Ittri Il-punt Blogs

Il-ħidma ma tiqafx!

Dan hekk kif f’Awwissu li ġej bħala għaqda se nkunu qed nospitaw f’pajjiżna aktar minn elf żagħżugħ u żagħżugħa minn madwar id-dinja għall-akbar attività taż-żgħażagħ li qatt saret f’pajjiżna.

Alex Saliba / 15 ta' Ġunju 2014 14:31
Għalkemm il-ġimgħat li għaddew kienu impenjattivi ħafna għall-Forum Żgħażagħ Laburisti wara li mexxejna ’l quddiem il-kampanja Charge the Vote illum għadna għaddejin b’ħidma ferm akbar u li ma taqta’ xejn. Dan hekk kif f’Awwissu li ġej bħala għaqda se nkunu qed nospitaw f’pajjiżna aktar minn elf żagħżugħ u żagħżugħa minn madwar id-dinja għall-akbar attività taż-żgħażagħ li qatt saret f’pajjiżna.
Dan hekk kif matul is-sena li għaddiet wara li rnexxielna nipperswadu lill-mexxejja żgħażagħ tal-International Union of Socialist Youths irbaħna d-dritt li nospitaw f’pajjiżna l-IUSY World Festival, l-akbar attività għaż-żgħażagħ soċjalisti minn madwar id-dinja kollha li tiġi organizzata darba kull sentejn. Ser ikunu madwar 250 organizzazzjoni ta’ żgħażagħ soċjalisti u soċjal demokratiċi mill-pajjiżi Sud Amerikani, Ewropa Ċentrali, u kif wkoll mill-Afrika t’Isfel li se jipparteċipaw f’din l-attività li ser tkun qed issir għall-ewwel darba fil-Mediterran, eżattament fil-Campsite ta’ Għajn Tuffieħa.
Sfida mhux faċli kemm għalina bħala fergħa żagħżugħa u kif ukoll għall-Partit Laburista li jorganizza attività ta’ dan id-daqs li ser issir bejn l-20 u 26 t’Awwissu li ġej. Attività li għaliha ser jattendu wkoll Kapijiet ta’ stati differenti u kif ukoll mexxejja ta’ partiti soċjalisti u soċjal demokratiċi minn madwar id-dinja.
Sitt ijiem fejn matulhom ser jitellgħu madwar 100 diskussjoni politika, festivals ta’ mużika, esebizzjonijiet u attivitajiet kulturali oħra, bit-tema prinċipali għal dan il-festival tkun is-solidarjetà bejn il-popli. Żgur li din se tkun ukoll opportunità tad-deheb għalina sabiex immexxu ’l quddiem l-aġenda tagħna fuq diversi sfidi li qed jaffaċja pajjiżna, bl-immigrazzjoni irregolari tkun fuq quddiem nett tal-aġenda tagħna.
Waqt dawn is-sitt ijiem tal-IUSY World Festival se nkunu qed nospitaw f’pajjiżna wkoll il-laqgħa annwali tal-għaqdiet taż-żgħażagħ soċjalisti Afrikani u kif wkoll il-laqgħa annwali tal-Għaqda taż-Żgħażagħ Soċjalisti Ewropej fejn matulha l-Forum Żgħażagħ Laburisti ser tkun qed tinnomina kandidat sabiex għall-ewwel darba jkollna Viċi-President Malti fi ħdan il-Young European Socialists.
Xtaqna nużaw din l-opportunità wkoll sabiex inkomplu nħarrġu lil membri tagħna, għalina mhux dejjem tkun faċli li nibagħtu gruppi kbar ta’ membri sabiex jieħdu t-taħriġ politiku barra minn xtutna u għalhekk din l-attività se sservi bħala opportunità sabiex f’pajjiżna stess il-membri tagħna jieħdu esperjenza differenti tal-politika internazzjonali u r-realtajiet soċjo-politiċi li jaffaċċjaw pajjiżi oħra.
Barra minn hekk xtaqna wkoll inkomplu nagħtu kontribut sabiex ngħollu isem pajjiżna, żgur li attività bħal din se tkompli tagħti togħma sabiħa ta’ pajjiżna mal-mijiet ta’ żgħażagħ li ħafna minnhom din se tkun l-ewwel esperjenza għalihom li fiha jżuru pajjiżna.
L-isfida finanzjarja sabiex jittella’ dan il-festival hija waħda kbira ħafna u għalhekk kull tip ta’ għajnuna u sostenn li wieħed jista’ jgħaddielna tkun tiswa ħafna sabiex dan il-proġett ikun jista’ jimmaterjalizza.
Qabel nagħlaq nixtieq nirringrazzja lill-eżekuttiv u l-membri tal-Forum Żgħażagħ Laburisti għall-ħidma tagħhom kemm matul il-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u kif ukoll għall-ħidma kbira li għaddejja sabiex intellgħu f’pajjiżna dan il-festival internazzjonali. L-appell tiegħi huwa għal dawk kollha li jixtiequ jissieħbu magħna f’din l-avventura l-ġdida tagħna sabiex jikkuntattjawna fuq l-email [email protected] jew iħallulna messaġġ fuq il-pagna tagħna fuq Facebook. Il-bieb tal-FŻL huwa miftuħ beraħ mhux biss lejliet xi elezzjoni iżda matul is-sena kollha. Dawk kollha li jixtiequ aktar informazzjoni fuq dan il-festival jistgħu jżuru s-sit li nidejna apposta bl-isem ta’ www.iusyfestival14.com.

Alex Saliba hu l-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook