Il-mixja tal-Partit Nazzjonalista

minn Ann Fenech

Il-PN konsistentament, mill-Indipendenza ’l hawn offra viżjoni lill-pajjiż, minn pajjiż tat-Tielet Dinja għall-pajjiż żviluppat, sofistikat, membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea
Il-PN konsistentament, mill-Indipendenza ’l hawn offra viżjoni lill-pajjiż, minn pajjiż tat-Tielet Dinja għall-pajjiż żviluppat, sofistikat, membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea

Din l-aħħar sena u nofs ma kinitx faċli għall-Partit Nazzjonalista. Iżda kienet sena u nofs ta’ ħidma u b’sodisfazzjon kbir illum nistgħu ngħidu li “we are back on track.”

Wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, waħda mill-ewwel affarijiet li għamel il-partit kien li ikkummissjona rapport tat-telfa. Dan kien eżerċizzju serju ferm li ħareġ b’diversi rakkomandazzjonijiet. Fl-istess żmien il-Kap Simon Busuttil beda jwaqqaf diversi kummissjonijiet oħrajn sabiex jidħlu aktar fil-fond ta’ xi wħud mill-problemi li kien hemm. Fosthom waqqaf il-Kummissjoni dwar l-Għażla tal-Kandidati li qed tagħmel xogħol siewi ferm, il-Kummissjoni Finanzi li kkonkludiet rapport dettaljat li pprovda l-bażi tar-riformi li jridu jseħħu, waqqaf ukoll il-Kummissjoni li ħadmet fuq l-istatut il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

Ix-xogħol ta’ din l-aħħar kummissjoni, irriżulta fl-adozzjoni tal-istatut il-ġdid mill-Kunsill Ġenerali. L-istatut il-ġdid ħareġ b’ideat innovattivi u ġodda li indirizzaw ħafna minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet li kienet għamlet il-kummissjoni dwar it-telfa. Problema ewlenija kienet il-konnettività man-nies, ir-ri-integrazzjoni ta’ eluf ta’ persuni li għalkemm kienu jemmnu li l-Partit Nazzjonalista kien l-aħjar partit biex jiggverna l-pajjiż, ħassew li għal diversi raġunijiet kien iddistakka ruħu mhux biss minn persuni iżda minn faxex sħaħ tas-soċjetà Maltija. Din kienet l-ewwel ħaġa li kellha tiġi indirizzata.

L-istatut il-ġdid għalhekk jagħti ħafna attenzjoni sabiex din il-problema tingħeleb. Għalhekk l-istatut jipprovdi għall-fergħat ġodda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u jipprovdi għall-policy fora. Fl-istess ħin, kien hemm u għad hemm diversi domandi dwar kif il-partit se jassigura li l-iżbalji li saru ma jerġgħux jirrepetu ruħhom. U anke hawn l-istatut il-ġdid ħareġ bl-idea innovattiva li għandu jitwaqqaf Bord tar-Reviżuri.

Dwar il-fergħat il-ġodda, dawn bdew jiffurmaw ruħhom u llum qed jiffunzjonaw u jaħdmu sew. Fost il-fergħat il-ġodda ġew maħluqa l-Forum Negozji Żgħar u Medji, il-Forum Opportunitajiet Indaqs, il-Forum Professjonisti, il-Kulleġġ tal-Eks Deputati u oħrajn. L-iskop ta’ dawn il-fergħat il-ġodda huwa li jkunu huma l-medium sabiex nies minn kull qasam tas-soċjetà Maltija jħossuhom li għandhom il-post tagħhom fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Dan hu eżerċizzju importantissimu. Jgħin sabiex jekk kien hemm min, għall-diversi raġunijiet ħassu emarġinat, jew anke ħassu eskluż, issa jistgħu jaraw b’għajnejhom li għandhom post fi ħdan l-istrutturi tal-partit. B’hekk dawn il-persuni jkunu jistgħu jesprimu l-ideat tagħhom, jwasslu l-ħsibijiet ta’ nies li jirrappreżentaw u l-aktar importanti jiftħu għajnejn l-uffiċjali tal-partit u d-deputati Nazzjonalisti dwar verament xi jkunu qegħdin jgħidu dawn il-faxex kollha tas-soċjetà.

Dawn il-fergħat għalhekk se jgħinu sabiex il-Partit Nazzjonalista jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fost in-nies.

Dwar il-policy fora, dawn ġew imħabbra mill-Kap tal-Partit Dr. Simon Busuttil waqt l-Eżekuttiv li ltaqa’ f’Lulju. Nixtieq hawn niftaħ parentesi żgħira u ngħid li jekk il-partiti l-oħra ħadu vaganza dan is-sajf, il-Partit Nazzjonalista mhux talli ma ħax vaganza iżda baqa’ għaddej b’ritmu li ma jaqtax. Il-laqgħat tal-Eżekuttiv baqgħu għaddejjin u huma f’dawn il-laqgħat li jittieħdu d-deċiżjonijiet, iżda qabel proposta ma tasal quddiem l-Eżekuttiv għal deċiżjoni, ikun sar ħafna u ħafna xogħol fi tfassil u ppjanar. Għalhekk xogħol fuq il-policy fora ilu għaddej u f’Lulju dawn ġew approvati. L-iskop wara dawn il-policy fora huwa wieħed sempliċi. Huwa fatt li l-Partit Nazzjonalista konsistentament, mill-Indipendenza ’l hawn kien dak il-partit li offra viżjoni lill-pajjiż bil-ħolqien ta’ niċeċ sħaħ li biddlulna ħajjitna u li eżaltaw lil dan il-pajjiż minn pajjiż tat-Tielet Dinja għall-pajjiż żviluppat, sofistikat, membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. 

Kienu l-policies tal-Partit Nazzjonalista li ssarfu fil-ħolqien ta’ setturi sħaħ tal-ekonomija li tant ġabu lil dan il-pajjiż ’il quddiem. Is-settur marittimu, is-settur tas-servizzi finanzjarji, is-settur tal-informatika, is-settur tal-avjazzjoni, is-settur tal-farmaċewtika. U għalhekk minkejja li l-Partit Nazzjonalista issa qiegħed fl-Oppożizzjoni, dan irid ikompli jaġġorna l-politiki tiegħu bi preparazzjoni għal meta jerġa’ jkun fil-gvern. Il-policy fora li tħabbru huma f’għaxar oqsma: L-Ekonomija u x-Xogħol, Politika Soċjali, Edukazzjoni, Saħħa, Ambjent, Agrikoltura u Sajd, Kultura u Kreattività, Ġustizzja u Intern, Affarijiet Ewropej u Barranin, Għawdex u forum ġenerali Viżjoni fit-Tul għall-Pajjiżna.

Dawn il-policy fora ġew imxandra u qed nistiednu lil kull min jixtieq jipparteċipa u jsemma leħnu sabiex jgħidilna. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li sa issa l-konkorrenza hija inkoraġġanti bil-parteċipazzjoni ta’ nies diversi, inkluż esperti rinomati fil-qasam tagħhom, li mhumiex tradizzjonalment assoċjati mal-politika partiġġjana imma li jridu jipparteċipaw f’dan il-proġett interessanti.

Fl-aħħar, kelma dwar il-Bord tar-Reviżuri. Irridu naċċertaw li l-mankanzi amministrattivi u organizzattivi li seta’ kien hemm ma jirrepetux ruħhom. It-tmexxija tal-partit hija determinata li dan il-partit jiffunzjona abbażi ta’ strutturi sodi, ippjanati u organizzati. Dan hu s-sigriet ta’ kwalunkwe organizzazzjoni li taspira li teċċella. Jien tal-fehma li m’hemm ebda differenza bejn organizzazzjoni privata u partit u li biex illum partit jirnexxi jrid ikun organizzat u strutturat u jrid jassigura li s-sistemi u l-istrutturi li għandhom jaħdmu u jaħdmu sew. Għalhekk il-Kap tal-Partit Simon Busuttil talab lill-Amministrattiv u l-Eżekuttiv tal-Partit għall-approvazzjoni għat-twaqqif tal-Bord tar-Reviżuri. Dan il-Bord se jkun responsabbli li jevalwa kontinwament l-istrutturi amministrattivi kollha tal-partit inkluż l-operat tal-organi diversi u r-ristrutturar finanzjarju. Dan se jkun f’forma ta’ awditjar tal-operat tal-partit li se jgħin il-partit jissaħħaħ. Kull entità li taspira li teċċella bilfors irid ikollha sistema ta’ awditjar u dan għandu japplika wkoll għall-partiti politiċi u dak li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista.

Forsi issa tistgħu tifhmu aħjar għaliex jiena bdejt dan l-artiklu billi għedt, “We are back on track.” Sar ħafna xogħol f’dawn l-aħħar ħmistax-il xahar, xogħol li issa qed jibda jħalli l-frott.

Dr. Ann Fenech hija President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista

More in Il-punt