Kemm se ndumu nikkonsultaw?

Il-Malti fil-mezzi tax-xandir

L-Awtorità hija marbuta bil-liġi li tara li l-Malti huwa mħaddem tajjeb u kif jixraq fil-mezzi tax-xandir
L-Awtorità hija marbuta bil-liġi li tara li l-Malti huwa mħaddem tajjeb u kif jixraq fil-mezzi tax-xandir

Minn Charles Flores

Nifhem il-ħtieġa li ħwejjeġ li jolqtu direttament u indirettament lill-pubbliku, liċ-ċittadin, għandhom qabelxejn ikunu mwassla f’forma ta’ konsultazzjoni. Hekk biss nistgħu ngħidu li nkunu qegħdin nirrispettaw lil kull min ikollu interess f’dak li jkun qed jiġi propost u għaldaqstant jingħata l-opportunità jsemma’ leħnu bl-aktar mod ħieles u demokratiku.

Dan jgħodd għal kollox, minn żvilupp u inizjattivi kummerċjali sa bidliet fi triqat u rotot u skemi ta’ kontroll u sorveljanza dwar aspetti differenti tal-ekonomija u l-kultura tagħna, fost oħrajn. Xejn inqas dwar it-tħaddim tal-ilsien Malti fil-mezzi tax-xandir f’pajjiżna fejn bħalissa għaddej massakru sħiħ li qed jinkwieta bis-serjetà lil ħafna nies – mhux dawk biss li jħobbu l-Ilsien Nazzjonali tagħna, iħaddmuh u jużawh kull fejn ikunu f’dawn il-gżejjer, iżda saħansitra barranin li japprezzaw il-ġmiel ta’ lsienna u jemmnu fil-ħarsien ta’ ilsna u kulturi differenti f’dinja li kull ma tmur riesqa lejn lingwa komuni waħda.

Ma rridux ninsew li l-ilsien Malti huwa l-lingwa nazzjonali tagħna, li tagħtina identità. Lingwa żgħira ħafna, iżda ewlenija fl-ambjent tagħha, jiġifieri l-konfini tal-gżejjer Maltin u, xi ftit, fost il-komunitajiet Maltin fl-Awstralja, l-Kanada u xi pajjiżi oħra. Dan ifisser li l-Malti mhux l-ilsien tal-minoranza fostna, iżda tal-maġġoranza. Dan irriżulta minn stħarriġ wara l-ieħor li sar, anke minn dawk li kienu maħdumin “bizzilla” biex jagħtu riżultat kuntrarju!

Fid-dawl ta’ diversi realtajiet, l-aktar mod effettiv kif jitkisser il-Malti huwa billi jkun injorat jew imwassal b’mod miskin fil-mezzi tax-xandir tagħna. Li jinstabu metodi kif jitqassar u jitħaddem fuq it-telefon tal-but, ma ġara xejn. L-istess jekk fuq il-bankini u fil-ħwienet inkomplu nagħmlu mill-Malti dik il-magna lingwistika enormi li minn dejjem kien – tibla’, tassorbi, tixrob u tiġi misqija minn għejjun lingwistiċi tal-mument.

Iżda fejn jidħol ix-xandir, storj’oħra. Huwa meta l-lingwa tkun intenzjonalment injorata għal kollox li tixgħel il-bozza l-ħamra. Issa ilna wisq u wisq snin inħallu lil min iwarrab għal kollox il-Malti meta jkun fuq ir-radju jew it-televiżjoni jitkellem dwar prezzijiet, numri, numri tat-telefon, qisien, etajiet, piżijiet, ilwien, u saħansitra ismijiet ta’ pajjiżi u bliet. Speċjalment fejn jidħlu r-reklami, qegħdin nassistu għal traġedja li żgur l-ebda awtorità lingwistika/kulturali fi ħdan l-Unjoni Ewropea ma tista’ taċċettaha jew tberikha.

Fil-livell nazzjonali, għandna l-Awtorità tax-Xandir li, ngħiduha kif inhi, ilha tipprova tara kif se trażżan l-abbużi sfaċċati li qegħdin iseħħu, u magħha kien hemm u għad hemm jaħdem u jistinka l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Ma nafx kemm-il rapport sar, kemm-il studju nħadem, kemm laqgħat u seminars issejħu u kemm linji-gwida nħarġu. Dawk kollha li għandhom sehem fil-qasam tax-xandir ilhom is-snin ikunu kkonsultati. Uħud minnhom jifhmu l-preokkupazzjoni tal-Awtorità u ta’ ħafna nies, iżda oħrajn webbsu u għadhom iwebbsu rashom u jinsistu li ħadd m’għandu jindaħlilhom, bl-iskuża li f’Malta għandna żewġ ilsna uffiċjali (deċiżjoni kolonjali ta’ żmien l-Ingliżi) u għalhekk jistgħu jħalltu u jballtu kif iridu u meta jridu.

Dan m’għandux ikun il-każ. L-Awtorità hija marbuta bil-liġi li tara li l-Malti huwa mħaddem tajjeb u kif jixraq fil-mezzi tax-xandir. Fil-fehma tiegħi wriet ħafna u ħafna perseveranza u prudenza, anki jekk l-ironija hi li waqt li tinħareġ multa mingħajr tingiż tal-kuxjenza lil min jinsa xi flixkun tal-inbid - bit-tikketta tidher - fuq mejda waqt programm televiżiv, fejn jidħol il-Malti noqogħdu nittutibaw. Bħalha għamel il-KNM u għaqdiet oħra fil-pajjiż, għalkemm il-verità għandha tingħad – kien hemm ċertu progress f’ċerti rkejjen, partikolarment l-aħbarijiet fuq l-istazzjon nazzjonali. 

Imma kemm se ndumu nikkonsultaw? Issa l-Awtorità dan l-aħħar nediet dokument għall-konsultazzjoni dwar l-użu tajjeb tal-ilsien Malti fix-xandir. Dan ifisser li dak li sar qabel, patafjun studji, rapporti u konsultazzjonijiet, irridu ninsewh u naraw x’qegħdin jgħidu l-erwieħ tajba llum? 

Għall-kliem sabiħ u d-dawrien mal-lewża metaforika, fittixna u sibna. L-Awtorità issa qed tipproponi numru ta’ bidliet fir-regolamenti maħruġa fl-2010, iva, qrajt sew, erba’ snin ilu, rigward l-użu tajjeb tal-ilsien Malti fil-mezzi kollha tax-xandir. Qed tisħaq li għandha dmir li tieħu l-miżuri kollha li hemm bżonn – dażgur li għandha – biex “tqajjem kuxjenza għall-użu tajjeb tal-Malti b’mod effettiv u raġonevoli.” Mur obsor.

Il-ħsara li saret tul dawn l-aħħar erba’ snin ma tistax titkejjel. Għadna ta’ kuljum nisimgħu u naraw lil min jgħaffeġ u jħawwad, waqt li saħansitra jirrifjuta li jaċċetta li jinsab fl-iżball u jrid li r-raġun jingħata lilu. Forsi għalhekk li kien deċiż li jitnaqqsu l-multi ma jmurx ifalli xi ħadd minn dawn li jaqbdu u jimpjegaw ġurnalisti u xandara li ma jafux iħaddmu l-għodda fdata f’idejhom – il-lingwa?

Naf li sikwit ninstema’ iebes dwar dan is-suġġett u jista’ jkun li anki nnaffar xi ħbieb u kollegi li, naċċertahom, għandi kull rispett lejhom u lejn l-istrateġija li jippreferu jaħdmu fuqha. Imma kif stqarret l-attriċi Meryl Streep dan l-aħħar, “m’għadx baqagħli paċenzja dwar ċerti ħwejjeġ, mhux għax inħossni li sirt arroganti, imma sempliċiment għax wasalt f’punt f’ħajti fejn ma rridx naħli aktar żmien fuq dak li jdejjaqni u jkiddni... Ma rridx aktar li nikkoeżisti permezz tal-pretensjoni, tal-ipokresija, d-diżonestà u t-tifħir sfaċċat fil-wiċċ... M’għadx baqagħli paċenzja ma’ min ma jixraqlux il-paċenzja tiegħi.”

Il-punt tiegħi huwa wieħed u ċar: ma baqax aktar żmien għal prokrastinazzjoni u telqa fejn jidħol l-Ilsien Nazzjonali tagħna kif imwassal u mħaddem fil-mezzi tax-xandir.

More in Il-punt