“Irrid PN imġedded” - Chris Said

Jien fiduċjuż li naslu, iżda biex dan iseħħ jeħtieġ li lkoll nifhmu l-ħtieġa li nkomplu niġġeddu.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Chris Said
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Chris Said

“Biex erba’ snin oħra nerġgħu nirbħu l-fiduċja tan-nies għandna bżonn inkomplu niġġeddu; fil-mod kif naħdmu, kif naħsbu u kif naġixxu” dan hu parti mill-messaġġ li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista jisħaq fuqu f’artiklu esklussiv għall-ILLUM.

Min jafni jgħid li m’għandix kwiet - veru, u lanqas wisq sabar meta naf li hemm bidliet importanti xi nkomplu nwettqu biex nerġgħu nqajmu l-PN fuq saqajh. M’hemmx ħin x’naħlu, iż-żmien itir - diġà għaddiet sena u nofs fl-oppożizzjoni, u għalkemm diġà wettaqna bidliet importanti, fadlilna ħafna aktar x’nagħmlu. Għad fadlilna l-iktar ħaġa importanti: nikkonvinċu lill-poplu li nbdilna għall-aħjar u li jista’ jafdana. Fadlilna x’naqdfu. Dan hu proċess li jieħu ż-żmien, imma nirnexxux jew le jiddependi minna. Jien determinat u fiduċjuż.

Fl-ewwel sena tagħna fl-oppożizzjoni wettaqna bidliet meħtieġa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. L-iktar bidla kruċjali kienet il-qagħda finanzjarja tal-kumpaniji kummerċjali tal-partit - ewlenin fosthom it-televixin u l-gazzetti li maż-żmien bdew iħallu telf finanzjarju sostanzjali. Kellna nwaqqfu din in-nixxiegħa b’deċiżjonijiet xejn faċli - iżda meħtieġa.  

Illum, b’sodisfazzjon, ngħid li n-nixxiegħa waqqafniha u t-televixin u l-gazzetti tagħna m’għadhomx jagħmlu telf. Dħalt b’ruħi u ġismi biex din il-bidla stajna nwettquha b’suċċess. Illum sodisfatt li bdejna nilħqu l-miri ambizzjużi li poġġejna sena u nofs ilu - iżda l-aspirazzjonijiet tagħna huma kbar. 

Matul dawn il-ġranet qed inwettqu bidliet sinifikanti fl-operat tal-mezzi tagħna, b’taħlita ta’ esperjenza u ideat friski fit-tmexxija ta’ NET TV u l-gazzetti tagħna. Se nkunu qed inwettqu bidliet ukoll fit-tmexxija tal-kumpaniji kummerċjali tagħna, filwaqt li fix-xhur li ġejjin se nkun, bħala Segretarju Ġenerali, nista’ niffoka aktar fuq il-ħidma politika f’Għawdex u f’Malta.

Strutturi ġodda

L-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista kien jeħtiġilhom żabra tajba, filwaqt li kien hemm ukoll il-ħtieġa ta’ strutturi ġodda. Il-fergħat, li ilhom snin twal jagħtu servizz lill-partit, tajnihom l-attenzjoni tagħna. Daħlet arja friska mhux biss ta’ wċuħ ġodda imma fuq kollox ta’ ideat ġodda. Nies li tbiegħdu mill-partit, jew qatt ma resqu lejh, bdew jagħtu l-kontribut tagħhom f’dawn il-fergħat u waqqafna strutturi ġodda - fosthom għall-opportunitajiet indaqs, tal-professjonisti u tal-SMEs, li huma l-qofol tal-ekonomija Maltija.

Konvenzjoni

F’Ottubru se nlaqqgħu l-ewwel konvenzjoni politika - bis-sehem wiesa’ tat-tesserati u nies minbarra l-partit, kif wegħedna meta ġeddidna l-istatut tagħna. Se tkun konvenzjoni li tħares lejn il-kisbiet li għamilna fil-ħamsin sena ta’ Indipendenza, mhux biex nintilfu fin-nostalġija, imma biex nitgħallmu mill-kisbiet li għamilna u naraw kif dawn se jservu ta’ pedamenti għall-ħamsin sena li ġejjin.

Illum qegħdin fl-Oppożizzjoni, u mill-Oppożizzjoni jeħtiġilna nħarsu lejn il-ġejjieni ta’ pajjiżna u nidentifikaw dak li hu meħtieġ biex Malta tagħna tkompli tkun suċċess - għall-poplu tagħha u l-ħaddiema beżlin, li huma l-unika imma l-aqwa riżorsa li pajjiż qatt jista’ jkollu. 

Għalhekk li permezz tal-konvenzjoni se nwasslu messaġġ politiku ċar: Partit Nazzjonalista mġedded, li fehem fejn naqas u sogħbien fejn weġġa’ u ma fehemx lill-elettorat, imma determinat li jerġa’, fi żmien qasir, ikun forza politika b’saħħitha u aġent denju għal bidla għall-aħjar kif jixraqlu pajjiżna.

Esperjenzi

Flimkien mal-Kap tagħna Simon Busuttil qed inżommu kuntatt kontinwu man-nies. Dan hu l-aqwa eżerċizzju politiku - man-nies biex nifhmu aħjar x’inhuma l-aspirazzjonijiet u l-isfidi tagħhom. 

Tiltaqa’ ma’ esperjenzi differenti. Nies li fl-aħħar elezzjoni vvutaw Labour għall-ewwel darba u llum diżappuntati għax sabu li Malta mhux tagħhom ukoll; oħrajn li għadhom qed jittamaw li l-Labour se jwettaq dak li wiegħed; oħrajn kuntenti bil-Gvern; Laburisti li jħossu li l-partit tagħhom neża, darba għal dejjem, il-libsa soċjali tiegħu; persuni li għal snin twal appoġġjaw lill-PN iżda fl-aħħar elezzjoni ma vvutawlux - illum qed iħossuhom aktar komdi bil-PN; u oħrajn li għadhom irrabjati għalina – ma’ dawn tal-aħħar qed nagħmlu ħilitna biex naraw kif nistgħu nerġgħu nirbħu l-fiduċja tagħhom, mhux b’wegħdi fierħa, jew billi nkunu populisti, iżda billi nuruhom li fhimna fejn żbaljajna u qed nagħmlu sforz ġenwin li ninbidlu għall-aħjar.

Kandidati ġodda

F’Settembru l-Partit Nazzjonalista se jħabbar l-ewwel kandidati tiegħu għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Kważi erba’ snin qabel - iżda hekk hu meħtieġ biex minn issa l-kandidati tagħna jibdew jaħdmu u jiltaqgħu mal-familji f’Għawdex u f’Malta. 

Kif jgħaddu dawn il-ftit ġranet ta’ mistrieħ irridu nxammru l-kmiem. M’hemmx żmien x’naħlu. Se naraw li jkollna kandidati ġodda u li jirrappreżentaw firxa sħiħa tal-elettorat; kandidati li n-nies jidentifikaw ruħhom magħhom. Kandidati li kapaċi jagħtu bixra ġdida lill-Partit Nazzjonalista. 

Fejn sejrin

It-triq twila u għat-telgħa. Is-sena l-oħra tlifna b’distakk kbir - u l-istess fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Imma jkun żball jekk naqtgħu qalbna. Jien fiduċjuż li naslu, iżda biex dan iseħħ jeħtieġ li lkoll nifhmu l-ħtieġa li nkomplu niġġeddu. B’kulħadd nifhem mid-deputat Nazzjonalista, għall-kandidat, mit-tesserat għall-voluntier, mill-membru tal-fergħat għal dak fil-kumitat sezzjonali u, mhux l-inqas, kull min baqa’ jappoġġja lill-PN bil-vot tiegħu. 

It-tiġdid qatt mhu proċess faċli, iżda mingħajru ma naslux. Biex erba’ snin oħra nerġgħu nirbħu l-fiduċja tan-nies għandna bżonn inkomplu niġġeddu: fil-mod kif naħdmu, kif naħsbu u kif naġixxu. Mhux biżżejjed nikkritikaw lill-Gvern fejn jonqos, irridu nagħtu s-soluzzjonijiet tagħna avolja qegħdin fl-Oppożizzjoni. Hekk qed nagħmlu fid-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà, fis-settur tas-saħħa, dak tax-xogħol, u fid-dinja tal-informatika - hekk jeħtiġilna nkomplu nagħmlu f’kull qasam. 

Il-poplu jafdana jekk jarana bħala gvern alternattiv u partit b’viżjoni. Jekk nonqsu milli nagħmlu dan il-partit tagħna jkun destinat li jibqa’ fl-Oppożizzjoni. 

B’rieda, b’kuraġġ u b’determinazzjoni naslu. Jien ukoll irrid Partit Nazzjonalista mġedded. 

Dr Chris Said huwa s-Segretarju Ġenerali tal-PN

More in Il-punt