Ittri Il-punt Blogs

Il-qattusa għaġġelija li għamlet frieħ għomja

Il-Punt

Minn Kevin Plumpton

President tal-MŻPN u Kandidat għall-Parlament Ewropew

18 t'Awwissu 2014 15:49
Kevin Plumpton
Il-liġi li għadda b’għaġla enormi l-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat u li permezz tagħha ċ-ċittadinanza Maltija saret tista’ tinxtara għal valur ta’ €650,000 u mingħajr ebda obbligu ieħor, ma tistax ħlief tiġi deskritta bħala liġi li l-Gvern għamel bl-għaġla u li f’qasir żmien diġà qiegħda turi li kienet pass falz.

Liġi li f’temp ta’ ġimgħa, l-Gvern Laburista sab ruħu dahru mal-ħajt, iffaċċjat bil-kritika tal-poplu Malti, ffaċċjat bil-mezzi tax-xandir internazzjonali li messħet l-art bir-reputazzjoni ta’ Malta u ffaċċjat b’Oppożizzjoni Nazzjonalista li baqgħet konsistenti u kostruttiva f’kull ħin u mument. Gvern li sab ruħu fis-sitwazzjoni mbarazzanti li wara li ċaħad kull emenda mressqa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista u wara li attakka bl-aħrax lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, kellu jagħmel u-turn assoluta u jdur għall-proposti tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu Simon Busuttil.

Gvern li l-ewwel għamilha legali li f’Malta jkollna ċittadini anonimi mbagħad b’sempliċi telefonata minn Sri Lanka biddel il-pożizzjoni tiegħu għalkemm għadu jinsisti li l-liġi f’dan ir-rigward ma jibdilhiex bil-kitba. Gvern li l-ewwel qal ‘le’ lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista meta din offriet li jkun hemm sforz bejn iż-żewġ naħat tal-kamra sabiex jinstab kunsens għal pożizzjoni fejn Joseph Muscat, u issa qal li jekk ma jinstabx kunsens lest imur għal verdett tal-poplu.

Bħala l-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista nistqarr li jien kburi li flimkien ma’ sħabi tal-MŻPN għamilna appell ċar lill-Gvern ftit qabel il-vot finali fil-parlament. Appell sabiex jinstab kunsens nazzjonali u sabiex ma tidħolx liġi li kulma tagħmel huwa tiftaħ skema ta’ bejgħ sempliċi. Appell li d-deputati tal-Partit Laburista njoraw għal kollox għaliex b’mod unanimu vvutaw favur din il-liġi. Appell iżda li ma kienx biss l-għajta tiegħi u tal-MŻPN iżda l-għajta tal-poplu tant li issa qed naraw lil Joseph Muscat ikollu pass wara pass jersaq dejjem aktar viċin lejn din il-pożizzjoni.

Nistqarr li skantajt b’mod pożittiv bir-reazzjoni tal-poplu għal dak li għamilna u għidna bħala MŻPN. Il-poplu fehem li aħna ma konniex qed inkunu partiġġjani. Fehem li l-interess tagħna ma kienx sempliċi punti politiċi iżda l-interess nazzjonali. Tant kien ċar li l-interess tagħna kien l-interess nazzjonali li anke bosta mezzi tax-xandir barranin għażlu li jużaw ritratti u filmat tal-protesta tagħna quddiem il-Palazz sabiex juru li s-sentiment popolari fil-pajjiż kien kontra din il-liġi infami li għadda bl-aktar mod arroganti dan il-Gvern.

Id-differenza bejn l-għaġla ta’ Joseph Muscat u l-għaqal u s-sens ta’ responsabbilità nazzjonali ta’ Simon Busuttil kompliet toħroġ fil-beraħ bl-attitudni li wera l-Prim Ministru minn mindu l-liġi ġiet approvata u d-diskors ta’ Simon Busuttil fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista l-ġimgħa li għaddiet. Diskors li fih bl-aktar mod ċar Simon Busuttil qagħad lura milli jħalli l-emozzjonijiet żejda jmexxu. Diskors ta’ xi ħadd li filwaqt li kellu opportunità tad-deheb li jagħmel punti politiċi minflok, għażel li jagħmel diskors denju ta’ mexxej tal-Partit Nazzjonalista u denju ta’ potenzjal futur Prim Ministru.

Diskors li kompla jikxef kif bid-deċiżjoni mgħaġġla tiegħu Joseph Muscat umilja lil Malta quddiem id-dinja. Deċiżjoni mgħaġġla b’konsegwenzi mill-aktar negattivi għal pajjiżna fosthom impatt negattiv fis-settur finanzjarju tant essenzjali għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Deċiżjoni li ħamritilna wiċċna ma’ sħabna l-pajjiżi Ewropej. Diskors ta’ Simon Busuttil li għal darb’oħra wera Partit Nazzjonalista li huwa pożittiv fl-attitudni tiegħu, kostruttiv fil-kritika u oppożizzjoni tiegħu iżda fl-istess waqt determinat li jiddefendi l-interess ta’ dan il-pajjiż diffiċli kemm hi diffiċli l-isfida li jiffaċċja biex jagħmel dan.

Għal darb’oħra bid-diskors tiegħu, Simon Busuttil wera li l-Partit Nazzjonalista għandu mexxej li tassew jgħożż l-interess ta’ dan il-pajjiż. Kburi li kemm bħala President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista kif ukoll fil-kapaċità personali tiegħi tajt il-kontribut tiegħi u bi ħsibni nibqa’ nagħti l-kontribut assolut tiegħi f’dan il-mument li pajjiżna tant għandu ħtieġa.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook