L-istaġjonalità qawwija li jbati minnha Għawdex

minn Joe Muscat il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Tourism Association

Joe Muscat
Joe Muscat

“Hekk kif ninżel minn fuq il-vapur u nirfes fuq il-gżira ta’ Għawdex inħoss arja ta’ trankwillità, u kwiet u għalija verament tkun bdiet il-vaganza.” Din hija ammissjoni li nisimgħu kemm-il darba mlissna minn mijiet ta’ turisti kemm barranin kif ukoll dawk Maltin.

Dan huwa dak li kapaċi joffri Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta u differenti minn Malta. Dan huwa s-seħer u s-sabiħ ta’ din il-gżira żgħira, madankollu kbira fis-sbuħija naturali kif ukoll fil-wirt storiku u kulturali tagħha. Dan huwa l-pedament li fuqu hija bbażata l-industrija turistika Għawdxija u li fuqu rridu nkomplu nibnu u nsaħħu dan is-settur tant vitali għall-ekonomija tal-gżira Għawdxija.

Matul dawn l-aħħar erba’ snin in-numru ta’ turisti lejn il-gżejjer Maltin kompla jiżdied, tant li s-sena l-oħra laħaq il-figura ta’ miljun u sitt mitt elf turist barrani. Għawdex, wkoll irreġistra żieda fin-numri ta’ turisti barranin li qattgħu lejl jew iktar f’akkomodazzjoni fil-gżira fustanija. Tant li miċ-ċifri joħorġu żidiet sena wara l-oħra, li jindikaw xejriet pożittivi dwar it-tkabbir turistiku f’Għawdex. 

Madankollu għad fadal diversi ostakli li destinazzjoni Għawdex trid tissupera sabiex tabilħaqq tilħaq tkabbir turistiku, li jkun wieħed finanzjarjament sostenibbli. Wieħed mill-ostakli dejjem preżenti, hija l-istaġjonalità qawwija li jbati minnha Għawdex. 

Dan joħroġ mill-fatt li matul ix-xhur tas-sajf, l-okkupanza fl-istabbilimenti tal-akkomodazzjoni Għawdxin tkun għolja ħafna, filwaqt li din tinżel f’livelli baxxi ħafna matul ix-xhur twal tal-ħarifa u x-xitwa, u terġa’ tibda tiela’ bil-mod matul ir-rebbiegħa.

Għalhekk it-tkabbir turistiku f’Għawdex irid ikun ikkonċentrat fuq dawn it-tliet staġuni. Il-ħidma ta’ kull min hu kkonċernat trid tkun iffukata sabiex nestendu l-istaġun tas-sajf, billi nattiraw turisti barranin kemm fir-rebbiegħa kif ukoll fix-xhur tal-ħarifa u x-xitwa. Dan jista’ jsir billi nkomplu nippromwovu u nirreklamaw lil Għawdex bid-diversi niċeċ li toffri din il-gżira. Fost dawn insibu l-mixjiet fil-kampanja, il-Ġimgħa Mqaddsa, iż-żmien tal-Milied, il-karnival, l-opri liriċi u niċeċ ġodda oħra li lkoll għadhom mhumiex ottimizzati biżżejjed.

L-industrija turistika f’Għawdex trid tkun ukoll ikkumplimentata minn titjib kontinwu tal-prodott turistiku Għawdxi. Dan it-titjib irid ikun ġej kemm mill-awtoritajiet governattivi kif ukoll mis-settur turistiku stess. L-iżvilupp infrastrutturali li sar s’issa rridu nkomplu nħarsuh u nżommuh fi stat tajjeb, filwaqt li nkomplu bi żviluppi ġodda sabiex Għawdex verament ikun destinazzjoni ta’ kwalità. 

Is-settur privat irid ikun inċentivat sabiex ikompli jtejjeb il-prodott tiegħu, u anke joħloq oħrajn ġodda u innovattivi. Dan għaliex it-turiżmu huwa industrija li qed tinbidel kuljum u l-aspettattivi tat-turist saru iktar varji u esiġenti iktar minn qatt qabel. 

It-turist illum mhux qiegħed ifittex biss id-destinazzjoni, iżda l-esperjenza li jkun għex fid-destinazzjoni matul il-vaganza tiegħu. Din l-esperjenza tad-destinazzjoni trid tkun waħda verament awtentika, ġenwina u anke ta’ valur għal flus li jkun ħallas it-turist.

Il-kejl ta’ kemm Għawdex qed jagħti esperjenza pożittiva lit-turist, joħroġ mill-fatt li matul is-sena l-oħra, 47% tat-turisti li qagħdu lejl jew aktar ġewwa Għawdex kienu “repeat guests”, jiġifieri jkunu ġew u qagħdu Għawdex iktar minn darba. 

Dan il-persentaġġ għoli jawgura sabiex inkomplu nibnu fuq dak li huwa pożittiv, filwaqt li nnaqqsu u nimminimizzaw dak kollu li jista’ jagħti esperjenza negattiva lit-turist. L-impressjoni tajba li jkun daq it-turist tkun magħmula minn ħafna ingredjenti fosthom, il-livell tal-akkomodazzjoni, il-kwalità tal-ikel kemm fil-lukanda kif ukoll fir-ristoranti, l-indafa ġenerali tal-gżira, u fl-aħħar iżda mhux l-inqas it-tip ta’ servizz li jkun ingħata t-turist, mill-ħaddiema fl-istabbilimenti Għawdxin.

Ir-riżorsa umana fil-gżira Għawdxija hija forsi l-aqwa ingredjent li tgeżwer il-pakkett turistiku li kapaċi joffri Għawdex. L-ospitalità tal-Għawdxin għadha l-għodda li tiġbed u tħalli togħma tajba lit-turist fl-esperjenza tal-vaganza tiegħu. Iżda anke hawnhekk mhux kollox hu ward u żahar. Għaliex ftit ħafna huma dawk l-Għawdxin li huma lesti li jsegwu karriera fis-settur turistiku. 

Fl-aħħar nett għalkemm is-settur turistiku Għawdxi, jaffronta ħafna sfidi f’dan il-qasam, xorta waħda għadu jemmen bi sħiħ fil-potenzjal turistiku ta’ din il-gżira Għawdxija. Potenzjal li jekk ikun sfruttat tajjeb bi ħsieb u direzzjoni, l-industrija turistika f’Għawdex tista’ tkompli tissaħħaħ fl-operat tagħha. Is-settur turistiku Għawdxi lest li jkompli jinvesti u jikkollabora sabiex dan l-għan jintlaħaq.

More in Il-punt