Int tieħu?

minn Matthew Agius

Id-droga – tabù li nibżgħu nitkellmu fuqu qisu xi xitan li m’għandniex insemmu ismu. Hu x’inhu però d-droga xorta qiegħda hemm. Irridu nibdlu l-ħsieb tagħna biex nifhmu x’qiegħed jiġri fil-prattika, fit-triq. Qegħdin nitkellmu fuq realtà soċjali li kibret u nfirxet tant li ma nistgħux nibqgħu naħsbu fuqha bil-mentalità ta’ żmien ilu. M’għadhiex xi ħaġa ġdida iżda xi ħaġa li ppenetrat ċrieki soċjali differenti minn persuni li forsi lanqas wieħed jgħaddilu minn moħħu.

F’dan il-kuntest x’se nagħmlu?

L-ewwel ħaġa hija intrinsika. Irridu nibdlu l-ħsieb li naħbuha u nieqfu nippruvaw naħsbu li mhux qiegħda hemm u allura naċċettaw li din hija realtà madwarna li qegħdin ngħixu fiha. M’iniex qed ngħid li l-għajnuna ta’ riforma li qed tingħata ma salvatx ħajjiet u familji, u lanqas m’jien qed ngħid li l-ġlieda kontra t-traffikar saret għalxejn. Imma jekk il-ġlieda ma ntrebħitx, irridu nammettu li l-metodu li bħala pajjiż ħsibna dwar id-droga fiċ-ċirkostanzi tal-lum falla.

Id-droga tittieħed minn individwu, minn persuna – jista’ jkun xi ħadd li taf, jista’ jkun ħuk, stajt kont int. Hawn irridu qabel kollox nifhmu li din il-persuna hija vittma. Jekk ma nagħmlux din il-qabża u nibqgħu mwaħħlin nahsbu li tali persuna hija kriminali u għandha tiġi ttimbrata ta’ ‘drogat’ u jġorr dan it-timbru matul ħajtu, allura qegħdin ngħidu lil din il-persuna li għaliex weħlet fl-għanqbuta tal-brimba issa tista’ tinqered. Mhux hekk li rridu nagħmlu, imma l-anqas li qisu ma ġara xejn. Irid ikun hawn sistema ta’ għajnuna individwalizzata skont il-każ u skont it-tip ta’ droga u skont l-istadju li l-individwu wasal fih. Din ir-riabilitazzjoni trid tifhem u tirrifletti s-sitwazzjoni soċjali u psikoloġika tal-individwu u f’każijiet aggravati trid tiggwidah li mhux biss joħroġ mill-vizzju tad-droga imma jitħarreġ, isib impjieg u jibda ħajja ġdida. Irid jiġi segwit tul iż-żmien biex wieħed jara li r-riabilitazzjoni kienet ta’ suċċess u fejn ikun hemm sfidi wieħed jiġi mgħejun biex ma jerġax jaqa’. 

Irridu wkoll nifhmu l-element rekreazzjonali tad-droga. Hawn min jgħid li kapaċi jiddeċiedi hu meta u kemm jieħu u li jieħu ftit biex jieħu pjaċir u mhuwiex ossessjonat. Iżda bħal ma jgħidu Rome wasn’t built in a day għal affarijiet pożittivi, l-istess jista’ jingħad għal dawk negattivi. Jekk titkellem ma’ min għadda mill-vizzju tad-droga mhux se jgħidlek li kien jaf f’hiex se jiġi u li meta beda jieħu, kien jieħu t-tip u l-ammonti ta’ droga li kien jieħu meta wasal fil-punt li mess il-qiegħ.

Il-White Paper li niehda l-Gvern toffri bażi tajba għad-diskussjoni iżda hemm numru ta’ dettalji li jridu jiġu diskussi. Kif jgħid l-Ingliż, the devil is in the detail. Wieħed irid jistaqsi dwar hux se jkun hemm effett ta’ iżjed persuni li jazzardaw jippruvaw id-droga, u jekk iva, x’se jsir biex ma jkunx hemm dan l-effett? Wieħed irid jistaqsi dwar x’inhu l-ħsieb li droga waħda partikolari – il-ħaxixa – qiegħda titpoġġa għaliha fil-White Paper. Ma nafx ngħid jekk din saritx bi ħsieb politiku biss – jew inkella jekk hux b’riflessjonijiet ibbażati fuq ir-riċerka, fuq x’jaħsbu l-esperti bħal dawk mediċi u dawk psikoloġiċi, u fuq studju sew ta’ x’qiegħed jiġri hemm barra. Hemm drogi oħra li qed jiżdiedu fil-popolarità tagħhom, allura bl-istess raġunament għaliex ma jidħlux ukoll fis-sezzjoni u l-ħsieb li hemm fil-White Paper għall-kannabis? 

Minn dan kollu jinħass in-nuqqas ta’ azzjoni tanġibbli li tinżel bis-saħħa fuq it-traffikant – dak li qed iħaxxen butu bil-qerda tal-ħajjiet u l-familji ta’ oħrajn. Jekk pereżempju fil-każ tal-kannabis din se tiġi prattikament dekriminilazzata (għalkemm il-gvern m’għandux il-kuraġġ jgħidha direttament), il-konsum jista’ possibbilment jiżdied għaliex il-liġi se tkun ġiet rilassata. Allura x’qiegħed jingħad fil-White Paper biex tindirizza dan jekk jagħti l-każ? Mhux se jkun qed jirregolarizza l-provista jew jipprovdiha l-Gvern – allura lil dawk li jitraffikaw ħlief li possibilment se jżidilhom is-suq x’se jkun qed jagħmel fuqhom? Se jkunu qed jiġu applikati pieni b’mod iżjed aħrax? B’kemm se tiżdied in-nefqa tal-Gvern fuq il-ġlieda kontra d-droga? X’miżuri se jittieħdu biex wieħed jattakka l-fatt li hawn min jaf x’qiegħed jiġri imma l-azzjoni mhux dejjem qed tittieħed?

Aħna għalhekk bħala żgħażagħ għandna nħossuna responsabbli li nindirizzaw din id-diskussjoni li qed isseħħ f’pajjiżna bis-serjetà. Kif nafu, mhux taffettwa biss il-futur tagħna imma l-preżent ta’ numru minna jew ta’ żgħażagħ qrib tagħna. Huwa għalhekk li rridu nġibu flimkien lil kull min għandu rwol jew imiss ma’ din ir-realtà. Irridu fuq kollox nisimgħu lil min għadda minn din il-weġgħa soċjali għaliex żgur li jista’ jagħtina ħafna x’wieħed jixtarr. Irridu naslu għal kunsens nazzjonali b’saħħtu biex intejbu s-soċjetà li qed ngħixu fiha fil-kuntest tal-lum, anke jekk ifisser li wieħed jitlef il-voti jew il-karezza ma’ settur jew ieħor.

Matthew Agius huwa l-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista li bħalissa qiegħed imexxi konsultazzjoni dwar il-White Paper Riforma tal-Liġijiet dwar id-Droga.

More in Il-punt