Opinjoni | Il-plastik f’ħajjitna

Għandna bżonn ta’ viżjoni strateġika mhux biss dwar x’ser nagħmlu fuq l-iskart ġġenerat mill-plastik imma iktar dwar kif nistgħu u għandna nużaw il-plastik biex nibnu ekonomija ċirkulari

L- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) bħalissa qed tieħu ħsieb konsultazzjoni pubblika dwar il-plastik li jintrema wara li jkun intuża darba waħda biss. Dan jikkuntrasta mal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea li tħares lejn il-plastik b’mod iktar wiesa’ u olistiku.  

L-argument bażiku hu li t-tfassil tal-politika tagħna trid tħares fit-tul u tqis l-impatti f’kull stadju tal-implimentazzjoni. Dak li hu deskritt bħala life-cycle thinking. Dan ifisser, b’mod partikolari, li fil-proċess tal-manifattura u l-użu tal-materjali, l-impatti ambjentali f’kull stadju tal-użu ta’ prodott ikun ikkunsidrat u analizzat fl-istadju l-iktar bikri possibbli. Dan jibda mill-għażla tal-materjal użat, inkluż il-mod kif dan hu prodott u jibqa’ sejjer sal-mument li l-ħajja tal-oġġett tiġi fi tmiemha u allura jintrema jew inkella jkun ipproċessat mill-ġdid għal użu ieħor.

Id-dibattitu tal-lum hu dwar ir-rimi ta’ plastik wara li dan ikun intuża darba waħda (single-use plastic). Dan hu s-sors tal-ġenerazzjoni ta’ ammont sostanzjali ta’ skart li jeħtieġ li jkun indirizzat b’mod urġenti minħabba li żdied b’mod astronomiku f’dawn l-aħħar snin. Id-dokument li l-ERA ħarġet għall-konsultazzjoni pubblika hu intitolat: Single-Use plastic products Strategy for Malta. (Bl-Ingliż biss, għax għall-ERA l-Malti qisu ma jeżistix.) Min-naħa l-oħra, id-dokument tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea hu intitolat : A European Strategy for Plastics in a Circular Economy.

Id-dibattitu lokali hu indirizzat lejn it-tnaqqis tal-iskart iġġenerat mill-plastik u dan f’kuntrast mad-dibattitu Ewropew li għandu ħarsa iktar wiesgħa u jiffoka fuq ir-rwol tal-ekonomija ċirkulari. Dan il-kuntrast hu wieħed sinifikanti u jixhed kemm it-tfassil tal-politika lokali hi limitata għall-ovvju u ma tħarisx biżżejjed fil-fond ta’ dak li qed niffaċċjaw.

Kieku bħala pajjiż fettaqna fil-passat inqas, illum forsi qegħdin f’pożizzjoni aħjar biex nindirizzaw l-iskart ġġenerat mill-plastik

L-iktar ħaġa ovvja dwar il-plastik hi l-ħtieġa li jonqos il-ġenerazzjoni tal-iskart tal-plastik. F’dan l-aspett id-dokument konsultattiv Malti jindirizza b’mod adegwat il-ħtieġa li jonqos il-konsum tal-plastik u li titjieb l-ekonomija u l-kwalità tar-riċiklaġġ. Din l-istrateġija tidentifika l-problema, konsistenti f’oġġetti li nużaw kontinwament.  Din hi s-soċjetà li tinqeda u tarmi (the disposal society): tazzi, straws, frieket u skieken, fliexken u kontenituri tal-ikel. Hi l-imġiba tagħna li għandha tkun fil-mira biex ma nibqgħux nużaw oġgetti għal darba u narmuhom. Mhix triq faċli għax is-soċjetà konsumista mexxietna f’din it-triq.

Ironikament fost il-proposti li hemm fid-dokument konsultattiv Malti hemm indikat miżuri ta’ diżinċentiv ekonomiku kif ukoll miżuri fiskali. Dan forsi jfakkar lil uħud mill-qarrejja dwar l-eko-kontribuzzjoni li kienet introdotta (kważi) bl-addoċċ mill-amministrazzjoni mmexxija minn Lawrence Gonzi fl-2005. Din il-miżura fiskali kienet introdotta biex (fost affarijiet oħra) jkun indirizzat l-iskart iġġenerat mill-plastik li nużaw darba: ewlenija fosthom il-fliexken tal-plastik. 

L-eko-kontribuzzjoni kienet tneħħiet mill-Gvern tal-lum. Ikun interessanti kieku jkollna iktar informazzjoni dwar x’inhuma dawn il-miżuri fiskali kkontemplati bħala parti mill-istrateġija lokali dwar il-plastik. Għax mill-qari tad-dokument konsultattiv ma naslu mkien.

Waħda mill-miżuri prattiċi u tajba li qed ikunu kkunsidrati biex tkun indirizzata l-ħtieġa li ma jintremewx fliexken tal-plastik, u li iktar minnhom jinġabru għar-riċiklaġġ, hi skema ta’ depożitu fuq il-fliexken tal-plastik, liema depożitu tieħdu lura meta tirritorna l-flixkun. Meta din l-iskema tkun implimentata bla dubju tista’ tagħti riżultati tajbin. Lura lejn is-snin 2004/5 l-istess proposta kienet saret minn produtturi tal-minerali f’Malta bħala alternattiva għall-introduzzjoni tal-eko-kontribuzzjoni. Sfortunatament il-proposta kienet skartata minn rappreżentanti tal-ħwienet għax ma ridux ikollhom x’jaqsmu mal-iskart.

Kieku bħala pajjiż fettaqna fil-passat inqas, illum forsi qegħdin f’pożizzjoni aħjar biex nindirizzaw l-iskart iġġenerat mill-plastik. Fil-fatt ħlejna 15-il sena għax il-Gvern dakinhar kien ċeda.

Ħlejna 15-il sena għax il-Gvern dakinhar kien ċeda

L-istrateġija tal-Unjoni Ewopea dwar il-plastik tmur lil hinn mill-iskart. Għadna bżonn viżjoni ċara dwar is-sehem tal-plastik fl-iżvilupp tal-ekonomija ċirkulari, punt li l-istrateġija lokali ma teżaminax.  L-isfidi jeħtieġ li nittrasformawhom f’opportunitajiet b’mod li nagħmlu l-aħjar użu possibbli mir-riżorsi li għandna għad-dispożizzjoni tagħna.  

Ħarsu lejn in-natura: din ma taħlix. Il-weraq li jaqgħu mis-siġra jkunu assorbiti mill-ħamrija bħala sors ta’ nutrijenti u b’hekk il-weraq ikunu rriċiklati. L-ekonomija ċirkulari hi mfassla fuq dak li tgħallimna n-natura li taħdem b’mod ċikliku.

Din hi t-triq ’il quddiem. Għandna bżonn ta’ viżjoni strateġika mhux biss dwar x’ser nagħmlu fuq l-iskart ġġenerat mill-plastik imma iktar dwar kif nistgħu u għandna nużaw il-plastik biex nibnu ekonomija ċirkulari. 

Carmel Cacopardo huwa ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika.

More in Blogs