu. F’din l-emenda hemm speċifikat id-data tal-2015, u hawn nikkwota: “Kull ċittadin ta’ Malta li, wara l-pubblikazzjoni tal-aħħar reġistru elettorali rivedut, ikun għalaq jew ikun se jagħlaq l-età ta’ sittax-il sena sal-ġurnata u inkluża dik il-ġurnata li tiġi minnufih qabel id-data li fiha għandha ssir l-elezzjoni tal-2015 ’il quddiem, ta’ Kunsilli Lokali jew ta’ Kumitati Amministrattivi, u li ma jkunx instab ħati ta’ xi reat li għandu x’jaqsam mal-elezzjoni ta’ membri ta’ Kunsill Lokali jew ta’ Kumitat Amministrattiv ikollu l-jedd jivvota fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Kumitati Amministrattivi”. Iżda, f’daqqa waħda, qegħdin naraw sitwazzjoni fejn jista’ jkun li dawn iż-żgħażagħ minflok se jivvutaw fl-2015 se jivvutaw fl-2019, u allura ta’ età ferm ikbar minn dik ta’ 16-il sena.

Meta kważi spiċċa s-sajf, u allura xhur wara li smajna b’din il-possibbiltà, bdiet il-konsultazzjoni dwar din il-proposta, konsultazzjoni li ħa ddum erba’ ġimgħat, u allura konsultazzjoni li ħa tispiċċa madwar ħames xhur qabel meta suppost se jsiru l-ewwel grupp ta’ elezzjonijiet, jiġifieri f’Marzu tal-2015. Meta, mbagħad, se tittieħed id-deċiżjoni dwar jekk l-elezzjonjiiet humiex ħa jsiru jew le ma nafux. Il-Gvern kien ilu xhur jisma’ diversi persuni, inkluż uħud li jħaddnu l-istess Partit tiegħu, li ma jaqblux li l-elezzjonijiet għandhom ikollhom id-data tal-elezzjoni mibdula. Li ssir il-konsultazzjoni hu pass importanti u tajjeb. Iżda, il-Gvern beda l-konsultazzjoni mhux biss tard wisq iżda se jkun qed jgħaġġel din il-konsultazzjoni minħabba li fi ftit xhur oħra suppost hemm l-ewwel grupp ta’ elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Nemmen li kull pass li jsir f’dak li għandhom x’jaqsmu l-Kunsilli Lokali għandu jkun pass li bih jissaħħu l-Kunsilli Lokali. Pereżempju l-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw iktar poteri, u bla dubju, għandhom jingħataw iktar riżorsi u iktar fondi, b’mod indipendenti jekk isirux l-elezzjonijiet jew le. Żgur kulħadd jaqbel li l-valur ta’ żewġ miljun ewro, l-ispiża stmata għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, għandu jingħata lill-Kunsilli Lokali. Iżda m’għandniex ngħidu li dawn jingħataw jekk l-elezzjonijiet ma jsirux. Mhux biss għax il-Kunsilli Lokali jixirqilhom finanzjament ikbar iżda għax id-demokrazija m’għandhiex ikollha valur finanzjarju assoċjat magħha. Il-Gvern għandu jsib il-fondi neċessarji biex jiffinanzja b’mod aħjar il-Kunsilli Lokali, kif sab għal ħwejjeġ oħra.

Il-Kunsilli Lokali matul l-għoxrin sena li għaddew żgur li għenu sabiex il-lokalitajiet tagħna jimxu ’l quddiem. Nemmen, kif jaħsbu bosta oħrajn, li l-Kunsilli Lokali kienu, u sa issa għadhom, esperiment ta’ suċċess. U għalhekk bl-ebda mod ma għandna nwettqu xi ħaġa li biha dan l-esperiment, flok ikun wieħed ta’ suċċess, jinbidel f’wieħed ta’ falliment. Jekk l-elezzjonijiet jitħassru, inkunu qiegħdin innaqqru mid-demokrazija ta’ pajjiżna fir-rigward tal-Kunsilli Lokali. Inkunu qiegħdin ukoll, minflok insaħħu l-Kunsilli Lokali, nfarrkuhom biċ-ċans li dawn il-Kunsilli Lokali jisfaxxaw fix-xejn b’numru ta’ kunsilliera jkomplu f’kariga ferm itwal minn dik li suppost kellhom u b’kandidati prospettivi li ġew imċaħħda mill-possibbiltà li huma jkunu kunsilliera li lesti jaħdmu għall-ġid tar-residenti u tal-lokalità.

Ħafna drabi nitkellmu dwar il-kunċett tad-demokrazija. Iżda għandna wkoll naraw li dan il-kunċett jiġi rrispettat. Il-logħob mad-Demokrazija qatt m’għandu jkun aċċettat.

Graziella Galea hi President tal-Kulleġġ Kunsilliera Lokali Partit Nazzjonalista

More in Il-punt